Intervista | ‘X’inhu fl-aħjar interess tat-tfal? Żgur mhux li ġenitur imur il-ħabs imma li jħallas il-manteniment u jħallsu fil-ħin

Kont taf li ħlas tard ta’ manteniment tal-ulied jista’ jwasslek saħansitra sa’ priġunerija? L-ILLUM tintervista lill-avukat Lynn Chircop Faure li qed tipproponi li minflok ħabs dawk li jħallsu l-manteniment tard joħorġu 5% aktar bħala piena

Il-gazzetta ILLUM ta’ sikwit irrapportat fuq xi inġustizzji ta’ xi gruppi fis-soċjetà bl-aktar riċenti l-missirijiet, li saħqu li l-mument li jidħlu l-Qorti ta’ Malta fuq każijiet relatati mat-trobbija ta’ uliedhom, diġà tkun maqtugħa kontrihom. Proprju fuq hekk l-ILLUM tkellmet mal-avukat Lynn Chircop Faure, li apparti li hija attivista favur id-drittijiet umani, hija l-avukat li ma’ ‘Flimkien Missirijiet Inqumu’ nediet numru ta’ proposti bil-għan li jidħu fis-seħħ emendi li joffru aktar ugwaljanza bejn il-ġenituri.  

Tul din l-intervista Chircop Faure saħqet dwar l-importanza ta’ aċċess ugwali għaż-żewġ ġenituri, fuq l-importanza tar-rappreżentanza tal-ulied - kemm fil-Qorti u anke lil hinn - u fuq ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri mal-ulied, fost oħrajn. Fuq kollox Chircop Faure aċċennat għall-fatt li t-trobbija tal-ulied ma tiqafx sa’ 18-il sena biss iżda l-ġenituri huma responsabbli minn uliedhom għal għomorhom u dan huwa rifless fil-proposti mressqa għall-konsultazzjoni pubblika. 

‘Jekk se titkellem fuq it-tfal daqslikieku huma xi proprjetà ta’ wieħed u mhux l-ieħor, dawn se jirrealizzaw’   

Chircop Faure bdiet billi tgħid li llum il-ġurnata l-Qrati għandhom iħarsu lejn perspettiva li totalment tmur lil hinn minn dak li qed jistennew il-ġenituri u dan għaliex temmen li xi kultant il-ġenituri jiġbdu lejhom u l-individwaliżmu tagħhom. Hija għamlet referenza għall-fatt li xi kultant ġenituri li jidħlu l-Qorti fuq separazzjoni uħud mill-prijoritajiet tagħhom tkun il-qsim tal-proprjetà, xi self jew ieħor u forsi xi assi li kellhom flimkien. Kien għalhekk li hija qalet li meta l-ġenituri jitkellmu fuq it-tfal daqslikieku huma xi proprjetà ta' wieħed u mhux tal-ieħor, l-ulied jirrealizzaw u din ma taffetwahomx tajjeb.  

Kawża ta’ hekk hija tisħaq li xi kultant it-tfal iħossu li huma kienu protagonisti fil-firda ta’ ommhom u missierhom, meta dan ma’ jkunx il-każ. Minn hawn b’passjoni kbira Chircop Faure qalet li hemm bżonn li l-ulied ikollhom rappreżentanza - lil hinn mill-ġenituri - biex isemmgħu leħinhom, liema leħen xi kultant jintilef qalb il-ġlied bejn il-ġenituri. F'dan ir-rigward, hija tgħid li dawn it-tfal ma jkollhomx opportunità biss jitkellmu fuq kwistjonijiet personali iżda anke oħrajn li jistgħu jwasslu għal xi emendi jew liġijiet ġodda biex itejbu l-kundizzjonijiet ta’ ħajja tat-tfal stess.  

Hawn Chircop Faure issemmi l-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal (CRC) u l-ILLUM tistaqsiha x’inhi d-differenza bejn din u l-Konvenzjoni tad-Drittijiet Umani (ECHR). Hija tispjega li minkejja li l-ECHR tindirizza lill-bniedem, ma għandhiex klawżola li tindirizza lit-tfal, b’mod speċifiku.  

