'Irridu li x-Chalet terġa' tieħu l-ħajja!' Sejħa għal proposti għar-rijabilitazzjoni tas-sit

L-MSPP qed tara li bi proġett ta' kwalità jinħolqu 53 impjieg full-time 

Malta Strategic Partnership Projects Ltd (MSPP) qed tħabbar sejħa għal proposti mis-settur privat biex ix-Chalet f'Tower Road Sliema ikun rijabilitat. Dan il-proġett huwa parti minn strateġija li MSPP ħejjiet u li timmira li tirrijabilità u ssebbaħ siti li ilhom fi stat ta' abbandun għal diversi snin. B'investiment mis-settur privat, l-għan huwa li t-tali siti jiġu trasformati fi proġetti ta' kwalità. 

Preżentament is-sit tax-Chalet, li ilu fi stat ta' abbandun għall-kważi sittin sena, m'huma xejn għajr biċċa art tal-konkrit bi ftit li xejn aċċess għall-pubbliku. Filwaqt li nbena fl-1926, ix-Chalet għalaq il-bibien tiegħu fl-1963 u twaqqa' fl-2006. 

L-MSPP qalet li l-istudji li saru juru li bi proġett ta' kwalità, jistgħu joħolqu l-ekwivalenti ta' 53 impjieg fuq bażi full-time filwaqt li l-proġett jikkontribwixxi għall-valur miżjud ta' €2.5 miljun u madwar €860,000 fi dħul mit-taxxi.

"Dan apparti li fil-fażi li jkun qed isir l-investiment, hu stmat li jinħolqu medja ta' 18 impjieg full-time, b'valur miżjud lijlaħħaq is-€700,000 u €23,000 fi dħul mit-taxxi meta wieħed jikkunsidra l-effetti multiplikaturi kollha." 

Il-proġett tax-Chalet, li ġie studjat fil-kuntest tax-Chalet Development Brief tal-2002, jitlob proposti li jħarsu lejn minimu ta' :

  • €3.2 miljun f'investiment kapitali inizjali;
  • Investiment sussegwenti ta' €1.4 miljun kull seba' snin u
  • Investiment mill-ġdid ta' €3.2 miljun fil-perjodu ta' bejn it-28 u t-30 sena taż-żmien tal-konċessjoni. 

L-MSPP qed tipproġetta li l-konċessjoni, li hija fuq perjodu ta' 65 sena, beħsiebha trendi l-kirja tas-sit u l-ħlas tal-konċessjoni li b'kollox bħala minimu iqarbu €250,000 kull sena. 

L-MSPP tisħaq ukoll li dan il-proġett se jkun qed jinvesti fil-prodott turistiku Malti anke għaliex is-sejħa qed titlob lil min hu interessat japplika biex jippreżenta pjan b'miiżuri ċari u konkreti li jwasslu għall-benefiċċji fiż-żona tal-madwar bħal per eżempju titjib fl-aċċess kif ukoll xogħlijiet ta’ tisbiħ u promozzjoni tal-lokalità ta’ Tas-Sliema.

"Għalhekk il-proġett se jkun qed jikkontribwixxi b’mod tanġibbli lejn din il-lokalità u lejn ilkomunità Slimiża," qalet l-MSPP.

Temmen li miżuri li jħarsu l-ambjent kif ukoll l-innovazzjoni u l-kreattività għandhom jingħataw importanza fil-proġetti proposti. "Il-partijiet interessati għandhom jikkunsidraw ukoll ir-realtà tas-sit li huwa suġġett għall-kundizzjonijiet li jġib miegħu l-maltemp." 

Is-sejħa pubblika tagħlaq fl-1 ta' Frar 2023. Il-proposti mressqa se jiġu mgħarbla minn kumitat apposta magħmul minn uffiċjali għolja fiċ-Ċivil u uffiċjali mis-settur pubbliku filwaqt li l-proġett rakkomandat se jitressaq għall-approvazzjoni talogħla istituzzjoni tal-pajjiż permezz ta’ riżoluzzjoni parlamentari.

More in Socjali