‘Mort it-tieġ tan-neputi b’żarbun imqatta’ ... imma l-aqwa li rajt lill-ibni pulit’

L-ILLUM titkellem ma’ omm li f’ħajjitha għaddiet minn ħafna u għadha sal-lum il-ġurnata  titħabat biex twassal sal-aħħar tax-xahar u tara li uliedha ma jkunu nieqsa minn xejn. Din hija biss mara waħda li qed tiġġieled mal-faqar u li l-gazzetta ILLUM dejjem tkun fuq quddiem biex tagħti leħen

Wara li żvelat kif qed jiżdiedu l-Maltin li mhux qed ilaħħqu mal-ħajja tant li qed ikollhom jirrikorru għall-għajnuna għand il-foodbanks u l-parroċċi, il-gazzetta ILLUM kellha l-okkażjoni li titkellem ma’ diversi persuni li għaddejin minn żmien diffiċli li fuqu ma għandhom l-ebda kontroll imma li minħabba f’hekk qed ikunu kostretti jgħixu fil-faqar u jitqanżħu biex forsi sal-aħħar tax-xahar, jifdlilhom xi ħaġa biex jieklu. 

Iva, dawn huma realtajiet li jeżistu f’Malta wkoll anke jekk hemm min jaħseb li f’Malta l-faqar ma jeżistix u jkun lest jitfa’ t-tajn u jivvinta kull tip ta’ storja jew skuża fuq dawn il-persuni li jsemmgħu leħinhom. 

Carmen (l-isem huwa fittizju) bdiet tispjega mal-gazzetta kif għandha tlett itfal. Il-kbar għandhom 19 u 16-il sena.  

“Kont miżżewġa u mill-ewwel raġel kelli żewġt itfal. Konna ngħixu ħajja normali. Konna noħorġu u lit-tfal konna nżommuhom fuq wiċċ l-idejn. Dejjem rajna kif se nikkuntentawhom. Imma ndunajt li r-raġel kien qed jaqlibhieli u sseparajna. It-tfal kienu għadhom Year 1 u Year 3,” spjegat Carmen. 

Minn meta sseparat għadda ftit taż-żmien u Carmen daħlet f’relazzjoni oħra. Anke hawn kienet tgħix ħajja normali. Fi kliemha, kienet ċerta li s-sieħeb tagħha kien iħobbha u kienu ddeċidew li jkollhom tarbija. Iżda meta kienet għadha tqila, tinduna li anke dan ir-raġel kien qed jaqlibhiela u spiċċa telaq lejn pajjiżu meta nduna li magħha kien spiċċa kollox. 

“Iż-żgħir illum għandu 8 snin u trabba bla ma jaf min hu missieru,” qaltilna mbikkma. Fi kliemha, kien hawn meta ħajjitha u l-ħajja tal-familja tagħha bdiet sejra lura. 

Carmen tgħix ma’ ommha. “Kera ma naffordjax u ma nistax ma ngħix ma’ ommi għax għandha kundizzjoni u ma tistax tħalliha waħedha.” 

‘Ma nistax naħdem ... għandi żewġ slipped disks’ 

L-ILLUM staqsiet lil Carmen jekk taħdimx, imma fakkritna li hi wkoll tbati minn kundizzjoni u għandha żewġ slipped disks. Carmen tgħix biss b’€465 relief u €200 manteniment fix-xahar li jagħtiha l-ewwel raġel. 

“Il-kbar jekk kienu jridu jmorru xi mkien jew jagħmlu xi passatemp dejjem ikkuntentajthom. Almenu meta kienu żgħar kellhom ħajja u missier. Maż-żgħir ma nistax nagħmel kif kont nagħmel mal-oħrajn. Trabba mingħajr ma jaf xi tfisser ikollok missier. Jekk irid imur xi mkien jew jagħmel xi passatemp, ikolli nżomm lura. Qalbni tinqasam.” 

‘Ħbieb lanqas għandi, ma noħroġx u kappriċċi ma nagħmilx ... li għandi għat-tfal’ 

Ċert x’se jkunu l-kummenti ta’ xi wħud fuq Facebook. Se jkun hemm min jgħid lil Carmen biex taqta’ l-kapriċċi u l-flus ma tonfoqhomx fuq xagħra jew id-dwiefer. L-ILLUM poġġiet dawn l-argumenti, li malajr ikun hemm min jagħmel, quddiem din il-mara. L-ILLUM tistaqsiha jekk tistax taqta’ xi kapriċċi. 

