Mill-ballun, għall-qari, il-homework u l-volontarjat; In-Nursery tal-Fgura toħroġ minn triqitha biex tħarreġ lit-tfal

In-Nursery tal-Fgura United hija verament eżempju u għandha sservi ta’ ispirazzjoni għall-każini u klabbs oħra li jaħdmu mat-tfal. Filwaqt li l-futbol jibqa’ ċ-ċentru tal-ħidma tagħha, tuża dan l-isport biex twassal diversi ħiliet u għajnuniet oħra lit-tfal tagħha. L-ILLUM titkellem mal-President tal-Fgura United 

Il-President Larkin Bonnici
Il-President Larkin Bonnici

Nitkellmu ħafna dwar il-bżonn li wara l-ħin tal-iskola, l-istudenti jkollhom biżżejjed ħin għall-l-passatempi jew inkella biex jipprattikaw xi sports. Jekk għal xi wħud dan jista’ jkun ħin moħli, għal Fgura United żgur li mhuwiex għax dan il-klabb juża l-futbol mhux biss biex iħarreġ lit-tfal, imma anke biex jgħinhom f’dak kollu li jkollhom bżonn, mill-homework sal-ħiliet importanti fil-ħajja ta’ kulħadd. 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Larkin Bonnici, il-President ta’ Fgura United dwar l-għexieren ta’ inizjattivi li dan il-klabb jorganizza bil-għan li jħarreġ u jgħin lit-tfal membri fin-nursery mhux biss fit-tagħlim tal-futbol. 

In-nursery tal-Fgura tiġbor fiha xejn inqas minn 300 tifel u tifla li għandhom minn tliet snin sa 17-il sena. Filwaqt li l-futbol jibqa’ l-prijorità ta’ din in-nursery, il-kumitat ħaseb li juża dan l-isport biex permezz tiegħu jkun jista’ jgħallem lit-tfal membri ħiliet differenti u anke jgħinhom fejn ikun hemm bżonn. 

“Il-prijorità tibqa’ l-futbol imma nifhmu wkoll li mhux it-tfal kollha li għandna se jsiru futbolers professjonali jew inkella jirnexxu fl-isports u għalhekk apparti l-futbol, nemmnu li għandna l-obbligu li nużaw il-ħin li jkunu magħna biex nħarrġuhom ukoll f’ħiliet soċjali,” saħaq Bonnici. “Il-prinċipji tal-futbol huma sbieħ u nipprovaw nużaw il-futbol ukoll biex naslu fejn forsi l-ġenituri ma jistgħux kemm minħabba realtajiet differenti u anke minħabba impenji oħra bħax-xogħol.” 

Mill-homework għall-ikel wara l-iskola 

Fost l-aktar inizjattivi interessanti, dan il-klabb tan-nursery jingaġġa għalliema biex fix-xahrejn ta’ qabel l-eżamijiet tal-benchmark tkun tista’ tgħin lit-tfal membri fin-nursery fix-xogħol tal-iskola. L-għalliema tgħin lill-istudenti tar-raba’, il-ħames u s-sitt sena tal-primarja. 

Il-futbol dejjem jibqa’ fiċ-ċentru. L-ewwel jiġu għat-training u mbagħad wara, min ikun irid, jibqa’ fil-klabb biex jagħmel il-homework. 

Meta jkun possibbli, jieħdu ħsieb ukoll ilestu l-ikel biex studenti li ma jkollhomx fejn imorru wara l-iskola, ikunu jistgħu jmorru l-klabb, jieklu, jagħmlu l-homework u wara jibqgħu sejrin għat-training. 

“Aħna rridu lit-tfal ikunu fiċ-ċentru. Il-persuna kollox. Jiddispjaċini nisma’ bi klabbs li lanqas ikunu jafu min huma t-tfal tan-nursery tagħhom u lanqas biss jagħrfuhom,” kompla Bonnici. 

‘Korsijiet biċ-ċertifikati biex ikollhom CV sabiħa’ 

Apparti minn hekk, il-klabb għandu ftehim mal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali (FSWS) biex dawn jipprovdu korsijiet dwar ħiliet importanti li t-tfal żgur se jiġu bżonn fil-ħajja tagħhom. 

