Kważi 52% tal-poplu kellu l-kanċer jew jaf lil xi ħadd li kellu l-kanċer

Minkejja li ħafna jafu kif jiċċekkjaw lilhom infushom għall-kanċer tas-sider 97% iridu li xi ħadd jurihom kif verament tagħmel dan, fuq ġisem realistiku. L-ILLUM tingħaqad mal-Fondazzjoni Marigold f’diskussjoni bejn it-tobba, ir-riċerkaturi u dawk li ġġieldu u rebħu l-kanċer 

Nofs il-poplu kellu l-kanċer jew jaf lil xi ħadd li kellu l-kanċer. Dan jirriżulta minn sondaġġ ikkummisjonat mill-Fondazzjoni Marigold. Fil-fatt 51.7% tal-poplu qal li kellu l-kanċer jew jaf lil xi ħadd li kellu l-kanċer. Tant hu hekk li l-aktar kanċer komuni kien il-kanċer tas-sider b’24.5%, il-kanċer kolorettali b’12.5%, warajh il-kanċer tal-pulmun b’12.2%, segwit mill-kanċer tal-prostata b’7.7% u l-kanċer tal-għonq tal-utru b’6.6%. 

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Michelle Muscat qalet li minkejja li ssir ħafna ħdima waqt ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru għall-kampanji tal-Pink October u l-Movember, stqarret li hu kruċjali li din il-ħidma tilħaq lil poplu. Għaldaqstant wara kull kampanja l-Fondazzjoni tikkumissjona s-sondaġġ. 

Tajjeb li nirrimarkaw li din il-kampanja kellha impatt kbir fuq in-nisa Maltin fil-fatt kienu 84% tal-parteċipanti li semgħu bil-kampanja tal-kanċer tas-sider filwaqt li 80% ħasbu li din kienet effettiva. Apparti minn hekk żewġ persuni minn kull tlieta saħqu li għandhom għarfien tajjeb dwar il-kanċer tas-sider.  

Minkejja dan, il-folja inqalbet kompletament għall-kanċer tal-ovarji u tal-għonq tal-utru. Fil-fatt Muscat tgħid li kienu dawn ir-riżultati li wasslu biex għall-Pink October tal-2022 għażlu li jagħtuhom attenzjoni speċjali. 

Minkejja dawn iċ-ċifri pożittivi, kważi 97% tal-parteċipanti ta’ dan is-sondaġġ qablu li hemm bżonn ta’ aktar kampanji. Tant hu hekk li Muscat sostniet li ħafna persuni, inkluż il-parteċipanti, talbu għal kampanji realistiċi li juru mara u raġel b’ġisem ordinarju - u mhux sterjotipiku ta’ kif suppost jidher - mingħajr ħafna irtokki.  

“Kulħadd uman u ħadd m’għandu ġisem perfett u għalhekk meta nagħmlu l-kampanja tagħna irridu nuru ġisem realistiku filwaqt li ma nibżgħux nuru persuni jittestjaw lilhom infushom,” qalet Muscat. Żiedet tgħid li llum is-soċjetà inbidlet u għandha mentalità differenti u li ħafna jippreferu li jaraw filmat ta’ mara jew raġel jeżaminaw lilhom infushom mingħajr ħafna ċensura.  

L-ewwel edizzjoni tal-Pink Lunch Time Conversations 

Meta wieħed jitkellem fuq il-kanċer dak li jkun awtomatikament jassoċjah ma’ affarjiet negattivi; It-tbatija, ħajja li nqalbet ta’ taħt fuq u biża’ li qatt mhu se toħroġ minn din l-esperjenza ħajja.  

Iżda dik mhix ir-realtà li l-kampanja tal-Pink October u Movember trid turi. Għall-Fondazzjoni Marigold, pijuniera f’dawn il-kawżi, il-kanċer mhix sentenza tal-mewt anzi, minkejja l-isfidi li jġib miegħu l-kanċer, temmen li l-ħajja ma tiqafx wara d-dijanjożi.  

