Flimkien Missirijiet Inqumu jippreżentaw sett ta' proposti lill-Kummissarju tat-Tfal

Il-proposti mressqa quddiem il-Kummissarju Antoinette Vassallo ġew imfassla mill-avukat Lynn Chircop Faure 

Nhar it-Tnejn li għadda l-avukat Dr Lynn Chircop Faure u l-għaqda Flimkien Missirijiet Inqumu (FMI) ippreżentaw lill-Kummissarju għat-Tfal, Antoinette Vassallo, il-working paper riċerkata minn Chricop Faure li tħaddan 100 proposta relatata mad-drittijiet tat-tfal, maqsuma fit-temi ta' prevenzjoni, protezzjoni, proċeduri u sħubijiet. 

Dawn kellhom diskussjoni twila fuq il-prinċipji li jħaddnu l-proposti kif ukoll il-funzjonijiet u l-irwol kurrenti tal-Uffiċċju tal-Kummissarju. FMI u Chircop Faure qed jirrekomandaw, fost oħrajn, li l-Uffiċċu tal-Kummissarju għat-Tfal jiġi provdut bir-riżorsi meħtieġa biex jaqdi l-funzjonijiet tiegħu fosthom li jsiru emendi legali biex il-Kummissarju tingħata l-possibilità li tibda' proċeduri f'isem it-tfal min jeddha jew sussegwentament għall-ilment li jitressaq quddiem is-sistema ġudizzjarja. Apparti minn hekk qed jipproponu li jsir rwol attiv ta' moniteraġġ fuq kull liġi li tgħaddi mill-Parlament li tista' taffetwa l-ġid u l-interessi tat-tfal kollha.

Għalkemm il-Kummissarju Vassallo, għadha fil-proċess li tistudja l-proposti kollha, FMI u l-Uffiċċju qablu li d-drittijiet tat-tfal għandhom jibqgħu fiċ-ċentru ta' kull diskussjoni u li t-tfal għandhom id-dritt li jkomplu relazzjonijiet tajbin u jgwadu ħin indaqs maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jintweriex li jmur kontra l-aħjar interessi tagħhom. 

Ġew diskussi wkoll drittijiet oħra tat-tfal, fosthom id-dritt ta' rapreżentazzjoni fejn jidħlu protezzjoni, rimedju u proċeduri, li sa' llum għadhom mhux jiġu eżerċitati. Kien hemm qbil ieħor li l-Uffiċċju għandu l-potenzjal għal rwol ħafna ikbar min dak attwali. 

'Il-mument li tidħol il-Qorti diġà maqtugħa kontrik, jekk tkun raġel'

Il-gazzetta ILLUM għal dawn l-aħħar xhur irrapportat kemm fuq dawn l-isemmija proposti kif ukoll fuq l-aljenazzjoni tal-ġenitur f'pajjiżna. Fil-fatt f'intervista mal-ILLUM, is-Segretarju Ġenerali ta' FMI Reuben Zammit saħaq li din l-organizzazzjoni twieldet biex tiġġieled "ideoloġiji sessisti" u l-"preġudizzji", żewġ fattur li l-NGO tisħaq li jxekklu l-Qrati Maltin. 

Zammit saħaq li llum il-ġurnata b’liġijiet li jirriflettu s-soċjetà tal-passat, il-Qorti Maltija u l-liġijiet - speċjalment dawk li jitrattaw il-manteniment u l-aċċess għall-ulied - għandhom bżonn jiġu aġġornati. Dan bil-għan li tonqos l-aspettattiva ta’ ħafna missirijiet Maltin, li “jekk tkun raġel, il-mument li tidħol il-Qorti diġà tkun maqtugħa kontrik”.  

'X'inhu fl-aħjar interess tat-tfal? Żgur mhux li ġenitur imur il-ħabs imma li jħallas il-manteniment u jħallsu fil-ħin' 

Aktar tard l-ILLUM tkellmet ma' Chircop Faure u tat ħarsa lejn il-proposti li ressqet l-avukat, il-ħsieb warajhom u s-sitwazzjoni kurrenti tal-pajjiż fir-rigward tal-aljenazzjoni tal-ġenitur. 

