‘In-nies qed iħallu għall-aħħar biex jaqtgħu biljett’... L-ILLUM titkellem ma’ żewġ aġenziji tal-ivvjaġġar

Fid-dawl tal-aħħar ċifri maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar it-tendenzi tat-turisti Maltin madwar pajjiżi oħra fid-dinja, il-gazzetta titkellem ma’ żewġ aġenziji tal-ivvjaġġar

Mill-bidu ta’ Mejju f’Malta kompla jsir rilaxx tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19 relatati mal-ivvjaġġar. Minħabba f’hekk, in-nies issa jistgħu jsiefru mingħajr maskra u ħafna karti żejda. Din l-aħbar, bla ebda sorpriża, intlaqgħet tajjeb tant li mal-ILLUM, il-Ħadd li għadda, kelliem għall-Air Malta saħaq li kien hemm żieda qawwija fil-bookings. 

Intant, din il-ġimgħa, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika żvela ċifri dwar it-tendenzi tat-turisti Maltin li siefru għal destinazzjonijiet oħra madwar id-dinja. 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ żewġ aġenżiji tal-ivvjaġġar u staqsiethom numru ta’ mistoqsijiet dwar il-Maltin u l-ivvjaġġar wara sentejn ta’ restrizzjonijiet. 

Yasmine Hamilton - Hamilton Travels
Yasmine Hamilton - Hamilton Travels

‘In-nies qed iħallu għall-aħħar’ – Yasmin Hamilton, Hamilton Travels 

Yasmin Hamilton, waħda mid-diretturi ta’ kumpanija ewlenija tal-ivvjaġġar f’pajjiżna qalet lill-ILLUM illi minkejja ż-żieda sostanzjali fin-numru ta’ bookings li qed isiru, in-numri għadhom ma laħqux dawk li kien ikollha l-kumpanija, qabel il-pandemija. 

Spjegat illi l-aħbar li r-restrizzjonijiet kienu se jiġu rilaxxati kienet milqugħa tajjeb tant li hemm min mal-ewwel beda’ jippjana xi btala . Fl-istess waqt pero’ Hamilton tgħid li minn qabel ir-rilaxx, kien hemm min fehem li “l-pandemija, rridu ngħixu biha.” 

Għaldaqstant Hamilton qalet ukoll li bħalissa n-nies qed iħallu għall-aħħar biex jixtru l-biljett jew jibbukkjaw it-tour. Din taf tkun kawża ta’ numru ta’ raġunijiet, fosthom biża’ ta’ kanċellament bil-konsegwenza li jkollhom jerġgħu jistennew xhur għal flushom jew inkella jista’ jkun ukoll li n-nies qed jippruvaw ifittxu prezzijiet iktar vantaġġjużi u jħallu għall-aħħar bit-tama li l-aġenziji jraħħsu l-prezzijiet tagħhom. 

Id-direttur qalet mal-ILLUM li min qed jibbukkja qed jagħmel dan kemm jekk hu għal skopijiet ta’ divertiment u anke jekk hu safar marbut ma’ xogħol. Iżda l-iktar popolari mal-vjaġġaturi bħalissa, skont Yasmin Hamilton, huma l-cruises minn Malta għal Malta. Wara huma popolari l-cruises li jibdew minn postijiet oħra madwar l-Ewropa kif ukoll btajjel fil-Ġordan u Sqallija. 

Minkejja dan kollu, Hamilton ittemm tgħid li bookings ta’ gruppi baqgħu lura. 

Claire Borg - Enrico Travels
Claire Borg - Enrico Travels

‘Tant kemm qed jibbukjaw li mhux inlaħħqu’ – Claire Borg, Enrico Travels 

Mistoqsija mill-ILLUM dwar jekk innotawx żieda fil-bookings, Claire Borg, Manager ma’ kumpanija oħra ewlenija tal-ivjaġġar wieġbet li mhux talli raw żieda talli mhux ilaħħqu. 

Kuntrarjament ta’ dak li qalet Hamilton, Borg sostniet mal-ILLUM li numru ta’ gruppi qed jibbukkjaw flimkien sabiex isifru lejn id-destinazzjonijiet li huma joffru fosthom il-pakketti fil-Mediterran, fil-Karibew u l-Ażja. 

Mistoqsija liema huma l-iktar destinazzjonijiet popolari, Borg tgħid li innotaw kif numru ta’ persuni qed jaqtgħu biljetti għal Ċipru u Sardenja l-aktar. 

