‘Strada Stretta ma kinitx biss xorb, bar maids u qħab ... il-mużika live kienet il-ħajja tagħha’

F’intervista speċjali, il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ George Cini l-awtur ta’ tliet kotba dwar l-aktar triq popolari f’Malta, Strada Stretta. Kif kienu jitħallsu l-bar maids? Imma Strada Stretta kienet qħab biss? X’restrizzjonijet kien hemm? Kemm kienu importanti l-mużiċisti għal din it-triq? 

Joey Attard bil-ġlekk abjad fil-ħanut Dirty Dick’s fi Strada Stretta, l-uniku ħanut li ma kellux barmaids
Joey Attard bil-ġlekk abjad fil-ħanut Dirty Dick’s fi Strada Stretta, l-uniku ħanut li ma kellux barmaids

Jekk hawn triq f’Malta li kulħadd jaf biha u għadha popolari sal-lum il-ġurnata, bla dubju li hija Strada Stretta, it-triq li fi kliem George Cini, “darba kienet xegħlet il-Belt.” Wara żmien mitluqa, l-interess f’din it-triq reġa’ beda jiżdied u llum, ħafna huma dawk li qed ifittxu d-divertiment li reġgħet qed toffri, b’mod partikolari issa li dieħel is-sajf. Propju għalhekk li l-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Cini li huwa l-awtur ta’ tliet kotba dwar l-istorja ta’ din it-triq ikonika fil-qalba tal-Kapitali.

Cini kiteb dawn il-kotba minn dak li rrakkontawlu dawk stess li għexu u ħadmu f’din it-triq jew inkella missew magħha fi żmien meta kienet fl-aqwa tagħha. Tkellimna miegħu dwar l-esperjenzi ta’ dawn in-nies, il-ħajja, id-divertiment li kienet toffri u anke perċezzjonijiet żbaljati li taw isem ħażin lil din it-triq u nessew dak li kienet verament Strada Stretta.

Strada Stretta ma kinitx biss xorb, sokor, ġlied, prostituzzjoni u qħab. Strada Stretta kienet ċentru ta’ divertiment tant li minnha ħarġu mużiċisti li għadhom famużi sal-lum il-ġurnata. Il-mużika live kienet il-ħajja ta’ din it-triq u Cini jittama li llum, meta Strada Stretta reġgħet ħadet il-ħajja, dan l-aspett jingħata importanza.

Iżda l-ILLUM bdiet titkellem ma’ Cini dwar kif nibet fih l-interess dwar din it-triq u kif wasal biex kiteb xejn inqas minn tliet kotba dwarha. Fil-fatt kollox beda fl-2004, meta Cini kien ma’ The Times of Malta u l-editur tiegħu f’sajf xott mill-istejjer, riedu jġib storja tajba u talbu jikteb fuq Strada Stretta.

“Niftakar inżilt Strada Stretta u ma sibt xejn ħlief ħwienet magħluqa u mbarrati.” Kien kważi se jaqta’ qalbu sakemm darba niżel il-Belt u ltaqa’ ma’ Jimmy l-Irish li dak iż-żmien kellu 96 sena u kien għadu jsuq.

Jimmy l-Irish ... ta’ 17-il sena kien diġà fi Strada Stretta

Cini beda jiltaqa’, f’dar tal-anzjani, ma’ Jimmy l-Irish u jħallih jirrakkontalu, kif għamel mal-għexieren ta’ persuni li ġew warajh. Cini żamm l-awtentiċità ta’ dawn il-persuni anke fil-kitbiet.

Jimmy l-Irish seta’ jagħtih bażi soda għall-informazzjoni għax ta’ 17-il sena kien diġà midħla ta’ Strada Stretta u fetaħ diversi ħwienet. Il-laqam oriġinarjament kien ta’ missieru li kien is-sid tal-Cambridge Dancing Hall u maż-żmien tgħallem jitkellem ma’ kulħadd anke ma’ dawk il-baħrin Ingliżi b’xi aċċent partikolari bħalma kienu l-Irlandiżi.

