Tal-lukandi u r-ristoranti qed jistennew sajf tajjeb iżda l-inflazzjoni żżid l-inċertezza għax-xhur ta’ wara

... il-gazzetta ILLUM titkellem mal-President tal-MHRA Tony Zahra u mal-Viċi President tal-Kamra tal-SMEs Philip Fenech 

Hekk kif ħafna mir-restrizzjonijiet, inkluż dawk marbuta mal-ivjaġġar issa tneħħew, mhux f’Malta biss imma fil-bqija tal-pajjiżi, diversi huma dawk li wara sentejn xejn mhu se jwaqqafhom milli jmorru btala barra minn pajjiżhom. Propju għalhekk li anke f’Malta, is-setturi tat-turiżmu, tal-ospitalità u tad-divertiment qed jistennew sajf tajjeb. Madanakollu mhux kollox ward u żahar. Anke jekk is-sajf mistenni jkun wieħed tajjeb għan-negozji, hemm inċertezza x’se jiġri fix-xhur ta’ wara meta ż-żieda fl-għoli tal-ħajja taf tibda taffettwa aktar il-bwiet tal-konsumatur. 

Tal-istess fehma kienu l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Tony Zahra u anke l-Viċi President tal-Kamra tal-SMEs Philip Fenech f’kummenti mal-gazzetta ILLUM. 

Philip Fenech saħaq li hekk kif minn April bdew jonqsu r-restrizzjonijiet u l-inċertezza bdiet tonqos, kien hemm ċaqliqa tajba ħafna kemm fis-suq lokali u anke dak barrani. Fi kliemu, ix-xogħol ingrana tajjeb u bħalissa r-ritmu huwa wieħed pożittiv immens. 

Fi kliem Fenech, dan huwa importanti għax ħafna negozji, partikolarment dawk fis-settur tal-ospitalità u d-divertiment tilfu ħafna fl-aħħar sentejn, anke jekk tenna li l-għajnuna mogħtija kienet essenzjali u importanti ħafna. 

Fakkar li anke jekk kien hemm min fi żmien il-pandemija baqa’ jdawwar ir-rota, għax pereżempju beda joffri take-away, kien hemm negozjim li l-operat tagħhom kien kważi wieqaf totalment u saħansitra kellhom jipposponi pagamenti, bħall-kirjiet, il-ħlas tat-taxxa u anke ta’ kontijiet. Insista li dawn issa jridu jaqdfu aktar biex iħallsu b’lura anke dawn il-pagamenti. 

Fenech fakkar li fi żmien li x-xogħol beda jirranka faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna li ġabet magħha sfidi ġodda fosthom żieda fl-inflazzjoni minħabba problemi ta’ importazzjoni. Insista li ħafna mill-prodotti milquta huma importanti fl-industrija fl-industrija tal-catering u anke tad-divertiment.  

“Sa issa l-Gvern assorba ż-żieda fil-prezz tal-enerġija, tal-qamħ u anke l-ikel tal-annimali,” kompla jfakkar. Ir-realtà hi li hemm prodotti li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed isiru skarzi u għalhekk ikomplu jogħlew il-prezzijiet.” 

Fi kliemu, l-effett ta’ dan mhux se jinħass minnufih. Insista li ħafna persuni, li kienu magħluqa d-dar u fl-aħħar sentejn ma marrux btala, laħqu fadlu xi ħaġa tal-flus u issa jifilħu jsiefru. Għalhekk jemmen li x-xhur li ġejjin se jkunu tajbin. 

“Qed nieħdu kollox ġurnata b’ġurnata. Il-verità hi li ħadd ma jaf liema prodotti se jibqgħu jogħlew u le. Kien hemm prodotti li għolew minħabba l-prezz tat-trasport, anke kawża tal-pandemija. Hemm inflazzjoni li għadha ġejja minn żmien il-Covid u issa ma’ dawn qed tingħaqad is-sitwazzjoni fl-Ukrajna,” kompla jisħaq. “Nittamaw li l-affarijiet jibdew jistabbilizzaw u jkun hemm pajjiżi li jibdew jipproduċu u jesportaw dawk il-prodotti li qed jispiċċaw skarzi.” 

