Intervista | Ta’ 20 sena, fl-eqqel tal-pandemija tiftaħ negozju għal rasha ... ‘Ma kontx kapaċi noqgħod id-dar ma nagħmel xejn’
L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Kelly Pisani żagħżugħa li ta’ 20 sena diġà kienet sid ta’ negozju ta’ aċċessorji tal-ħwejjeġ. Din il-gazzetta tieħu l-opportunità u tistaqsi lil Pisani dwar dan in-negozju u kif ta’ età daqshekk żgħira rnexxielha tagħmel suċċess
minn Anthea Cachia
F’Malta nsibu diversi negozji żgħar. Fi żmien il-pandemija sfortunatament dawn intlaqtu ħażin ħafna aktar minn kumpaniji kbar tant li ħafna għamlu kampanji sħaħ biex in-nies fil-festi, l-aktar il-Milied, jixtru mill-ħwienet lokali.
Din il-ġimgħa, l-ILLUM marret iż-Żurrieq fl-uffiċċju ta’ Kelly Pisani, żagħżugħa ta’ 21 sena, li fl-2020, fl-eqqel tal-pandemija, iddeċidiet li tiftaħ negozju mid-dar. Pisani tgħid mal-ILLUM kif biddlet ħajjitha kompletament hekk kif mill-istudju biex issir għalliema, illum qed tbigħ il-handbags, il-ġojellerija, kuxins u aktar fost oħrajn.
Kollox beda fl-2020 meta faqqgħet il-pandemija u Pisani, li kienet qiegħda tagħmel il-kors biex issir għalliema, kellha tibda tagħmel il-lezzjonijiet mid-dar. Hija spjegat li bdiet issibha diffiċli sempliċiment tintefa’ quddiem kompjuter u tisma’ sigħat twal ta’ lezzjonijiet. Tgħid li hi ma rnexxiliex tikkonċentra u kellha bżonn tagħmel xi ħaġa b’idejha biex jirnexxielha tifhem aħjar.
Minn hemm l-intrapredintriċi iddeċidiet li tistaqsi lil ommha biex tgħallimha tħit. Naturali fil-ħjata, Pisani tgħid li ma kinitx diffiċli għaliha biex titgħallem, anzi ħasbet li kienet se tkun aktar iebsa. Għenitha ħafna ommha li kienet ilha tħit u allura setgħet tgħinha aktar.
Tgħid ukoll li fil-bidu li bdiet tipprattika Pisani kienet tagħmel linja dritta bla ħajt fuq karta. “Qbadna karta u bdejt inħit. L-ewwel waħda ġitni mgħawġa, it-tieni waħda ġitni mgħawġa wkoll. Eventwalment wara xi 15-il darba irnexxieli u għamilt linja dritta. Imbagħad minn hemm bdejt inħit fuq id-drappijiet,” qalet Pisani.
‘Bdejt ninduna kemm hawn materjali li qed jintremew, sempliċement għax ikunu mqatta’’
Id-diskors waqa’ fuq wieħed mill-aktar affarjiet li Pisani għandha għal qalbha, it-thrifting. Thrifting huwa meta persuna tmur f’charity shops, ħwienet jew bazaar li fihom oġġetti u ħwejjeġ ‘użati,’ iżda ta’ kwalità tajba, u jinbiegħu bi prezzijiet raġonevoli.
“Bdejt ninduna li hawn ħafna materjali li jintremew sempliċement għax ikunu naqra mqatta’ u ma jkunx hemm ħajja oħra għalihom,” spjegat Pisani. Hija kompliet tgħid li bdiet tara potenzjal f’affarjiet li b’naqra ħsieb jistgħu jinbidlu f’affarjiet ġodda u li n-nies ikunu jistgħu ituhom ħajja ġdida.