“Min-naħa l-oħra, l-CRC ilha aktar minn 30 sena. Fl-1989 kien hemm ‘l fuq minn 190 firmatarju. Wieħed irid jara l-obbligu li jimplimenta dawn il-proviżjonijiet u mhux kemm tissemma’ fil-Qorti biss,” qalet Chircop Faure.  

Hija issuġġerixxiet li bħala pajjiż Malta għandha tara li dawn it-tfal jingħataw id-dritt li jkollhom istituzzjoni li tiddefendi d-drittijiet tagħhom, “li tiddefendihom kontra leġiżlazzjoni li ma saritx bil-ħsieb u se tolqothom,” kompliet tgħid Chircop Faure.  

Kif tiddefinixxi l-aljenazzjoni tal-ġenituri fl-isfond legali?  

Hija tisħaq li minkejja li mhijiex esperta tal-aljenazzjoni tal-ġenituri temmen li għandu jkun hemm assessjar metikoluż biex wieħed jasal għal konklużjoni jekk hux minnu li nibtet mibegħda għall-ġenitur partikolari, kawża ta’ tixwix mill-ġenitur l-ieħor.  

“Ma tistax tagħmel allegazzjoni jekk ma jkunx hemm evidenza mressqa,” qalet Chricop Faure. Tgħid li jekk wieħed jagħmel dan ikun hemm riperkussjonijiet irreparabbli. Fosthom, li sakemm persuna tiġi liberata mill-akkużi - jekk dan huwa każ ta’ allegazzjoni falza - l-aċċess għat-tfal jieqaf. Kompliet tgħid li filwaqt li l-vjolenza domestika u l-aljenazzjoni tal-ġenituri mhux ġustifikabbli, wieħed għandu jeżamina s-sitwazzjoni qabel ma jkun hemm allegazzjonijiet serji.  

“Sakemm toħroġ il-verità diġà jkun għadda perjodu. F'dak il-perjodu il-ġenitur ikun diġà ħa jew ħadet reputazzjoni ta’ “kriminal”. Mentri fil-verità f’għajnejn it-tfal, dak il-ġenitur huwa xi ħadd li jħobbhom u għalhekk f’dawn is-sitwazzjonijiet il-ġenitur li għamel l-allegazzjonijiet għandu jerfa’ l-konsegwenzi,” żiedet tgħid Chircop Faure.  

L-attivista saħqet li f’każ fejn l-allegazzjonijiet instabu li kienu veritiera, ma jfissirx li persuna se tibqa’ tiżbalja għall-bqija ta’ ħajjitha. Apparti minn hekk hija qed tisħaq fuq l-importanza ta’ għajnuna ħolistika li tiġbor l-għajnuniet differenti taħt saqaf wieħed b’diversi servizzi offruti minn grupp ta’ professjonisti. Dan bil-għan li l-persuna tingħata l-aqwa pjan ta’ ħarsien, li tgħinha timxi ‘l quddiem.  

‘Jekk il-Qrati għadhom jaħsbu li l-mara għandha aktar ħin fuq idejha, mela vera għadna 50 sena lura’   

“L-avvanz tat-teknoloġija fil-Qorti għadu lanqas beda’. Ara kemm ilu l-internet! Imma fejn jidħol il-Qorti għadna fl-infanzja, anzi kien hemm ċaqliq grazzi għall-Covid-19.” Hekk qalet Chircop Faure meta mistoqsija jekk il-Qrati ta’ Malta jirriflettux is-soċjetà ta’ llum.  

Saħqet li bħala soċjetà għamilna progress kbir u notevoli u jekk il-Qrati ta’ Malta “għadhom jaħsbu li l-mara għandha aktar ħin fuq idejha minn raġel, mela veru għadna 50 sena lura.”  

Madankollu hija żiedet tgħid li huwa minnu li l-Imħallef iħares l-aħjar interess tat-tfal iżda ma hemmx formola għaliha. “Għandna bżonn li t-terminu ‘l-aħjar interess tat-tfal’ mhux nagħtuh definizzjoni, imma issir formola li tħaddem xi prinċipji u b’hekk ikun jista’ jiġi konkluż il-każ. Però ikun hemm ċirkostanzi li jekk il-ġenituri stess jirnexxielhom jilgħabu bis-sistema ma nagħtux tort lill-Imħallfin, għax sa hemm ikunu jafu.”  