Jimmy l-Irish li kellu diversi ħwienet Strada Stretta
Jimmy l-Irish li kellu diversi ħwienet Strada Stretta

Jimmy kien irrakkonta ma’ Cini li Strada Stretta baqgħet attiva anke matul it-Tieni Gwerra.

“Kien qalli li kienu jmorru jħabbtu u jkollu jiftaħ u saħansitra kien hemm darba fejn wieħed għamillu r-revolver ma’ rasu biex jiftaħ. Irrakkontali kif ma kien hawn xejn u kien jidħol biss xi whisky u brandy mill-Greċja. Kien jgħidli li kienu jbiegħu kuljum mat-tmenin lira ‘valenu,’ għax ma kontx tkun taf x’qed tixrob.”

Ġużi tal-Cairo u l-irġiel lebsin ta’ nisa...

Bdew ġejjin persuni oħra, fosthom Ġużi magħruf bħala tal-Cairo, wara isem il-bar li kellha ommu Rita magħrufa bħala il-Ġinġrija. Ġużi kien jilbes ta’ mara minn meta kellu 14-il sena. 

L-ILLUM twaqqaf lil Cini u tistaqsih dwar ir-reazzjoni ta’ dak iż-żmien, anke għax il-mentalità ma’ kinitx dik tal-lum. Cini qal li Ġużi ma kienx waħdu u kien hemm diversi rġiel oħra fi Strada Stretta u bnadi oħra li filgħaxija kienu jilbsu ta’ nisa u jaħdmu f’bars u music halls.

Biss biss fakkar fil-grupp Klondyke Tabarin f’Balzunetta fil-Furjana. Dan kien grupp magħmul minn irġiel liebsa ta’ nisa u li kien popolari mmens mal-baħrin u s-suldati. Bobbie stess kien jimita lill-kantanta, żeffiena u artista tal-films, Carmen Miranda.

Strada Stretta kien hemm minn kollox ... imma ma stajtx tagħmel li trid

Anke Ġużi tal-Cairo kien imur Balzunetta għax kull fejn kien hemm il-baħrin stazzjonati, kien ikun hemm dan it-tip ta’ divertiment.

“Ma naħsibx li kienet daqshekk taboo. Dawk li studjaw Shakespeare jafu li dak iż-żmien in-nisa ma kinux jitilgħu fuq il-palk u kienu l-irġiel li jilbsu ta’ nisa u l-użanza nżammet. Imbagħad kien hemm id-domanda. Strada Stretta kienu jinżlu rġiel għall-mużika, oħrajn għan-nisa u kien hemm oħrajn li jinżlu għall-irġiel. Id-domanda tmexxi s-suq. Strada Stretta kien hemm minn kollox. Kien hemm ristoranti, kien hemm D’Amato jbigħ id-diski u anke fotografi u tat-tpinġija.”

Ġużi tal-Cairo li beda jilbes ta’ mara meta kellu erbatax-il sena. Kien jagħmel il-landi kemm Strada Stretta kif ukoll Balzunetta, il-Furjana
Ġużi tal-Cairo li beda jilbes ta’ mara meta kellu erbatax-il sena. Kien jagħmel il-landi kemm Strada Stretta kif ukoll Balzunetta, il-Furjana

Imma Strada Stretta lanqas ma kienet xi triq li fiha tagħmel li trid. Cini jirrakkonta dak li kien spjegalu Jimmy l-Irish, jiġifieri li fiż-żmien ta’ qabel il-Gwerra kien hemm dixxiplina kbira. Fil-fatt, il-Kap Kmandat tal-Armata u l-Kap Kmandant tan-Navy f’Malta kienu responsabbli mid-dixxiplina anke f’din it-triq.