Bi tbissima fuq wiċċha hija qalet li l-imħabba għat-thrifting bdiet minn ta’ età żgħira meta kienet tmur f’xi ħwienet simili ma’ ommha. “Il-fatt li lanqas kont naf x’se nsib kienet tolqotni ħafna. Issa aktar ma nikber, aktar nara l-valur tat-thrifting. Għalija mhux biss mezz ta’ kif insib xi ħaġa għalija iżda narah bħala ħin perfett biex inqattgħu ma’ ommi. Allura għalija din tfisser ħafna.”
‘Dejjem għalliema immaġinajtni. Lanqas qatt ma ħsibt f’xogħol ieħor fil-verità’
Mistoqsija minn din il-gazzetta jekk qatt immaġinatx li kienet se tagħmel dan ix-xogħol, pront hija stqarret: “le anzi qas qatt ma bsart u lanqas biss ħsibt f’xogħol ieħor. Dejjem bħala għalliema immaġinajtni”.
L-ILLUM staqsiet jekk hemmx il-possibilità li fil-futur tiddeċiedi li tgħallem, kif dejjem xtaqet. Saħqet li jekk ikollha ċans li tagħmel hekk u ma titlaqx in-negozju tagħha, tikkunsidra l-irwol iżda tistqarr li “dan jista’ jkun li huwa impossibli.”
Intant l-edukazzjoni għal Pisani hija importanti ħafna tant li beħsiebha tkompli tistudja. Peress li hija qatt ma studjat fuq in-negozju u l-marketing, riċentament iddeċidiet li tagħmel kors onlajn biex jgħinna aktar tmexxi n-negozju tagħha.
Saħqet li għalkemm meta bdiet in-negozju għamlet ħafna riċerka u qrat ħafna materjal, temmen li dan ma kienx biżżejjed. Tant hu hekk li ‘l quddiem beħsiebha tespandi fuq dawn is-suġġetti, “għaliex aktar kemm titgħallem aktar aħjar.”
‘Kreattiva, produttiva u stretta’ … Min hi Kelly Pisani?
Pisani spjegat lil-ILLUM kif tibqa’ ddixxiplinata, organizzata u ffukkata fuq xogħolha u s-sigriet għal dan kollu huwa l-ippjanar strett tagħha. Tgħid li qabel ma tibda l-ġimgħa tagħha hija tippjana kollox, mill-bidu sal-aħħar, siegħa b’siegħa. Hija tgħid ukoll li xi kultant tant tikteb u tippjana li ġieli jaqbżulha xi affarjiet għax tkun nesiet fejn kitbithom.
“Ħalli ma tlaħħaqx f’siegħa imma imbagħad l-affarjiet ta’ tmiem il-ġurnata nippjanhom li nkun nista’ nagħmilhom l-għada jekk ma nlaħħaqx,” qalet Pisani.
L-ILLUM talbet liż-żagħżugħa biex tiddeskrivi lilha nnifisha fi tliet kelmiet “Kreattiva, produttiva - għax jekk ma nkunx produttiva ma nkunx kuntenta - u kultant stretta miegħi nnifsi,” wieġbet Pisani.
Madankollu hija qalet li mhux dejjem tajjeb li tkun stretta wisq magħha nnifisha. “Ġieli taqbad tħit u ma tiġikx ġurnata tajba. Minflok ngħid lili nnifsi biex nieqaf u nagħmel xi ħaġa oħra, nibqa’ nippersisti,” qalet Pisani.
Daħkana qalet li xi kultant tiġiha aktar agħar għax ikollha toftoq dak li tkun għamlet u terġa’ tibda mill-bidu.
Hija tgħid lil din il-gazzetta wkoll li kieku kellha tagħżel ditta famuża biex tiddeskriviha kienet tkun Channel. Tgħid li l-iktar ħaġa li togħġobha fihom hi l-fatt li l-affarjiet tagħhom ma jkunux tal-moda għal ftit żmien biss u wara ftit żmien ma jibqgħux jinbigħu iżda jibqgħu klassiċi, għal dejjem.
