Il-parkeġġi għall-ministeri jfaqqsu fil-Belt u tad-deliveries biċ-ċitazzjonijiet; ‘Fil-Belt kulħadd sar jagħmel li jrid’

Residenti u sidien ta’ negozji fil-Belt jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ organizzazzjoni fil-Belt. Jisħqu li l-parkeġġi għall-ministeri qed ifaqqsu, tad-deliveries jibilgħu ċ-ċitazzjonijiet u tar-ristoranti jkompli jieħdu l-parkeġġi biex joħorġu l-imwejjed 

Għadd ta' parkeġġi riservati għall-Ministeru tal-Ġustizzja fi Pjazza Indipendenza, fil-qalba ta' żona residenzjali Beltija
Għadd ta' parkeġġi riservati għall-Ministeru tal-Ġustizzja fi Pjazza Indipendenza, fil-qalba ta' żona residenzjali Beltija

“Fil-Belt Valletta kulħadd sar jagħmel li jrid. Spiċċajna free-for-all. Il-parkeġġi tal-ministeri qed ifaqqsu għax kull Ministru jrid isib il-karozza wara l-bieb. Imbagħad tad-deliveries jaqilgħu ċ-ċitazzjonijiet u tar-ristoranti jikkapparaw il-parkeġġi bl-imwejjed.”  

Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM persuna li tieħu ħsieb stabbiliment ewlieni u popolari fil-Belt Valletta li insista li fil-Kapitali ma hemm organizzazzjoni u ppjanar ta’ xejn. Tal-istess fehma kienu sidien oħra ta’ negozji u anke residenti. Uħud minn dawn qalu li huma “mxebba’” bis-sitwazzjoni li fi kliemhom qed tmur għall-agħar. 

Jekk wieħed jaqbad jimxi mat-toroq tal-Belt jinnota kif dak li qalulna r-residenti u anke s-sidien huwa minnu. Il-parkeġġi riservati għall-ministeri żdiedu b’mod partikolari f’żoni residenzjali bħal Triq l-Ifran. Ma hemmx parkeġġ wieħed riservat għall-karozza tal-ministru imma għadd ta’ parkeġġi oħra riservati għal uffiċjali tal-ministeri. 

Il-gazzetta ILLUM ilha ħmistax li bagħtet lil Transport Malta tistaqsi kemm hemm parkeġġi riservati għall-ministeri preżentament u dan kif jikkumpara mal-aħħar ħames snin. Sakemm morna għall-pubblikazzjoni, il-mistoqsijiet kienu għadhom mhux imwieġbu.  

Sid ta’ stabbiliment ewlieni fil-Belt Valletta insista li dawn huma affarijiet żgħar imma meta jinġabru kollha flimkien “qed jagħmlu s-sitwazzjoni fil-Belt waħda ta’ kaos.” 

Karozza tal-Ministru tagħlaq l-aċċess għal Triq Merkanti
Karozza tal-Ministru tagħlaq l-aċċess għal Triq Merkanti

“Ejja Triq San Pawl filgħodu. Fil-post fejn qabel kienu jieqfu l-vannijiet, issa sar parkeġġ riservat għall-ministru. Tad-deliveries ikollhom jieqfu fin-nofs, għax dawn ma jistgħux joqogħdu jġorru u minħabba f’hekk qed jaqilgħu ċ-ċitazzjonijiet. Hemm min ma jridx iġibilna aktar xogħol,” insista. 

Tkellimna ma’ sidien oħra u anke residenti. Ilmentaw dwar il-parkeġġi tal-ministeri iżda mhux biss. 

“Iva vera. Il-parkeġġ għall-ministeri żdiedu. Qabel kien ikun hemm parkeġġ għall-ministru biss. Issa anke għall-uffiċjali tal-ministeru. Mhux kulħadd irid jiġi u jipparkja?”, staqsa wieħed mir-residenti. 

Oħrajn staqsew għaliex hemm bżonn li l-ministri jokkupaw parkeġġ fil-belt meta dawn ikollhom xufier il-ħin kollu magħhom. 

“Ma jistgħux iwassluhom quddiem il-ministeru, imorru jipparkjaw xi mkien ieħor u meta jkollhom bżonn jerġgħu jgħaddu għalihom? La l-ispazju fil-Belt diġà limitat, għaliex kull ministru jrid il-karozza pparkata ġurnata wara l-bieb,” komplew jisħqu r-residenti. 

Iżda mhumiex il-parkeġġi tal-ministeri biss li qed idejqu lir-residenti Beltin u anke sidien oħra tan-negozji.  

“Kulħadd sar jagħmel li jrid. Ma hemm infurzar ta’ xejn u kulħadd jiġi jaqa’ u jqum mir-residenti,” qal wieħed mir-residenti. 

Fil-fatt, l-istess resident qasam ma’ din il-gazzetta ritratt ta’ żewġt imwejjed imqiegħda fuq parkeġġ riservat għal wieħed mill-ministeri li jinsab fi Triq Santa Luċija. 

“Malli jitlaq il-ministru u l-ħaddiema, malajr joħorġu l-imwejjed u jikkapparaw il-parkeġġ, meta suppost hawn jipparkjaw ir-residenti,” insista r-residenti. 