Dan ma jfissirx li ma kienx hemm ġlied jew nisa taħt l-età fi Strada Stretta.”

Imxejna pass pass u staqsejna lil Cini kif kienu jitħallsu l-barmaids. Anke hawn, Cini jisħaq li kien hemm ir-regolamenti. Il-barmaids kienu jitħallsu bil-landi, qishom muniti tal-landa jew ramm.

Il-barmaids kienu jżommu kumpanija lill-klijenti, l-aktar lill-baħrin u s-suldati u kienu jġennuhom biex jixtrulhom drink wara l-ieħor. Tal-bar, lill-barmaids kien jagħmlilhom ftit ilma bil-koka, anke jekk il-baħri kien mingħalih li xtara l-alkoħol u jħallas għalih. Għal kull drink, il-barmaid, kienet tingħata l-landi u skont kemm ikollha landi, titħallas.

“Kien hemm barmaids bil-paga li kienet mal-għaxar liri fix-xahar u li ma kinitx ħażina. Oħrajn, li kienu aktar fuq tagħhom, kien jaqblilhom jitħallsu skont kemm jagħmlu landi.” Kien hemm barmaids bħal Tessie Shead u Rita McBee li spjegawlu kif f’ġurnata ġieli qalgħu mal-40 lira. 

Ħafna minn dawn il-baħrin kienu jkunu kważi għadhom tfal. Peress li l-Ingliżi kienu jdaħħlu fin-Navy anke tfal ta’ 14-il sena, x’aktarx li dawn kienu jkunu ġejjin minn xi raħal żgħir u qatt qabel ma jkunu raw mara tagħtihom l-attenzjoni u tpoġġi ħdejhom u allura faċli jaqgħu għan-nassa u jibdew jixtru d-drinks bl-addoċċ.

“Dawn kienu jitbellħu. Poġġiet mara ħdejhom u tgħidlu: ‘I give you good time.’ Imbagħad tgħidlu li se tieħdu d-dar. Minjaf kemm-il darba tawhom iċ-ċwievet u jtuhom xi numru ta’ xi bieb f’xi triq fil-belt. Dan, ta’ beċċun li jkun, imur u ċ-ċavetta ma tkunx taqbel.” 

La kienu fqar kif kienu jilbsu daqshekk sabiħ?

Hawn Cini waqaf ftit biex jurina ritratti ta’ wħud mill-barmaids. Jolqtok kemm dawn kienu jkunu liebsa sabiħ u pulit u dan fi żmien meta l-faqar kien kbir u ħafna minnhom kienu jgħixu f’xi kerrejja. Fil-fatt, ħafna minn dawn il-barmaids kienu nisa miżżewġa u bit-tfal u kienu jaħdmu hemm biex imantnu l-familja. 

Rita McBee. Meta baħri kien joffri li jixtrilha libsa kienet tmur għand il-ħajjata u bl-istess flus li jkun se jonfoq il-baħri tagħmel erba’ ilbiesi
Rita McBee. Meta baħri kien joffri li jixtrilha libsa kienet tmur għand il-ħajjata u bl-istess flus li jkun se jonfoq il-baħri tagħmel erba’ ilbiesi

Ġieli dawn l-ilbiesi kienu jħallsu għalihom il-baħrin stess. Rita McBee rrakkontat ma’ Cini kif meta baħri kien joffri li jixtrilha libsa, flok tixtri libsa lesta, kienet tmur għand il-ħajjata Biċe Abela u bl-istess flus li jkun se jonfoq il-baħri, tagħmel erba’ ilbiesi.

“Kienu jkunu ndaf u liebsa sabiħ. Mhux se tmur fil-ħanut, tikkonvinċi lill-irġiel joqogħdu ħdejk u jħallsulek u tkun liebsa xi libsa maħmuġa. Dawn kważi kienu jilbsu libsa ġdida kuljum.”