“Jiena la mmur f’bar, la noħroġ niekol u lanqas noħroġ ingawdi. Lanqas għandi ħbieb. Il-ftit li gawdejt mal-ewwel raġel. Wara ma stajtx nagħmel aktar kapriċċi. Ilni żmien twil ma nagħmel xagħri, ħwejjeġ ma nixtrix u jekk tara d-dwiefer qishom ta’ raġel,” qaltilna mill-ġdid bid-dmugħ f’għajnejha. “Naf x’se jkunu l-kummenti għax naqra kummenti hekk anke fi grupp fuq Facebook li fih jiktbu l-ommijiet biex jiftħu qalbhom. Malajr issib lil min jakkużak mingħajr ma jkun jaf is-sitwazzjoni tiegħek.” 

Qasmet magħna dak li għaddiet minnu ftit tax-xhur ilu.  

“Kelli tieġ tal-uniku neputi. Xtaqt immur. Preferejt nagħmel xagħar it-tifel u narah pulit milli nonfoq il-flus fuqi. Għalija la xtrajt libsa u lanqas għamilt xagħri. Lanqas żarbun ma kelli. Ilbist slipper imqatta’. Imma l-aqwa li rajt lill-ibni pulit u almenu lin-neputi tajtu xi ħaġa żgħira.” 

‘Taħsibx li nixtri ikel ta’ barra minn hawn. Il-bżonn biss’ 

It-tfal il-kbar issa kibbru u għalhekk, l-ewwel raġel tagħha, diġà avżaha li mhux se jdum jagħtiha aktar manteniment, anke jekk Carmen tgħidlu kemm hu diffiċli għaliha, saħansitra biex tlaħħaq mal-ispejjeż tal-ikel.  

Kien hawn li l-ILLUM staqsiet lil Carmen jekk qatt sabitx ruħha daharha mal-ħajt, tant li lanqas wasslet sal-aħħar tax-xahar biex tkun tista’ tixtri l-ikel. 

“Mhux sal-aħħar tax-xahar biss,” qaltilna mill-ġdid hija u tibki b’qalbha maqsuma. “Taħsibx li nixtri xi ikel ta’ barra minn hawn jew żejjed. Nixtri biss il-bżonn. Nerġa’ ngħidlek, kapriċċi ma għandhiex. Ħbieb lanqas għandi. Li għandi għat-tfal u għall-ikel.” 

Carmen qalet li fl-aħħar xhur, il-piż fuqha żdied u mhux naqas anke minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel li huwa l-aktar essenzjali u bżonnjuż.  

‘Ikel, skola u mediċina għad-dipressjoni ... l-ispejjeż żdiedu’ 

Apparti minn hekk, Carmen spjegat kif żdiedu wkoll l-ispejjeż tal-iskola. 

“It-tifel jikber qiegħed. Il-Gvern jgħinek biex tixtri uniformi ġdida kull sentejn imma tant kemm jikber, li kull sena jkolli nixtrilu waħda ġdida. Mill-iskola lanqas qatt ma ħadt xejn. Jiena mhux xi waħda li nħobb nittallab. Ma nixtri xejn żejjed, nixtri għall-ikel u l-flus taċ-children allowance inżommhom għat-tfal.” 

Fi kliemha, tant kemm issib daharha mal-ħajt li mhux l-ewwel darba li kellha ddur fuq ommha għall-għajnuna, anke jekk din tgħix biss bi ftit pensjoni.  

“Nistħi ngħid imma ġieli anke fuq il-kbar indur biex isellfuni xi ħaġa tal-flus għax issa bdew jaħdmu. Meta jkollna bżonn tabib għat-tifel, immur taċ-ċentru tas-saħħa imma mbagħad xorta nkun irrid nixtri l-mediċina, kemm għat-tifel u anke għalija.” 

Fil-fatt, Carmen tbati mid-dipressjoni, kawża tal-istress u l-ansjetà li għandha u jkollha tixtri l-mediċina biex tieħu l-kura li għandha bżonn. 

“Jiena ma ngħixx. Jiena neżisti biss u neżisti għat-tfal,” temmet tgħidilna b’qalbha miksura. 

Dawk kollha li jixtiequ jagħtu l-għajnuna lil Carmen u lil uliedha biex tgħix ħajja aħjar u aktar dinjituża jistgħu jagħmlu kuntatt mal-gazzetta ILLUM.

More in Socjali