Fil-fatt, f’intervista mal-gazzetta ILLUM, is-Sindku Belti Alfred Zammit kien ikkonferma li l-parkeġġi li huma riservati għall-ministeri, filgħaxijiet u fi tmiem il-ġimgħa, huma parkeġġi riservati għar-residenti.  

Iżda dan lanqas ma hu l-uniku abbuż. Il-gazzetta ILLUM irċeviet ritratti ta’ xi ristortanti li filgħaxijiet, fi tmiem il-ġimgħa, qed joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet fil-postijiet tal-parkeġġi. 

“Mill-Ħamis filgħaxija jwaħħlu permess tan-no parking maħruġ mill-Kunsill daqslieku jkunu se jagħmlu xi xogħlijiet. Trakkijiet ma jiġux u filgħaxija joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet. Kulħadd jagħmel li jrid. Ħadd ma jista’ għalihom,” qaltilna r-residenta li bagħtet dan ir-ritratt. 

Ristoranti fi Triq l-Ifran joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet fil-postijiet tal-parkeġġ
Ristoranti fi Triq l-Ifran joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet fil-postijiet tal-parkeġġ

Apparti minn hekk ilmentaw ukoll dwar permessi li jingħataw “bl-addoċċ” biex isiru xogħlijiet. 

“Il-permessi joħorġu qishom pastizzi. Fi Triq l-Ifran hemm xi tliet postijiet li qed jiġu rranġati f’salt. Kollha kemm huma bil-permessi tan-no parking fl-istess jiem. Triq sħiħa ma tistax tipparkja u diżastru sħiħ ta’ trakkijiet, trabijiet u dħaħen! Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk,” qalulna residenti oħra. 

X’inhuma l-pjanijiet tal-Kunsill għall-parkeġġi fil-Belt?  

Dwar dawn l-isfidi, il-gazzetta ILLUM kienet diġà tkellmet mas-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit li kien spjega kif kull ministeru jista’ jkollu sa ħames parkeġġi. Madanakollu qal li l-Kunsill mhux l-ewwel darba li ġibed l-attenzjoni ta’ xi ministeri li ma jkollhomx għalfejn jieħdu ħames parkeġġi. Apparti minn hekk kien qal li l-Kunsill Lokali jitkellem kontinwament mal-ministeri bil-għan li l-parkeġġi riservati isiru f’postijiet fejn l-inqas jolqtu lir-residenti.  

Zammit kien qal ukoll li hu jixtieq li jbiddel il-mod kif jgħaddi t-traffiku fil-Belt Valletta, anke għax il-pjan li għandu hu jista’ jżid mal-1,000 parkeġġ fid-dawra tal-Belt.  

Imwejjed jinħarġu fuq il-parkeġġ tal-ministeru fil-ħin li suppost jipparkjaw ir-residenti
Imwejjed jinħarġu fuq il-parkeġġ tal-ministeru fil-ħin li suppost jipparkjaw ir-residenti

Madanakollu kien qal li qed ikun hemm ħafna tkaxkir tas-saqajn mill-awtoritajiet. Sadanittant, qal is-Sindku, il-Kunsill qed iżid il-parkeġġi l-ħodor (jiġifieri dawk riservati għar-residenti biss).  

Kien qal ukoll li hu jemmen li l-parkeġġi l-blu, jiġifieri dawk riservati għar-residenti bejn is-7pm u s-7am, għandhom jispiċċaw u jsiru jew kollha għar-residenti jew inkella jinqasmu għar-residenti u dawk li jżuru l-Belt, b’vantaġġ għar-residenti.  

Dan apparti proġett ieħor li ilu fuq l-ixkaffa għaż-żona ta’ Hastings, biex filwaqt li jitkabbar dan il-ġnien, isir parkeġġ taħt l-art.  

‘Forsi wasal iż-żmein li l-Ministeri jibdew joħorġu mill-Belt’ 

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ James Vella Clark, attivist u membru tal-grupp Valletta Residents Revival li staqsa jekk wasalx iż-żmien li l-Ministeru jibdew joħorġu mill-Belt Valletta, mhux minħabba l-parkeġġi imma anke biex xi darba fil-Belt ikun hemm spazji jew toroq ħielsa mill-karozza. 

Fi kliemu huwa xokkanti kif ħafna spazji qed jittieħdu minn ministeri u dipartimenti governattivi. 

“Il-kumplament tal-parkeġġi, ħafna minnhom qed jingħataw bi pjaċir jew bħala inċentiv lil dawk imlaħħqin mal-Gvern. Hemm ħafna parkeġġi riżervati għal nies imlaħħqin fil-ministeri. Veru li l-kumdità kulħadd iħobbha imma ż-żejjed kollu żejjed ... Ċert li qed isir ħafna abbuż fl-għoti ta’ dawn il-parkeġġi imma issa l-abbuż, drajnieh ” 

Fi kliemu, l-ispazju fil-Belt huwa dak li hu u għalhekk abbuż simili fil-Belt jinħass ħafna aktar. 

More in Socjali