Il-qħab, il-flus u l-kerrejja...

Hawn tkellimna fuq il-prostituzzjoni u l-preżenza tal-qħab fi Strada Stretta. Forsi din hija l-aktar ħaġa li llum hija mfakkra għaliha din it-triq, anke jekk skont Cini, hija ħasra għax Strada Stretta kienet ħafna aktar minn hekk.

Il-prostituzzjoni ilha teżisti minn żmien żemżem u ma kienx xi fenomenu ta’ Strada Stretta. Kull fejn kien hemm il-faqar u anke d-domanda, kien hemm il-prostituzzjoni. 

L-idea hi li l-barmaids kienu l-prostituti iżda dan mhuwiex minnu, anke jekk il-qħab xorta waħda kienu jkunu preżenti fil-ħwienet u s-sidien ma kinux jiddejqu lanqas bihom għax kienu jġibu l-klijenti.

“Il-barmaids kienu barmaids. Kien hemm nisa bit-tfal li kienu jitilgħu Strada Stretta, jagħmlu l-landi u jinżlu d-dar. Imbagħad kien hemm il-qħab li xorta waħda kienu jpoġġu fil-ħanut u jagħmlu l-landi. Tal-ħanut kien jaqbillu li jkollu l-qħab. F’ġurnata kien ikun hemm min jaqla’ mas-70 lira.”

Waħda mill-barmaids li kienet taħdem Strada Stretta
Waħda mill-barmaids li kienet taħdem Strada Stretta

Il-bars ta’ Strada Stretta ma kienx ikollhom kamra fuq wara jew inkella xi kamra fil-ħanut fejn il-qħab kienu jieħdu l-baħrin.

“Kien hemm qħab jirranġaw ma’ bniedem u jmorru f’kamra f’kerrejja viċin.”

Il-kamra fuq wara jew inkella saħansitra taħt il-bank kienet teżisti, imma kienet tintuża biex fiha jinħbew it-tfajliet ta’ taħt l-età u l-barmaids bla midalja.

“Ħafna bars kien ikollhom il-mirja fuq wara u allura kienu jagħmlulhom il-windolene. Dan kien ikun qisu ġibs verġni, imħallat mal-ilma li jtappan il-mirja. Hekk, jekk jittawwal xi Pulizija minn wara l-bieb ma jindunax min ikun hemm. Ovvjament kien ikun hemm pulizija li tal-ħwienet kienu jieħdu ħsiebhom biex ma jaraw xejn.”

Il-bar maid riedet permess u tingħata midalja...

Ta’ kull tfajla taħt l-età li kienet tinstab f’xi ħanut, is-sid u anke t-tfajla, kienu jeħlu multa ta’ ħames liri u s-sid saħansitra seta’ jkun ordnat jagħlaq il-ħanut għal xi jiem. Iżda kif kienu jkunu jafu li taħt l-età? Ir-risposta hija sempliċi għax biex taħdem bħala barmaid kien ikun irid ikollok il-midalja.

“Ma jfissirx li tfajliet taħt l-età ma kienx ikun hemm. Ir-Roy Bar kien ikollu xeba tfajliet taħt l-età,” insista Cini. 

Mara riedet tmur il-Palazz tal-Gvernatur, f’Misraħ San Ġorġ biex titlob il-permess biex taħdem bħala barmaid. Kienet tħallas ħames liri u kienet tingħata midalja li żżomm fuqha. Il-midalja kien ikollha l-inizjali MP (Malta Police) u numru. Fost ir-rekwiżiti, biex taħdem bħala barmaid, ridt ikollok il-kondotta nadifa u aktar minn 21 sena (maż-żmien l-età niżluha għal 18).

L-awtur irrakkonta kif Ugo Mifsud Bonnici u anke Guido de Marco, żewġ Presidenti Emeriti, meta kienu għadhom jilħqu avukati, kienu jibagħtuhom il-Palazz biex jivverifikaw l-informazzjoni u anke l-kondotti qabel ma jinħarġu dawn il-midalji.