‘X’jiġri f’każ ta’ fostering? It-tfal jiġu separati?’ 

Mistoqsija x’jiġri minn tfal li jkunu qed jiġu fostered u li l-ġenituri tagħhom jisseparaw hija wieġbet li l-fostering jeżisti biex jindirizza l-bżonnijiet tal-minuri u mhux biex jissodisfa x-xewqa ta’ xi ġenitur li jixtieq irabbi, “jew li jaħseb li għandu xi dritt sagrosant li jadotta. Persuna tidħol għar-responsabilità għax il-wild hemm bżonn li jsib familja.”  

X’jiġri? Hija tgħid li ma jistax ikun li l-fostering jieqaf ħesrem għax ir-relazzjoni tintemm, dan b’mod speċjali jekk diġà tkun inbniet relazzjoni tajba bejn il-wild u l-ġenituri jew il-wild ma’ tfal bioloġiċi oħra.  “Hemm tkun qed tagħmel diskriminazzjoni fuq xi ħadd li kellu l-opportunità li jsib familja. Diġà nirringrazzjaw l-Alla li jistgħu igawdu xi tfisser l-imħabba ta’ familja. Dan żgur li mhux fl-aħjar interess tat-tfal.”  

X’inhuma dawn il-proposti?  

Il-proposti, taħt l-inizjattiva ta’ Chircop Faure, saru bil-għan li jindirizzaw affarjiet nieqsa mis-sistema u jisfidaw lit-tliet pilastri tas-soċjetà demokratika u sostenibbli; l-Eżekuttiv, il-Leġiżlattiv u l-Ġudizzjarju.  

L-ILLUM qabdet dan id-dokument, maqsum f’erba’ kategoriji - il-prevenzjoni, il-protezzjoni, il-proċedimenti u l-isħubija - u iddiskutiet ma’ Chircop Faure fuq il-pick-up point fl-għasses, il-pressjoni li tista’ tinħoloq fuq il-Korp tal-Pulizija, pagamenti ta’ manteniment aktar regolati u d-dikriminalizzazzjoni tiegħu. 

‘Irrilevanti jekk għandekx ir-riżorsi umani, trid issib soluzzjoni għaliha biex tiġi indirizzata’ 

Waħda mill-proposti tgħid li f’kull għassa ta’ Malta għandu jkun hemm kamra mgħammra apposta biex tilqa’ lit-tfal, għal dawk il-ġenituri li jkollhom digriet mill-Qorti li jgħid li t-tfal iridu jinġabru minn xi għassa.   

Hemm diversi raġunijiet għaliex ġenitur iħoss li għandu jiġbor lil uliedu minn post sigur. Dawn jinkludu biża’, ittardjar fil-ħin b’mod repetut, meta ġenitur ma jkunx irid jagħti lill-ġenitur l-ieħor l-ulied, jew meta t-tfal ma jkunux iridu jmorru għand il-ġenitur l-ieħor fuq suspett ta’ aljenazzjoni.  

“Għandu jkun hemm l-infurzar tal-liġi b’mod sistematiku u effettiv - u dan ifisser li jkun hemm ir-riżorsi umani meħtieġa - biex jaraw li dawn l-ordnijiet tal-Qorti jiġu segwiti,” spjegat Chricop Faure.  

Proposta oħra li għamlet l-avukat kienet li meta ġenitur ikollu Ordni ta’ Protezzjoni maħruġa mill-Qorti kontra l-ġenitur l-ieħor għandu jkun hemm Pulizija preżenti (meta ż-żewġ ġenituri jiltaqgħu) meta l-wild imur għand il-ġenitur.  

Fuq hekk l-ILLUM tistaqsi, “din mhux se toħloq pressjoni fuq il-Korp tal-Pulizija, b’mod speċjali meta wieħed iqis kemm hawn nuqqas ta’ pulizija fil-Korp. U ma taħsibx li din hija intimidanti li t-tfal jaraw pulizija kull darba li jiltaqgħu mal-ġenitur jew l-ieħor?”  

Għal dan hija wieġbet li l-Korp mhux se jiżdiedlu x-xogħol. “Ejja nħarsu lejha b’mod oġġettiv. Irrilevanti jekk għandekx ir-riżorsi umani, trid issib soluzzjoni għaliha biex tiġi ndirizzata.”  

