Jew tħallas l-eluf jew inkella tixtri gabuba ... il-prezz tal-proprjetà fil-Belt Valletta

Kemm jiswew il-prezzijiet tal-proprjetà fil-Belt? Kemm trid tħallas biex ikollok dar diċent? Koppja żagħżugħa possibbli tixtri proprjetà l-Belt? Imma dawn il-proprjetajiet min qed jixtrihom? 

Fl-aħħar ġimgħat, il-gazzetta ILLUM tkellmet ħafna fuq il-Belt Valletta u esprimiet it-tħassib ta’ bosta għal mod kif qed tonqos il-popolazzjoni Beltija. L-aħħar ċensiment kkonferma dan. Żgur li raġuni ewlenija għaliex ħafna żgħażagħ qed jitilqu mill-Belt u oħrajn mhux jieħdu posthom, hija l-prezzijiet l-proprjetà. Koppja llum diġà tissallab biex tixtri appartament, aħseb u ara kieku kellha tixtri post il-Belt.  

L-ILLUM għamlet riċerka f’diversi siti ta’ aġenti ta’ proprjetà biex tifhem aħjar kemm huma l-prezzijiet tal-proprjetà fil-Belt u kif dawn jikkumparaw ma’ lokalitajiet oħra li fihom qed imorru jgħixu ż-żgħażagħ. 

L-irħas proprjetà li l-ILLUM sabet għall-bejgħ fil-Belt kienet tiswa €101,000. Forsi tgħidu llum x’tixri b’dak il-prezz? Lanqas barra l-Belt ma ssib post dak il-prezz! Hekk hu, imma għall-proprjetà kif inhi, dan il-prezz huwa esaġerat. Il-proprjetà hija speċi ta’ kantina ta’ żewġt ikmamar nieżla biċċiet. 

Ħarisna aktar lejn dawk il-proprjetajiet li l-prezz tagħhom jikkumpara mal-prezzijiet ta’ appartamenti jew maisonettes barra l-Belt, f’lokalitajiet bħall-Mosta, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi u ż-Żurrieq. 

Fost oħrajn, l-ILLUM sabet appartament bi prezz ta’ €275,000. Illum diffiċli ssib tixtri b’irħas. B’dak il-prezz, sibna proprjetajiet f’diversi lokalitajiet b’żewġ jew tlett ikmamar tas-sodda. Fil-Mosta, bl-istess prezz sibna appartament bi tlett ikmamar tas-sodda ta’ 135 metru kwadru. Fiż-Żurrieq saħansitra sibna penthouse furnished. 

Imma taf x’tixtri b’dak il-prezz fil-Belt? Appartament b’kamra tas-sodda waħda ta’ 71 metru kwadru. F’kelma waħda, gabuba. Dan apparti li trid tonfoq l-eluf biex tirranġah. 

Sibna wkoll appartament bi prezz ta’ €250,000 li għandu kamra tas-sodda waħda. Id-daqs? 78 metru kwadru? Sibna b’irħas. Appartament furnished b’kamra tas-sodda waħda għall-prezz ta’ €213,000. Id-daqs huwa ta’ 55 metru kwadru. F’kelma waħda, jekk jidħol ħmar, jibqa’ b’denbu barra. 

Nifhmu wkoll li min irid jixtri proprjetà l-Belt, irid ikun lest iħallas ukoll għall-fatt li qed jgħix f’Belt Kapitali, mogħnija b’patrimonju kbir. 

Għalhekk, fittxejna proprjetajiet bi prezz aktar għoli. Sibna, perezempju, maisonette li jiswa €319,000. Imma anke jekk tlajna fil-prezz, id-daqs baqa’ dak li kien. Kamra tas-sodda waħda, 60 metru kwadru u jirrikjedi ħafna xogħol biex ikun abitabbli. 

Tlajna fil-prezz u din id-darba sibna appartament, b’kamra tas-sodda waħda wkoll bi prezz ta’ €320,000. Huwa ftit akbar mill-bqija imma lanqas mhu xi palazz. 75 metru kwadru u trid tirranġah. Anke r-ritratti juruk li l-post huwa żgħir u dan meta tqis li r-ritratti jqarquk għax kamra tkun tidher ħafna akbar milli fil-verità tkun. 

Barra l-Belt, bi €300,000 se ssib appartamenti pjuttost imdaqqsa, finished jekk mhux furnished ukoll. Sibna appartamenti, penthouses u anke duplex maisonette f’Ħaż-Żebbuġ, bil-bejt u l-arja tiegħek. 

L-ewwel post li sibna b’żewġt ikmamar tas-sodda fil-Kapitali kien jiswa €350,000. Jirrikjedi xi xogħlijiet ukoll u d-daqs tiegħu huwa ta’ 60 metru kwadru biss. Aktar raġonevoli fil-prezz, imma jirrikjedi ħafna xogħol, kien appartament ta’ żewġt ikmamar tas-sodda. Dan ukoll jiswa €350,000 u kbir 120 metru kwadru. 