Il-midalja li kull barmaid ġo Strada Stretta kellha tilbes bħala brooch meta tkun fil-ħwienet
Il-midalja li kull barmaid ġo Strada Stretta kellha tilbes bħala brooch meta tkun fil-ħwienet

Hawn Cini semma dak li rrakkonta miegħu Joe Azzopardi l-Kapsula li l-familja tiegħu kellhom il-Loop Bar. Kien hemm wieħed jgħidulu l-Lubjana li kien jaqla’ lira billi jitla’ jirrappreżenta fil-Qorti lil dawk is-sidien tal-ħwienet li jkunu qalgħu xi multa u anke jkunu kostretti jagħlqu l-ħanut.

Il-Lubjana kien jikkonvinċi lill-Maġistrat biex il-ħanut jagħlaq fi ġranet partikolari, jiġifieri f’dawk il-ġranet meta jkun jaf li mhux se jkun hemm baħrin.

Imma l-bars kollha kien ikollhom il-barmaids? Cini qal li fost il-ħwienet kollha fi Strada Stretta, wieħed biss ma kienx ikollu nisa, jiġifieri d-Dirty Dick’s u saħaq li mhuwiex minnu li dan għax kien ikollu ħafna omosesswali.

“Joe Attard spjegali kif missieru, Gużeppi tad-Dirty Dicks, kien jgħid li n-nisa inkwiet biss. Minkejja dan, id-Dirty Dick’s kien famuż għall-cocktails u hemm kienu jmorru ħafna familji tas-suldati u l-baħrin Ingliżi.”

‘Mhux kulħadd kien jinżel għall-qħab’

Iżda l-ILLUM tistaqsi lil Cini għaliex Strada Stretta baqgħet dejjem assoċjata mal-prostituzzjoni u l-qħab?

“Jekk immorru lura fi żmien il-Kavallieri, il-Belt kienet invażata bil-qħab,” spjega Cini. “Fi Strada Stretta ‘l isfel u fi Strada San Giuseppe kien hemm ħafna kerrejja b’kirja baxxa bħalma kien hemm il-Mandraġġ. Allura ħafna nisa krem hemm biex jaħdmu l-Belt. Apparti Maltin kien hemm oħrajn Taljani, Spanjoli u Griegi.

Fil-fatt, fi kliem Cini, “ħadd ma għandu biex jitkaża,” għax il-qħab u l-barmaids li kienu jaħdmu l-Belt, ma kinux kollha Beltin jew mill-Kottonera imma kienu ġejjin minn Malta kollha, inkuż Għawdex.

L-awtur, bħala eżempju, semma lil ċertu żeffiena magħrufa bħala Topsy, li kienet tkun fil-Victoria Variety u li kienet Għawdxija. 

George Cini
George Cini

“Mhux f’kull ħanut kien ikun hemm il-qħab. Is-Silver Horse u l-Morning Star ma kinux ikunu jridu l-qħab. Ħafna mis-sidien kienu nies tal-affari tagħhom u ma ridux inkwiet.” 

Fil-fatt, ħafna minn dawn is-sidien kienu midħla sew tal-Knisja u kienu jieħdu ħsieb anke knejjes tal-Belt u jiġbru d-deheb għal xi statwa partikolari. Saħansitra l-Kappillan ta’ San Duminku, darba fis-sena kien imur iqaddes f’xi ħwienet. 

Beltin jirrakkontaw kif fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu, il-barmaids kienu joħorġu fi Triq l-Arċisqof, kantuniera ma’ Strada Stretta biex jaraw l-vara tal-Madonna tiela’, anke jekk ir-reffiegħa kienu jibqgħu għaddejin u ma kinux jieqfu forċina f’din il-kantuniera, kif jagħmlu f’kull kantuniera oħra.