Tul din l-intervista Chircop Faure saħqet dwar l-importanza ta’ aċċess ugwali għaż-żewġ ġenituri, fuq l-importanza tar-rappreżentanza tal-ulied - kemm fil-Qorti u anke lil hinn - u fuq ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri mal-ulied, fost oħrajn. Fuq kollox Chircop Faure aċċennat għall-fatt li t-trobbija tal-ulied ma tiqafx sa’ 18-il sena biss iżda l-ġenituri huma responsabbli minn uliedhom għal għomorhom u dan huwa rifless fil-proposti mressqa għall-konsultazzjoni pubblika. 

Fost numru ta' proposti, Chircop Faure saħqet li dak il-ġenitur li ma jħallasx il-manteniment b'mod repetut u mingħajr raġuni valida, minflok priġunerija għandu joħroġ 5% aktar bħala piena. 

Proposta oħra li għamlet l-avukat kienet li meta ġenitur ikollu Ordni ta’ Protezzjoni maħruġa mill-Qorti kontra l-ġenitur l-ieħor għandu jkun hemm Pulizija preżenti (meta ż-żewġ ġenituri jiltaqgħu) meta l-wild imur għand il-ġenitur.  Fuq hekk l-ILLUM staqsiet, “din mhux se toħloq pressjoni fuq il-Korp tal-Pulizija, b’mod speċjali meta wieħed iqis kemm hawn nuqqas ta’ pulizija fil-Korp. U ma taħsibx li din hija intimidanti li t-tfal jaraw pulizija kull darba li jiltaqgħu mal-ġenitur jew l-ieħor?”  Għal dan hija wieġbet li l-Korp mhux se jiżdiedlu x-xogħol. “Ejja nħarsu lejha b’mod oġġettiv. Irrilevanti jekk għandekx ir-riżorsi umani, trid issib soluzzjoni għaliha biex tiġi ndirizzata.”

‘Miżura ta’ tpattija’... Deputat tirreaġixxi għall-proposta tal-Avukat Lynn Chricop Faure dwar ħlas tard ta’ manteniment

“Ma naqbilx li tħallas 5% aktar f’manteniment jekk dan jasal tard, għas-sempliċi raġuni li hi diffiċli tiddetermina liema huma r-raġunijiet validi u dawk li ma humiex f’każ ta’ ħlas tard... Mhix proposta iċċentrata mad-drittijiet umani iżda hija aktar waħda ta’ tpattija.” Hekk qalet id-Deputat Rosianne Cutajar b’reazzjoni għall-dawn il-proposti, li ftit ġimgħat ilu ġew mressqa wkoll quddiem il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard. 

Cutajar f’dawn l-aħħar xhur, bir-ritorn tagħha fil-Parlament, kienet voċifera fuq kwisjtonijiet li jolqtu lill-familja; fosthom id-dewmien ta’ kawżi fil-Qrati u t-trobbija kondiviża ugwali bejn iż-żewġ ġenturi. Bl-aktar ħatra riċenti tagħha bħala membru tal-Kunsill tat-Tfal, l-ILLUM ħadet l-opportunità u staqsietha numru ta’ mistoqsijiet, b’mod speċjali x’se jkun qed jagħmel il-Gvern biex jitnaqqas l-iżbilanċ bejn il-ġenituri fit-trobbija u jekk hemmx pjan li jidħlu fis-seħħ uħud mill-proposti ta’ Chircop Faure. Hija kienet qalet lill-ILLUM li, "in-nuqqas ta’ manteniment huwa punibbli, iżda l-ġudikanti ma jirrikorrux għaliha mal-ewwel." 

Fl-opinjoni ta’ Cutajar, hemm bżonn ta’ riforma mill-qiegħ fil-Qorti tal-familja u dan proprju għax “il-liġijiet tagħna jridu jirriflettu r-realtajiet tal-familji tagħna, speċjalment f’mumenti ta’ diffikultà.” Hija żiedet tgħid li minn żmien għal żmien isiru diversi proposti tajbin f’dan ir-rigward u għaldaqstant tixtieq li tara l-implimentazzjoni ta’ xi wħud. 

More in Socjali