Il-bqija tal-propretajiet huma għolja mmens u diversi drabi tispiċċa tħallas għall-veduta. Sibna maisonette b’veduta tal-Port ta’ Marsamxett. Jiswa €430,000. B’dak il-prezz ikollok biss 50 metru kwadru u kamra tas-sodda waħda. Bl-istess prezz, barra l-Belt, tixtri penthouse imdaqqsa, appartament kbir u saħansitra anke djar żgħar. 

L-ogħla proprjetajiet fil-Belt se ssibhom fl-inħawi magħrufa bħala s-Sur ta’ Santa Barbara (viċin il-Barrakka ta’ Isfel), anke minħabba l-veduta tal-Port il-Kbir. Fost l-irħas li sibna f’din iż-żona kien appartament furnished ta’ żewġt kmamar tas-sodda li jiswa €570,000. 

Dawn li semmejna huma ‘l-irħas’ propretajiet fil-Belt għax il-bqija tal-prezzijiet huma sploduti. Sibna appartament ta’ tlett ikmamar tas-sodda, imma jiswa €795,000 u trid eluf oħra biex tlestih. Il-bqija tal-proprjetajiet joqorbu lejn il-miljun u xi drabi jaqbżuhom ukoll u huma sempliċiment appartamenti. L-ILLUM sabet appartament furnished ta’ tliet kmamar tas-sodda li jiswa xejn inqas minn €1,010,000. 

‘Ix-xewqa taż-żgħażagħ li jiġu jgħixu l-Belt hemm qiegħda...’ 

Jekk il-prezzijiet tal-proprjetà fil-Belt huma għolja, ma jfissirx li ma hemmx ix-xewqa taż-żgħażagħ li jmorru jgħixu l-Belt u mal-ILLUM ikkonferma dan Keith Vassallo, aġent tal-proprjetà li jispeċjalizza fi proprjetajiet kemm fil-Belt Valletta u anke l-Kottonera.

Vassallo insista mal-ILLUM li anke jekk il-prezzijiet tal-proprjetà fil-Belt huma għolja, ikollu ħafna żgħażagħ li xorta waħda jipprovaw jaraw isibux xi ħaġa fil-Belt. 

“Forsi sal-2017 kienu jsibu imma issa ma jsibux. Bil-baġit li jkollhom, nispiċċaw nuruhom xi proprjetà b’żewġt ikmamar.” 

Fi kliemu, ikun hemm banek li lanqas jagħtuhom loan biex jixtru l-Belt għax l-ispiża biex tirranġa l-post tkun kbira, x’aktarx aktar minn kemm ikunu ħasbu li se jonfqu oriġinarjament.

Mistoqsi jekk humiex il-barranin l-aktar li se jixtru l-proprjetajiet fil-Belt, Vassallo qal li filwaqt li hemm numru ta’ barranin li jixtru proprjetà fil-Belt, il-maġġoranza tax-xerrejja huma investituri lokali. 

“Hemm minn xtara anke sitt proprjetajiet fil-Belt. Jagħmlu investiment. Jixtrulek proprjetà u jaqsmuha fi tnejn, pereżempju. Rari jixtru biex ikunu residenti.” 

Mill-banda l-oħra, il-barranin jixtru proprjetà l-Belt biex ikunu residenti jew almenu jqattgħu ftit ġimgħat fis-sena. 

“Ikun hemm minnhom li jikbru u l-proprjetà ma tibqax komda għalihom, l-istess kif ma tibqax komda għal dawk il-Beltin anzjani li fil-proprjetà tagħhom diffiċli tinstalla lift. Dawn jerġgħu jbiegħu għall-profitt. Għalhekk il-prezz dejjem jogħla. Anke l-kera fil-Belt. Proprjetà b’kamra waħda, mhux se tikriha b’inqas minn b’€900 fix-xahar. Qed tħallas mhux għall-proprjetà biss imma għall-valur tal-Belt ukoll.” 

Mistoqsi jekk ikunx hemm min jesaġera fil-prezzijiet, Vassallo qal li mhux l-ewwel darba li nduna li xi ħadd ikun ingidem, għax proprjetà tkun tiswa inqas minn kemm xtraha. 

Vassallo, li huwa Belti wkoll, saħaq li jinkwetah il-fatt li jkollok koppji anzjani li jispiċċaw ikunu kostretti jitilqu mill-Belt għax il-kera tagħhom tisplodi.  

Li hemm bżonn, saħaq Vassallo, huma soluzzjonijiet, bħal skemi għal dawk iż-żgħażagħ jew Maltin li jkunu jixtiequ jixtru proprjetà l-Belt. Dwar dan ġieli saru proposti u l-ILLUM irrapportat dwarhom. 

Insista li l-investituri ma jistgħux jingħataw bis-sieq għax dawn wara kollox qed jagħtu ħajja mill-ġdid lil binjiet mitluqa. Iżda saħaq ukoll li jekk hemm bżonn dawn għandhom jgħinu lil dawk il-koppji li minħabba fihom kellhom jitilqu mill-appartament li fih kienu ilhom għomorhom u żmienhom jgħixu fih biex jingħataw post ieħor fil-Belt u mhux joħorġu mill-Belt fi xjuħithom. 

“Sfidi hemm, imma soluzzjonijiet jistgħu jinstabu wkoll,” temm jgħid Vassallo. 

More in Socjali