Kemmuna : ERA u Ambjent Malta twettaq ħidma ta' tindif u rijabilitazzjoni

Allokata żona apposta għall-ikkampjar, 'biex id-dilettanti ma jikkawżawx ħsara ambjentali'

Fil-ġimgħat li għaddew, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u Ambjent Malta (AM) komplew il-ħidma ta’ konservazzjoni u rijabilitazzjoni fil-Qala ta’ Santa Marija u f’siti naturali oħrajn f’Kemmuna.

Bħala parti minn din il-ħidma li bdiet fl-2017, din is-sena dawn l-entitajiet iffurmaw żewġ għadajjar tal-ilma ħelu u ilma salmastru viċin il-Qala ta’ Santa Marija sabiex jirrestawraw l-ambjent naturali ta’ dawn l-inħawi, li jattira ħafna speċi ta’ flora u fawna, fosthom għasafar tal-passa. Fl-istess waqt, ħawlu mal-1,000 siġra u arbuxell oħrajn ma’ dawk li tħawlu fis-snin ta’ qabel. B’hekk, ERA u Ambjent Malta żiedu mat-18,000 siġra u arbuxell f’din il-gżira fi żmien ħames snin.

Il-ħaddiema t’Ambjent Malta flimkien mal-ERA komplew ukoll il-programm fit-tul ta’ tindif u manutenzjoni ta’ dawn is-siti ta’ importanza ekoloġika fosthom f’Santa Marija u Bejn il-Kmiemen, jew kif inhi magħrufa aħjar, il-Blue Lagoon. Din is-sena neħħew għadd ta’ arbli tal-elettriku antiki li kien hemm fl-inħawi ta’ Wied l-Aħmar, bnew mill-ġdid għadd ta’ ħitan tas-sejjieħ imwaqqgħin, irranġaw l-ilqugħ tal-injam madwar l-għaram tar-ramel madwar il-gżira, biex ma jittifsux, u neħħew skart goff, pjanti invażivi u materjali oħrajn li ntefgħu fiż-żoni naturali ta’ Kemmuna matul is-snin.

Iż-żewġ għadajjar qegħdin qalb il-pjanti u s-siġar fl-inħawi ta’ Santa Marija sabiex jiġu restawrati l-ambjenti naturali tal-bwar salmastri li kien hemm fil-post. L-ERA u Ambjent Malta qed jaħdmu biex gradwalment ireġġgħu lura dan is-sit għal kif kien fl-istat naturali tiegħu. L-ambjenti naturali tal-għadajjar u l-bwar huma rari ħafna f’pajjiżna u għalhekk iż-żewġ entitajiet jemmnu li jeħtieġ kull forma ta’ ħarsien possibbli.

Dan il-post kien qiegħed jintuża għall-ikkampjar. Għaldaqstant, bħala alternattiva, dawk li jħobbu jmorru jikkampjaw f’Kemmuna issa jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma jikkawżaw ħsara ambjentali f’żona apposta magħrufa bħala Tal-Ful, ftit passi ’l bogħod. Ambjent Malta għaddejja b’xogħlijiet biex sas-sena d-dieħla dan il-post ta’ kkampjar ikollu faċilitajiet sanitarji ġodda u aktar sostenibbli wkoll.

Sadanittant, l-uffiċjali ta’ infurzar ta’ ERA din is-sena komplew iżidu l-preżenza tagħhom fuq Kemmuna, speċjalment tul ix-xhur tas-sajf, sabiex jiskoraġġixxu l-ħsara ambjentali lis-siti naturali ta’ din il-gżira. Fost oħrajn, dawn l-uffiċjali għenu biex jonqos l-iskart mormi b’mod irresponsabbli f’siti naturali, filwaqt li ggwidaw lil dawk li jżuru l-gżira biex ma jimxux lil hinn mill-passaġġi stabbiliti.

Intnat tajjeb li nfakkru li x-xogħlijiet ta’ ERA u Ambjent Malta f’Kemmuna huma bbażati fuq Pjan ta' Tmexxija li jiżgura li l-ambjenti naturali u l-ispeċi differenti f’din il-gżira jiġu kkonservati, u fejn meħtieġ imtejba. Dan il-pjan tfassal wara proċess ta’ konsultazzjoni u riċerka fit-tul, fis-snin li għaddew.

More in Socjali