Hawn hija għamlet referenza għal agenziji oħra bħal Victim Support unit, jew il-Unit tal-Vjolenza Domestika li lkoll jistgħu jikkollaboraw mal-Pulizija. “Hawn ħafna servizzi, ma hemmx għalfejn ikun pulizija biex jassisti lill-ġenitur. Iżda għandha tkun il-Pulizija li tieħu r-responsabilità tal-ksur għax hi l-istituzzjoni li tagħmel l-infurzar tal-liġi. Min-naħa l-oħra ma nistgħux ngħaddu dak li l-liġi tagħti b'mod eżekuttiv lill-pulizija fuq ħaddieħor.”  

Il-manteniment: ‘X’inhu fl-aħjar interess tat-tfal? Mhux li ġenitur imur il-ħabs imma li jħallas’  

Proposta oħra li laqtet l-għajn tal-ILLUM kienet propju fuq il-pagamenti tal-manteniment li jidħlu tard. F’ċertu każi pagamenti ittardjati, b’mod repetut, wieħed għandu riskju ta’ priġunerija. Hawn Chircop Faure ma taqbilx li jkun hemm priġunerija tant li pproponiet dikriminalizzazzjoni, għaliex dan mhux fl-aħjar interess tat-tfal.  

“Id-dikriminalizzazzjoni fejn hemm raġunijiet validi, tista’ tkun tfisser ħafna. Jekk il-Gvern jista’ joħroġ is-somma għall-protezzjoni u l-ġid tat-tfal u l-ġenitur jiffirma kuntratt li se jħallashom lura, għaliex għandu jkun hemm priġunerija?” qalet Faure.    

Hawn Faure staqsiet x’inhu verament fl-aħjar interess tat-tfal. “Mhux li ġenitur imur il-ħabs, li jħallas il-manteniment. Imbilli l-ġenitur imur il-ħabs, minn fejn se jħallas?” Saħqet li ma tagħmilx sens li ġenitur jiġi immultat mill-Qorti talli qed iħallas il-manteniment tard, jekk dawk il-flus aħjar imorru għand it-tfal. “Dak li l-Qorti qed tiġbor mill-missier jew l-omm għandha tagħtihom lit-tfal,” qalet Chircop Faure filwaqt li rrimarkat li l-manteniment ikopri l-affarjiet bażiċi ta’ kuljum, “aħseb u ara kemm se jingħataw l-affarjiet l-oħra li huma wkoll neċessarji, bħal miżati tal-iskola u mediċini, fost oħrajn.”  

Hawn l-ILLUM, bi proposta oħra f’idejha staqsiet, “allura għaliex qed tipproponi li dawk il-pagamenti li jingħataw tard, ikollhom iħallsu 5% aktar jekk temmen li l-flus għandhom jingħataw lill-ulied biss?”  

Hawn Chircop Faure reġgħet fakkret li dawn il-proposti għadhom miftuħin għall-konsultazzjoni u għaldaqstant dawn il-proposti huma miftuħa wkoll għal rakomandazzjonijiet li jtejbuhom. Qabel xejn saħqet li jekk persuna ma tkunx tista’ tħallas manteniment għax tilfet l-impjieg jew inkella ġralhom xi ħaġa li timpedihom milli jaħdmu, din m’għandiex tapplika għalihom. Madankollu jekk hemm persuni oħra li jonqsu milli jħallsu għal xi raġuni jew oħra, “il-Gvern kemm se jdum iħallas għalik u ma tħallsux lura. Għallinqas, tal-irresponsabblità tħallas 5% bħal qisek qed tħallas self.”  Madankollu hija rrimarkat li dawn il-5% li jinġabru mis-sigurtà soċjali, “iva jistgħu imorru għat-tfal.” 

Fl-aħħar, mistoqsija jekk taħsibx li 5% huma eċċessivi, hija temmet tgħid li jista’ jagħti l-każ, però huwa importanti li jsir l-ewwel pass, bħalma sar permezz ta’ dawn il-proposti u temmen li jista’ jiġi ż-żmien fejn il-5% tonqos.  

More in Politika