BirdLife Malta tħeġġeġ lil Robert Abela biex jissospendi l-emendi fil-liġi tal-bird ringing

'Għandha ssir diskussjoni sejra biex ikun evitat li Malta terġa' tiffaċċja sitwazzjoni imbarazzanti tal-Kummissjoni Ewropea'

L-għaqda mhux governattiva (NGO) BirdLife Malta qed tħeġġeġ lill-Prim Ministru Robert Abela biex jintervjeni u jirrevedi bidla li qed tiġi proposta fil-liġi u li tista' tipperikola l-istudji xjentifiċi dwar l-għasafar. BirdLife Malta temmen li Abela qed jiġi żgwidat u mogħti informazzjoni żbaljata fil-każ tal-aktar proposti riċenti fuq il-bird ringing. 

Il-bidla - li qed titpoġġa fuq l-aġenda ta' laqgħa tal-Kumitat ORNIS - mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) tissuġġerixxi li għandu jkun hemm skemi oħra tal-bird ringing f’Malta li ma jkunux affiljati mal-EURING, li hija skema Ewropea ta’ reputazzjoni. Il-EURING hija netwerk b’saħħtu u kredibbli mifrux mal-Ewropa li jilqa’ fih skemi tar-ringing b’valur xjentifiku biex ikun żgurat li l-istudji xjentifiċi dwar l-għasafar, speċjalment dawk relatati mal-passa tal-għasafar, ikunu ta’ livell għoli u l-iskemi kollha jikkoperaw bejniethom. F’Malta l-liġi tgħid li l-iskemi tar-ringing li jingħataw il-liċenzja jistgħu jkunu biss dawk affiljati mal-EURING. L-Iskema tar-Ringing ta’ BirdLife Malta hija affiljata mal-EURING u twaqqfet f’nofs is-sittinijiet.

"Il-Prim Ministru għandu japprezza li bil-ħolqien ta’ skemi oħra mhux se tkun qed tibbenefika x-xjenza u dan se joħloq il-possibbiltà ta’ abbuż mill-għasafar stess, speċjalment minn terzi li għandhom kull interess li jippromwovu xjenza fażulla. Wara bidliet fil-liġi li saru aktar kmieni, il-kaċċaturi u n-nassaba issa jistgħu jsiru wkoll bird ringers liċenzjati wara li jingħataw it-taħriġ neċessarju," qalet il-BirdLife. 

B'hekk din l-għaqda temmet tgħid li fid-dawl ta' dan kollu qed tħeġġeġ lil Abela biex jissospendi l-emendi li qed jiġu proposti għal-liġi sakemm issir diskussjoni serja mal-imsieħba involuti kollha biex b'hekk jiġi evitat li "Malta terġa' tiffaċċja sitwazzjoni imbarazzani mal-Kummissjoni Ewropea b'rabta mat-trasparenza." 

More in Socjali