Ftit aktar minn 33% tal-Maltin biss huma informati fuq il-kanċer tal-għonq tal-utru

Tingħata l-bidu tal-kampanja tal-Pink October u Movember 2022 bi skeda estensiva ta' attivitajiet biex iqajmu kuxjenza 

33.4% tal-popolazzjoni Maltija biss għandha għarfien fuq il-kanċer tal-għonq tal-utru. Propju fid-dawl ta' din ir-realtà illum, jiem 'il bogħod mill-bidu t'Ottubru, ġiet imnedija l-kampanja tal-Pink October u Movember 2022, li bħas-snin ta' qabel Malta tara numru ta' attivitajiet biex titqajjem kuxjenza fuq il-kanċer tas-sider, tal-għonq tal-utru, tal-ovarji, tat-testikoli u tal-prostata. 

Din l-istatistika, li ħarġet minn sondaġġ ikkommissjonat minn Marigold Foundation, hija indikazzjoni tal-għarfien tal-Maltin mhux biss dwar it-tipi differenti ta' kanċer iżda wkoll fuq kif wieħed għandu jagħmel assessjar fuq ġismu. Minn 500 parteċipant f'dan is-sondaġġ, 51.7% tal-parteċipanti saħqu li huma jew membru tal-familja tagħhom ġew iddijanjostikati bil-kaċer, bl-aktar komuni li kienu dawk tas-sider, tal-musrana l-kbira, tal-pulmun, tal-prostata u tal-għonq tal-utru.

Perstenaġġ simili kien dak dwar l-għarfien tal-ittestjar tal-kanċer tat-testikoli u l-prostata. B'kollox kienu 31% biss tal-irġiel li saħqu li kellhom għarfien, jew ġew mgħallma, kif għandhom jiċċekkjaw lilhom infushom. 

Għat-tmien edizzjoni tal-Pink October, iċ-chairperson tal-Marigold Michelle Muscat, mdawwra b'diversi tobba u volontiera, saħqet f'konferenza tal-aħbarjiet li permezz ta' dan is-sondaġġ - li jsir wara kull kampanja - setgħu jifmu aħjar fuq liema temi għandhom jiffukaw tul din il-kampanja. Għaldaqstant hija saħqet li minkejja li huwa importanti li nitkellmu fuq il-kanċer tas-sider huwa daqstant importanti li ssir diskussjoni fuq il-kanċer tal-ovarji u tal-għonq tal-utru, kif ukoll dawk tal-prostata u tat-testikoli. 

Muscat fakkret li tul din il-kampanja se jsiru diversi inizjattivi inkluż esebizzjoni ta' ritratti meħuda mill-fotografu Bernard Polidano, li ttieħdu bil-għan li juru l-ġisem tal-bniedem fil-forma naturali tiegħu mingħajr irtokki u ippużar. Apparti minn hekk se issir il-Pink Zebra Walk fil-Kottonera, liema ibliet is-sondaġġ indika li hemm bżonn ta' aktar għarfien fuq is-suġġett. 

Kuxjenza fuq il-Pink October u Movember waqt il-logħob tal-futbol

Ġest ieħor li se jsir bil-għan li tinħoloq aktar kuxjenza u li tolqot aktar nies huwa li nhar is-Sibt l-1 ta' Ottubru u nhar il-Ħadd 2 ta' Ottubru l-iskwadri tal-football lokali, lil hinn minn liema livell jinsabu fih, il-kaptat tat-tim se jkollu faxxa roża bl-iswed biex tfakkar din il-kampanja. 

"Il-futbol huwa punt ta' diskussjoni f'kull kommunità Maltija. Wieħed m'għandux għalfejn isegwi partita fuq it-televiżjoni jew iżur il-grawnd biex jitkellem fuqu. Huwa għalhekk li se ssir din l-inizjattiva, biex inqajmu aktar kuxjenza fuq dak li hu importanti," qal id-Direttur tal-MFA Peter Busuttil. Apparti minn hekk se jsiru aktar attivitajiet fosthom dik annwali, The Great PNK OCT MOV'22 Bike Ride. 

Intant bil-fondi li jinġabru ta' kull sena tul din il-kampanja, dawn jitqassmu bejn diversi NGOs fosthom Europa Donna, Puttinu u aktar fost l-oħrajn. Bil-flus li jkun għad fadal, dawn imorru għall-makkinarji li jtejjbu l-esperjenza tal-pazjenti u din is-sena se tiffoka biex tixtri makkinarju li permezz tiegħu l-pazjenti morda bil-kanċer jingħataw l-assistenza medika f'pajjiżna, minflok l-iskariġġ li jmorru Londra. 

Preżenti għall-konferenza kien hemm il-mara tal-President l-Onorevoli Miriam Vella li hija wkoll wisset lill-Maltin, Għawdxin u persuni barranin biex iħarsu saħħtihom u jagħmlu t-testijiet u l-eżaminazzjonijiet meħtieġa.

Tixtieq tipparteċipa f'attivita jew tagħti donazzjoni?

Biex tagħti l-appoġġ tiegħek lejn din il-kampanja tista' żżur il-paġni ta' Facebook u Instagram 'Pink Oct-Mov' jew inkella iżżur is-sit: marigold.org.mt/pink. 

Għal donazzjonijiet: 

  • Ibgħat messaġġ fuq: 50619238 biex tagħti donazzjoni ta' €11.65. 
  • Ibgħat messaġġ fuq: 51702052 biex tagħti donazzjoni ta' €15.
  • Ibgħat messaġġ fuq: 51802053 biex tagħti donazzjoni ta' €25. 
  • Uża MOBILE PAY permezz tan-numru: 99912373 għal ammonti ta' aktar minn €500. 

More in Socjali