‘Prostituzzjoni f’żewġ toroq biss...’

Imma anke fejn jidħlu l-qħab, mhux kollox kien kif ġib u laħaq. L-Ingliżi kienu daħlu restrizzjonijiet biex jevitaw xi sitwazzjoni fejn baħri jlaqqat xi marda, jitla’ abbord u jxerridha ma’ sħabu.

“L-Ingliżi riedu jieħdu deċiżjoni. Kienu jafu x’hemm u kienu jafu li ma jistax ikun tiġi gwerra u jkollhom baħrin morda. Allura għaddew liġi, jew ordinanza kif kienu jsejħulha, biex il-prostituzzjoni ssir biss fi Strada Fontana u Strada Sant’Anna.”

Għamlu dan, biex f’każ li baħri jlaqqat xi marda, malajr ikunu jistgħu jsibu minn fejn u ma’ min kien mar. L-istess liġi kienet tgħid li żewġt iqħab ma jistgħux joqogħdu flimkien biex ma jkunx hemm briedel.

“Kien hemm saħansitra nisa barranin jaħdmu bħala qħab. Kienu nisa sbieħ, qishom artisti. Waħda minnhom, Ungeriża, jgħidu kien ikollha l-kju wara l-bieb. Dawn kienu fqar ħafna. Kien hemm, minn dawn, li żżewġu Maltin u oħrajn li żżewġu anke rġiel omosesswali.”

Il-qħab u ċ-ċomba...

X’kien jiġri wara li xi baħri jinduna li kellu xi marda? L-awtur spjega kif meta t-tabib tal-Ingliżi kien jinduna b’marda li xi baħri jkun laqqat, kien jinforma lill-Uffiċjal Mediku Malti u dan kien jinżel ikellem lill-persuna partikolari.

Spettur tas-Saħħa Malti qiegħed jgħaddi ittra li waħda mill-prostituti biex titla’ s-Sanità fi Triq Merkanti, il-Belt biex jagħmlulha testijiet għall-mard venerju. Dan kien jiġri meta xi baħri Ingliż kien jgħid li laqqat xi marda u jkun ċama lil prostituta b’isimha. Akkwarell ta’ Paul Caruana li pinġa l-akkwarelli kollha għat-tliet kotba ta’ George Cini dwar l-istorja ta’ Strada Stretta
Spettur tas-Saħħa Malti qiegħed jgħaddi ittra li waħda mill-prostituti biex titla’ s-Sanità fi Triq Merkanti, il-Belt biex jagħmlulha testijiet għall-mard venerju. Dan kien jiġri meta xi baħri Ingliż kien jgħid li laqqat xi marda u jkun ċama lil prostituta b’isimha. Akkwarell ta’ Paul Caruana li pinġa l-akkwarelli kollha għat-tliet kotba ta’ George Cini dwar l-istorja ta’ Strada Stretta

“Kien ikollhom jobdu u jmorru għall-kura is-Sanità fi Strada Merkanti. Min ma jobdix, kienu jinżlu għalih bil-Pulizija. Sakemm tkun għadek bil-marda, ma kinux iħalluk taħdem. Imbagħad kienu jagħtuhom ċomba, li jilbsuha biex persuna turi li ma jkollix mard.”

Il-mużika kienet il-ħajja ta’ Strada Stretta

Il-mużika ma tistax tifridha minn Strada Stretta. Minn din it-triq ħarġu mużiċisti kbar u popolari. Cini semma mill-ġdid lil Bobby tal-pjanu u anke lil Vinny Vella, Ġużi Curmi l-Puse, Pawlu Curmi l-Pampalun, Wiġi tal-Pjanu, Joe u Twanny Fiteni, Oscar Lukas u Paul Arnaud

“L-irġiel li kienu jinżlu fi Strada Stretta mhux kollha kienu jinżlu għall-qħab. Ħafna kienu jinżlu biex jisimgħu l-mużika, jiżfnu, jixorbu u jiddevertu.” L-Ingliżi li tkellem magħhom Cini għadhom sal-lum, meta ssemmilhom Malta isemmulek lil Strada Stretta u d-divertiment kbir u sabiħ li kien ikun hemm.