Claire Borg qalet ukoll illi ma kienx hemm perjodu partikolari li fih qegħdin jibbukkjaw il-Maltin. Minflok imma qed jinnotaw li s-sajf kollu qed jimtela’ bil-bookings. 

L-Italja tibqa’ l-favorita mal-Maltin ... 32,369 persuna iżżur dan il-pajjiż fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2022 

Ċifri maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li minn Jannar sa’ Marzu ta’ din is-sena ġew f’pajjiżna 110,938 turist iżda minn Malta għal destinazzjonijiet oħra, siefru 88,196 persuna.  L-iktar persuni li siefru minn Malta għamlu dan għad-divertiment, b’42,035 persuna jmorru fuq btala fl-istess tliet xhur. Għaldaqstant iċ-ċifri juru wkoll li 28,498 persuna siefru minn Malta sabiex iżuru qraba u ħbieb. Il-bqija tal-vjaġġaturi siefru għal raġuni speċifika oħra li mhux relatata ma’ dawk diġà msemmija, eżempju raġunijiet tas-saħħa, irtiri reliġjużi jew edukazzjoni. B’kollox dawn jammontaw għal 6,958. 

Interessanti l-fatt illi mit-88,196 persuna li siefru barra minn xtutna, kienu biss 5,868 li għamlu dan bil-vapur. Il-maġġoranza tal-persuni li siefru mhux talli għamlu użu minn ajruplan talli ppreferew jfittxu biljetti ta’ kumpaniji low cost, b’51,319 jagħmlu proprju dan fl-istess żmien imsemmi.  

55% tal-persuni li vjaġġaw minn Malta għal destinazzjoni oħra kienu bejn l-etajiet ta’ 25 sena u 44 sena, filwaqt li 24.9% kienu bejn l-etajiet ta’ 45 u 64 sena. L-inqas nies li siefru kienu ta’ età ogħla minn 65 sena. 

Intant, meta l-NSO ħadu kalkolu tad-destinazzjonijiet finali, il-maġġoranza spiċċaw il-vjaġġ tagħhom f’pajjiż ġewwa l-Unjoni Ewropea, b’65,978 persuna tagħmel dan u 22,218 tagħżel destinazzjoni kompletament barra mill-Ewropa. L-Italja baqgħet id-destinazzjoni favorita ta’ bosta. Fil-fatt b’kollox 32,369 persuna vjaġġaw lejn l-Italja bejn ix-xhur ta’ Jannar u Marzu fejn nefqu ‘l fuq minn €18-il miljun. Dan kien segwit mill-Ingilterra li wkoll jidher li kien il-pajjiż favorit mal-10,248 passiġġier li vjaġġaw hemmekk minn Malta.  

In-nefqa totali tal-persuni kollha li siefru minn Malta bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena kienet ta’ €69 miljun li hija ekwivilenti għal, bejn wieħed u ieħor, €782 kull persuna. Dan ifisser €186 inqas mill-istess perjodu fl-2021, meta n-nefqa medja ta’ kull persuna kienet tilħaq d-€968. Din iċ-ċifra hi maqsuma bejn akkomodazzjoni, passaġġi u oħrajn. L-ikbar spiża kienet fejn jidħol passaġġ, hekk kif ħafna minn dawk li siefru nefqu madwar €12.8 mlijun fuq il-vjaġġ innifsu, kemm jekk hu bil-vapur u anke jekk hu bl-ajruplan. Fil-każ ta’ akkomodazzjoni, l-NSO tirrapporta li intefqu madwar €11.6 miljuni. 

L-NSO daħal ukoll fid-dettall tal-akkomodazzjoni li taf tkun jew bil-kiri jew inkella residenza privata bla ħlas addizzjonali. Ftit iktar minn 36,200 passiġier mit-88,196, qagħdu fir-residenza privata tagħhom. Għalkemm iċ-ċifri juru li l-kumpletament tat-turisti Maltin, jiġġifieri 51,958 persuna, krew kmamar f’lukandi jew residenzi, iċ-ċifri juru ukoll li min kellu residenza privata l-iktar li dam barra minn Malta. B’kollox dawk is-36,200 turist li qagħdu fir-residenza privata tagħhom qattgħu 396,693 lejl barra minn xtutna. Dan filwaqt illi dawk li qagħdu f’akkomodazzjoni kollettiva qattgħu 257,401 lejl barra minn Malta. 

More in Socjali