Malta bl-akbar densità ta' popolazzjoni... 1,549 persuna għal kull kilometru kwadru aktar mill-medja tal-UE

Aktar irġiel milli nisa, il-popolazzjoni Għawdxija ikbar fl-età u żieda rekord ta' 25% fil-popolazzjoni fi żmien 11-il sena ... X'ħareġ miċ-ċensiment?

Malta hija l-aktar pajjiż b'densità ta' popolazzjoni għolja, meta mqabbla ma' membri stati tal-Unjoni Ewropea (UE) b'1,649 persuna għal kull kilometru kwadru. Din iċ-ċifra hi kemmxejn kuntrastanti meta mqabbla ma' dik Ewropea hekk kif il-medja hija ta' 100 persuna għal kull kilometru kwadru, fl-istati membri tal-UE. Fil-fatt l-aktar lokalità għolja kienet Tas-Sliema b' 15,617 għal kull kilometru kwadru filwaqt li l-Għasri kienet l-inqas b'104 persuni.

Dan ġie ppublikat fir-rapport preliminari taċ-ċensiment tal-2021 li juri li l-popolazzjoni totali jammonta għal 519,562; żieda ta' 25% fi żmien 11-il sena, jiġifieri żieda medja ta' 10,000 persuna kull sena. Dawn iċ-ċifri jindikaw żieda rekord fil-popolazzjoni bejn ċensiment u ieħor.

Madankollu ż-żieda fil-popolazzjoni żdiedet f'kull distrett, bl-akbar żieda irreġistrata fid-distrett tat-tramuntana (Birkirkara, Gżira, Ħal Qormi, Ħamrun, Msida, Pembroke, San Ġwann, Santa Venera, San Ġiljan, Swieqi, Ta' Xbiex, Tal-Pietà u Tas-Sliema) u bl-inqas żieda nnotata fin-naħa ta' isfel (Bormla, Birgu, Isla Fgura, Furjana, Ħal Luqa, Ħaż-Żabbar, Kalkara, Marsa, Raħal il-Ġdid, Santa Luċija, Ħal Tarxien, il-Belt Valletta u x-Xgħajra). B'hekk l-akbar tliet lokalitajiet kbar huma San Pawl il-Baħar, Birkirkara u l-Mosta li jammontaw għal 15.7% tal-popolazzjoni. Il-popolazzjoni ta' San Pawl il-Baħar kważi rduppjat b'aktar minn 32,000 resident. 

Għall-ewwel darba fl-istorja taċ-ċensiment ġie innotat ukoll li f'pajjiżna hawn aktar irġiel milli nisa b'maġġoranza ta' 52%. Apparti minn hekkk aktar minn wieħed għal kull ħames persuni huwa barrani u l-maġġoranza tagħhom huma irġiel u iżgħar fl-età meta mqabbla mal-popolazzjoni Maltija. 

L-età medja tal-popolazzjoni hija ta' 41.7 u l-Għawdxin huma akbar fl-età mill-Maltin. Minkejja dan meta mqabbla mal-età tal-istati membri tal-UE l-età medja Maltija hija iżgħar. Il-lokalità bl-ikbar età hija l-Imdina, b'età medja ta' 53.8 filwaqt li x-Xgħajra għandha l-iżgħar, bl-età ta' 37 sena. 

Min-naħa l-oħra total ta' 9,545 persuna tgħix f'istituzzjoni, b'57.2% minnhom li jinsabu f'residenza tal-anzjani. 

More in Socjali