Irrakkonta dak li qallu Ġużi Curmi l-Puse, li kien idoqq is-saxophone. Kważi kważi kien waħdu jdoqq dan l-istrument għax il-mużiċisti jkunu l-aktar fuq pjanu, drums u forsi vjolin. Uħud minn dawn tkissru fil-mużika ġo Strada Stretta. 

Pawlu Curmi, il-Pampalun beda bħala drummer Strada Stretta
Pawlu Curmi, il-Pampalun beda bħala drummer Strada Stretta

“Ġużi l-Pusè niftakru jispjegali li kienu jiġu tfal bil-lieva Amerikani li kienu mużiċisti jdoqqu ma’ bands kbar. Il-Maltin ma kinux ikunu jafu li min kienu. Kienu jisimgħuhom u wara jmorru jkellmuhom biex ifaħħruhom u anke jagħtuhom idea u juruhom teknika kif setgħu jdoqqu aħjar.”

Il-mużiċisti, li bdew minn Strada Stetta, kienu importanti meta fl-1964 nfetħet l-industrija tat-turiżmu. Minn Strada Stretta, dawn sabu ruħhom idoqqu fil-lukandi u night clubs.

Oscar Lucas kellu band magħmulha minn Frank Camilleri l-Bibi, lil Lee Spiteri l-Budella u lil Pawlu l-Pampalun. Lucas kien għamel kuntratti mal-Amerikani u kienu jitilgħu jdoqqu f’Wheelus base, fil-Libja u fil-bażi Amerikana f’Sigonella, Sqallija.

Bil-Maltin biss ma setgħetx timxi

L-ILLUM tistaqsi lil Cini x’ġara biex Strada Stretta spiċċat fix-xejn jekk kienet daqshekk famuża. Għaliex il-Maltin ma baqgħux jinżlu? Kienet iżżomm bl-Ingliżi biss?

Il-Maltin li kienu jaffordjaw jinżlu Strada Stretta kienu ftit u dawk li jinżlu ma kinux jonfqu daqs l-Ingliżi. Għalhekk, meta bdew jonqsu l-Ingliżi, bdiet tonqos il-popolarità ta’ Strada Stretta.

“Kellek Malta qed titlob għall-Indipendenza u anke Mintoff li mill-Oppożizzjoni beda jitlob biex Malta ma tibqax aktar bażi militari Ingliżi. Ta’ Strada Stretta ma tantx ħadu gost b’dan/ Apparti minn hekk beda jiżdied ix-xogħol fil-lukandi u fil-fabbriki u t-tfajliet bdew imorru jaħdmu hemm.”

Jekk Strada Stretta għamlet żmien baħħ, il-memorji tagħha baqgħu sħaħ u qawwija f’moħħ dawk li għexuha. 

“Lil kull min staqsejt, inkluż Tony Psaila ­z-Zalzettu (li kien ipenġi t-tattoos), kollha kelma waħda, jiġifieri illi li kieku kellhom jerġgħu jitwieldu, jerġgħu jmorru Strada Stretta,” kompla Cini. 

Anke jekk illum Strada Stretta reġgħet ħadet il-ħajja Strada Stretta kif kienet, qatt ma tista’ terġa’ tkun. Madanakollu l-appell ta’ Cini huwa wieħed, jiġifieri li l-ħwienet jerġgħu jiskopru l-mużika live, li kienet il-ħajja ta’ din it-triq.

Tista’ tikkuntattja lil George Cini fuq 99430578, fuq WhatsApp jew żur ukoll il-paġna ta' Facebook 

More in Socjali