Anke l-President stess ixammar il-kmiem. Fil-fatt, Bonnici jorganizza workshops fuq diversi ħiliet fosthom dawk ta’ leadership skills, teambuiling etċ. 

“Naraw ukoll li għal dawn il-korsijiet li jattendu, it-tfal ikollhom iċ-ċertifikati u aħna nżommu wkoll rekord tagħhom. Irridu li meta jikbru u jiġu biex japplikaw għax-xogħol, ikollhom CV sabiħa u mimlija u aħna nkunu nistgħu ngħinhom fiha,” kompla l-President tal-Klabb. “Beħsiebna wkoll norganizzaw korsijiet dwar kif wieħed jibni CV jew inkella jġib ruħu waqt interview.” 

B’kollaborazzjoni mas-St. John’s Ambulance, organizzaw ukoll korsijiet tal-ewwel għajnuna, anke għat-tfal żgħir. 

“Lit-tfal iż-żgħar għallimnihom dwar in-numru 112 u x’jagħmlu jekk pereżempju jaraw lil xi ħadd mitluf mal-art. Aktar ma jikbru, aktar nagħlmuhom ħiliet,” spjega. 

Nofsiegħa qari wara l-futbol 

Jinsistu wkoll fuq l-importanza tal-qari, tant li fir-ristorant tal-klabb hemm librerija żgħira fejn persuna tkun tista’ tmur tieħu ktieb u tirritornah. 

“Anke għall-ġenituri. Sakemm qed jistennew ikunu jistgħu jisselfu ktieb u jaqraw. Organizzajna wkoll reading club biex wara t-training, it-tfal jagħmlu nofsiegħa qari ma’ għalliema.” 

Interessanti wkoll il-programm ‘Get Involved.’ Il-President tal-klabb irrikonoxxa li mhux it-tfal kollha jkunu maqtugħa għal futbol imma saħaq ukoll li biex tkun involut fil-futbol mhux bilfors trid tkun plejer. Għalhekk iżommu kuntatt biex min ikun irid, anke wara li ma jibqax fin-nursery ikun jista’ jgħin lill-klabb, kemm jekk bħala kowċ, bħala parti mit-tmexxija etċ. 

‘Irriduhom jifhmu kemm hu importanti li jkunu hemm għal ħaddieħor’ 

“Nemmnu li nistgħu nużaw ukoll il-football biex nindirizzaw sfidi soċjali. Organizzajna maratona ta’ 50 siegħa football u matulha ġbarna €40,000 għal NGOs li jaħdmu fil-qasam soċjali,” spjega Bonnici. 

Fil-fatt, ma’ Richmond Foundation jorganizzaw anke ‘fun-day’ għar-residenti. 

“Aħna rridu nderru lit-tfal biex ikunu attenti għal bżonnijiet ta’ ħaddieħor. Jiena nuża t-terminoloġija tal-futbol u ngħidilhom li jistgħu jkunu ‘champions lokali’ billi jkunu hemm għal ħaddieħor.” 

‘Mal-isponsors ma narawx biss flus ... naraw x’se joffru lit-tfal’ 

Il-President kompla jgħid li dawn l-għanijiet dejjem ikunu quddiem għajnejhom anke fid-diskussjonijiet mal-isponsors. Fi kliemu, ma jiddiskutux biss kemm se jdaħħlu flus mill-isponsorhips, imma anke x’tista’ toffri l-kumpanija partikolari għat-tfal. 

“Infittxu sponsors leġittimi li għandhom għal qalbhom il-Corporate Social Responsibility. Ma mmorrux għal flus biss. Għandna pereżempju sponsors li joffru internships f’oqsma differenti.” 

Kien hawn li l-President temm jappella lil dawk il-kumpaniji li jixtiequ jgħinu mhux biss lill-klabb imma fuq kollox lit-tfal membri fin-nursery tagħhom biex jersqu ‘l quddiem u jitkellmu magħhom. 

More in Socjali