Hija saħqet li tipprova tirrifletti dan l-element ta’ eleganza fil-prodotti tagħha stess u tgħid li apparti li jkunu sbieħ mil-lat ta’ estetika, tixtieq li l-prodotti tagħha jibqgħu jintgħoġbu maż-żmien, tant li jistgħu jibqgħu jintirtu fil-ġenerazzjonijiet tal-futur tal-klijenti tagħha.
‘Ġieli qas inkun irrid nemmen u nibda ngħid, dak il-basket jien għamiltu?’’
Intant Pisani tgħid li l-aktar ħaġa li tagħtiha sodisfazzjoni hija meta tibda tara lill-klijenti tagħha jibagħtulha ritratti tal-prodotti tagħha. “Ġieli qas inkun irrid nemmen, nibda ngħid ‘dak il-basket jien għamiltu?’ Kelli klietna marret Dubaj u bgħatitli ritratt tagħha bil-basket tiegħi u bejni u bejn ruħi għidt dan il-basket mar Dubaj qabli, qas jien qatt ma mort hemm,” kompliet tgħid Pisani.
Min-naħa l-oħra kull xogħol għandu l-isfidi tiegħu u għal din l-intraprenditriċi tgħid li l-akbar battalja tagħha hija l-ansjetà. Ħafna minn din l-ansjetà tgħid li ġejja mill-fatt li hija trid tiddependi ħafna mill-bejgħ tal-prodotti tagħha biex ikollha l-qligħ. “Mhux daqshekk komda li ma jkollokx paga fissa dieħla, bħal meta jkollok xogħol fuq bażi full-time,” qalet.
‘Dak hu s-sabiħ ta’ xogħoli, li nħobb nagħmel kollox’
Hija kompliet tispjega li minkejja li s-sabiħ ta’ xogħolha huwa li ma tiddejjaq tagħmel xejn hija tgħid li l-aktar parti minn xogħolha li tħobb tagħmel huwa l-ippakkjar.
Hija saħqet li peress li l-ħanut tagħha huwa onlajn, ma jkolliex kuntatt dirett mal-klijenti li jixtru mingħandha, allura tipprova toħloq konnessjoni permezz tal-ippakkjar.
“Dik hija l-iktar ħaġa għal qalbi għax inħoss li hija l-unika mod kif jien nista’ noħloq konnessjoni mal-klijenti tiegħi. In-nies ma narahomx allura ma hemmx dik ir-relazzjoni magħhom,” kompliet Pisani.
Din il-gazzetta rat ukoll l-ippakjar tagħha li fih jinkludi saħansitra ittra miktuba minn Pisani stess biex tirringrazzja lill-klijent talli għażlu li jixtru mill-ħanut tagħha.
X’inhi l-aktar ħaġa li tmur tajjeb man-nies?
Tajjeb li ngħidu li fl-aħħar snin, Pisani żiedet ħafna l-varjetà tal-prodotti li tbigħ. Però tisħaq li l-aktar affarjiet li jmorru tajjeb huwa dawk li jkunu magħmulha mill-materjal ta’ Gucci.
“Wisq jimxu tajjeb man-nies. Bħalissa qed naħseb ukoll kif bl-istess materjal nista’ nagħmel affarjiet differenti. Nixtieq nagħmel aktar basktijiet differenti biex inkun nista’ nilħaq aktar nies. Fuq kollox, mhux kulħadd ikun irid basket żgħir, bħalma għandi jiena,” kompliet tgħid Pisani.
Hija temmet tgħid mal-ILLUM li peress li kellha domanda għall-ħwejjeġ, bħalissa qed taħdem fuq hekk ukoll. Għalkemm għadha żgħira u għadha tibda, Pisani ma taqtax qalbha u t-tir tagħha huwa li għada pit’għada, anke ħwejjeġ tibda taħdem u tbigħ.
Ritratti meħuda minn James Bianchi