Imdenija App bil-għan li tgħin persuna żżomm rendikont tal-infiq tagħha

L-għan tal-App huwa biex persuna tkun kapaċi tippjana aħjar l-infiq tagħha u b'hekk tkun kapaċi tfaddal aktar

Ġiet imnedija ‘Budget App’, li l-għan ewlieni tagħha huwa li tgħin persuna żżomm rendikont tal-infiq tagħha u b'hekk tkun tista' tfaddal aktar.

Permezz ta’ din l-app, persuna tista’ ddaħħal id-dħul finanzjarju tagħha ta’ kull xahar, u tista’ tikkalkula l-infiq sostenibbli li jista’ jsir meta pparagunat ma’ dak id-dħul. Eventwalment din l-app se tgħin lill-persuna tippjana aħjar finanzjarjament.

Din l-app saret b’kollaborazzjoni bejn ĠEMMA li hija fergħa fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Università ta’ Malta, illi ħolqu din l-app.

F’konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat l-għan wara din l-għodda teknoloġika ġdida li jsaħħaħ l-għarfien finanzjarju ta’ kull individwu, speċjalment t’adolexxenti. L-app tista’ tiġi mniżżla b’xejn fuq kull mobile android, u sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa se tkun aċċessibbli wkoll għall-iphones. L-app hija aċċessibbli fuq is-sit: https://mobilefinapp.gov.mt/budgetPlanner/frontEnd/.

Il-Ministru Michael Falzon insista li huwa importanti li t-tfal minn età żgħira jkunu mdorrija jfaddlu. 

"B’aktar għarfien u kuxjenza nistgħu nrawmu soċjetà li taħseb f’għada, b’infiq sostenibbli. Il-gvern se jibqa’ kommess illi jnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali, permezz t’aktar miżuri li se jkomplu jaslu għand il-familji tagħna,” qal il-Ministru.

It-tim leader ta’ ĠEMMA Helena Holland  u Joel Azzopardi mill-Università ta’ Malta tkellmu dwar il-kollaborazzjoni tagħhom, u kif proġetti bħal dawn qed iħallu impatt pożittiv fil-ħajja soċjo-edukattiva ta’ ħafna setturi fis-soċjetà, speċjalment studenti u żgħażagħ.

More in Socjali