Kien hawn li saħaq li dawn it-tliet xhur se jkunu tajbin imma wieħed ma jistax jgħid x’se jiġri wara minħabba l-inflazzjoni. Fakkar ukoll li din mhux qed tolqot lill-pajjiżi kollha l-istess. 

Semma r-Renju Unit bħala eżempju, hekk kif dan huwa fost l-aktar milquta mill-inflazzjoni. Qal li familja Ingliża, qed tonfoq bejn €800 u €1,200 fis-sena aktar f'kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dan mingħajr ma wieħed jinkludi l-ikel u neċessitajiet oħra. 

“Aħna f’Malta jiġu ħafna turisti mir-Renju Unit. Jekk familja Ingliża qed tonfoq €1,200 fis-sena fuq kontijiet tal-enerġija u ma’ dawn iżidu l-ikel, dak huwa l-prezz medju li normalment jonfqu biex imorru btala,” kompla jisħaq. “Ovvja li minn dak is-suq, jaf ninnutaw xi nuqqas.” 

Kien għalhekk li Fenech insista li sakemm is-sitwazzjoni tistabbilizza ruħha u jkunu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, diffiċli tagħti stampa ċara ta’ dak li se jiġri wara s-sajf. Kompla jisħaq li hemm ħafna fatturi li jistgħu jaffettwaw in-numru ta’ turisti. Insista, pereżempju, li l-prezz dejjem jiżdied tal-fjuwil, jista’ jkun li jwassal għal żieda fil-prezz tat-titjiriet. 

Temm jisħaq li wara l-pandemija, l-inflazzjoni se tkun it-tieni test għall-ekonomija waqt li appella li kulħadd għandu jaħdem biex is-servizz li joffri ikun wieħed ta’ kwalità biex is-suq Malti jibqa’ jattira lil dawk li se jibqgħu jaffordjaw isiefru. 

It-titjiriet qed jimtlew kollha ... qed nistennew 75% tat-turiżmu li kellna fl-2019 

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA, Tony Zahra, qal li l-industrija qed tistenna li matul dan is-sajf jaslu f’Malta 75% tat-turisti li waslu fis-sena 2019. 

Zahra saħansitra saħaq illi li kieku kien hemm aktar titjiriet disponibbli, il-probabbilità kienet li dan il-persentaġġ kien se jkun akbar.  

“Il-linji tal-ajru ħadu d-deċiżjonijiet tagħhom f’Jannar meta kien hemm ħafna inċertezza minħabba l-pandemija. Illum l-affarijiet huma aktar ċari,” kompla Zahra.  

Fil-fatt, fi kliemu, is-seats disponibbli qed jimtlew kollha u fakkar li x-xogħol beda jiżdied minn Marzu. Kompla jgħid kif f’April u anke matul dan ix-xahar l-ajruplani li qed jaslu qed ikunu mimlija. 

Saħaq li l-akbar sfida għas-settur tal-ospitalità tibqa’ n-nuqqas ta’ ħaddiema u insista li din mhijiex biss sfida ta’ Malta imma tal-pajjiżi kollha. 

Insista li fi żmien meta dan is-settur kien wieqaf, ħafna ħaddiema sabu xogħlijiet oħra u issa diffiċli biex jerġgħu lura. 

“Fi żmien ħames xhur oħra, sakemm ma jinqala’ xejn, anke din l-isfida tkun solvuta. Imma l-isfida kienet u għadha kbira,” insista Zahra. 

Mistoqsi jekk jaħsibx li din l-isfida ġejja mill-fatt li l-pagi fis-settur huma baxxi, Zahra saħaq illi li kieku dan kien minnu, il-problema kienet tkun f’Malta biss. Saħaq li għadu kemm attenda għal konferenza fi Praga li ġabet 28 pajjiż flimkien u kulħadd tkellem fuq l-istess problema. 

Mistoqsi dwar l-inflazzjoni, Zahra qal li din se tkun qed tweġġa’ l-bwiet ta’ bosta konsumaturi. 

“Jista’ jkun li fix-xitwa jonqsu l-flus fl-idejn u dan iħossuh in-negozju u l-lukandi,” temm jisħaq Zahra. “Is-sajf żgur li se jkun tajjeb sakemm ma jinqala’ xejn.” 

More in Socjali