U għalhekk fuq dan il-ħsieb, ġiet organizzata għall-ewwel darba l-Pink Lunchtime Conversation, li taħt saqaf wieħed laqqgħat lil tobba, survivors, personalitajiet Maltin u l-midja. Dan bil-għan li, bejn bela’ kafè u oħra, kulħadd jiddiskuti u jaqsam ir-relazzjoni tiegħu mal-kanċer biex jaraw kif din l-esperjenza minkejja l-ostakli li ġġib magħha, għandha realtajiet oħra.  

‘Jien nistħajilni statwa tal-festa li waqgħet u għamluli r-restawr’

Preżenti għal din id-diskussjoni kien hemm numru ta’ survirors fosthom Rita Brincat li ħafna jafuha fuq xi reklam fuq it-televiżjoni. Kompliet tgħid li hija wkoll kella l-kanċer tant li tilfet sidirha iżda - minkejja li affettwatha psikoloġikament għaliex kellha bidla fid-dehra - tgħid li ma ħallietx lil kanċer jiddominalha ħajjitha. Apparti minn hekk hija tgħid li meta tmur tagħmel laqgħat informattivi lill-kumpaniji hija tipprova tgħaddi l-filosofija tagħha lilhom. 

B’daħqa fuq wiċċa hija qalet li hi tistħajjel lilha nnifisha bħala statwa tal-festa li waqgħet “u għamluli r-restawr” dan għaliex minkejja li tilfet sidirha ingħatat l-għajnuna biex terġa tħossha “kompluta.” 

Żiedet tgħid li parti mill-fejqan tagħha kienu l-għajnuna u l-imħabba li kienet imdawra biha; Mill-ħbieb, mill-qraba u mill-professjonisti. 

Bi qbil magħha tkellmet ukoll Martina Fenech li hija wkoll irnexxielha tirbaħ lill-kanċer. Saħqet li snin ilu tilfet lil ommha għall-kanċer tas-sider. B’emozzjoni hija tirrakkonta kemm ommha batiet fis-silenzju u kemm hi u ħuta batew ukoll meta raw lil ommhom beżagħna għall-futur tagħha. 

“Dak iż-żmien, madwar 10 snin ilu, il-maġġoranza tal-każijiet li konna naraw fuq il-midja kienu esperjenzi negattivi, ta’ nies li ħallewna. Niftakar lil ommi tibki fuq is-sufan u tistaqsi, ‘jien hekk se nispiċċa?” qalet Fenech.

Tgħid li din l-esperjenza wassalha biex tibda’ toħloq kuxjenza biex ħadd ma jħossu hekk u fuq kollox biex turi biċ-ċar li 80% tal-pazjenti jirnexxielhom ifiequ u jgħixu ħajja normali, “allura għaliex hemm il-preċezzjoni li kull min jaqbdu l-kanċer imut? Le, għandna bżonn nagħmlu aħjar.” 

‘Kulħadd għandu x’jitgħallem mill-esperjenzi, anke jekk ma taf lil ħadd bil-kanċer’ 

Intant f’kumment li tat lil gazzetta ILLUM Muscat qalet li l-għan aħħari tal-Pink Lunchtime Conversations kien li; Ġej minn liema realtà ġej, anke jekk wieħed ma ġiex milqut mill-kanċer, kulħadd għandu x’jitgħallem minn dawn l-esperjenzi. Kemm jekk riċerkatur, survivor, tabib jew infermiera. 

“Apparti minn hekk aħna qed naraw li l-kampanja teduka lill-poplu biex jieħdu ħsieb lilhom infushom mingħajr ma jibżgħu b’dak li se jsibu. B’hekk jekk jasal biex xi darba jkollhom bżonn il-kura, diġà jkunu armati bl-informazzjoni. Minn naħa l-oħra hemm persuna professjonali li tempatizza mal-persuni u l-familji biex kemm jista’ jkun jgħixu ħajja serena,” temmet tgħid mal-ILLUM iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold Michelle Muscat. 

More in Socjali