‘Ma, int l-aqwa omm; Tħalli lil ħadd jikkonvinċik mod ieħor!’

Minn ċajt dwar minn hu żbukkat għal pariri fuq il-ħajja. L-ILLUM titkellem ma’ Carina Camilleri, Anna Dimech u Eileen Montesin… tliet ommijiet ikoniċi ta’ tliet personalitajiet ikoniċi  

Jum l-Omm wasal ukoll u f’dan il-jum partikolari nfakkru s-sagrifiċċji kollha li għamlu l-ommijiet - kemm dawk bijoloġiċi jew le - biex irabbu lil uliedhom b’imħabba u għożża. Illum infakkru wkoll dawk lil dawk l-ommijiet li tilfu lil uliedhom, lill-ulied li tilfu lil ommhom, lil dawk li qatt ma kellhom l-opportunità li jkunu ommijiet u dawk il-persuni kollha li m’humiex ommijiet iżda kellhom l-istess irwol.  

Għal din l-edizzjoni, il-gazzetta l-ILLUM tkellmet ma’ tliet ommijiet u tliet personalitajiet Maltin li ma għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni. Dawn ma huma ħadd ħlief; Ben Camille u ommu Carina, Danita Camilleri u ommha Anna Dimech u Christine Haber u ommha Eileen Montesin.  

L-ILLUM staqsiet lil dawn l-ommijiet u l-personalitajiet ħames mistoqsijiet fuq it-trobbija u t-tfulija, x’jammiraw f’xulxin, fuq xiex jaqblu l-aktar u fuq xiex ma jaqblu assolutament xejn u fuq kollox x’parir jagħtu lil xulxin.  

Element li ħareġ sew mit-tweġibiet kollha kien dak tal-imħabba. Minkejja li l-ommijet u uliedhom ma rawx it-tweġibiet ta’ xulxin qablu f’ħafna affarjiet u fihom ma naqasx iċ-ċajt, il-botti u li jaqbdu ma’ xulxin.  

Ben ta' età żgħira
Ben ta' età żgħira

‘Ma ommi dejjem ħassejtni komdu nagħmel dak li xtaqt’ 

Ben jistqarr mal-gazzetta li l-aktar ħaġa memorabbli għalih fi tfulitu hi li ommu dejjem ħallietu liberu li jagħmel dak li jixtieq. Jgħid li ommu qatt ma kienet tradizzjonali fil-mod ta’ kif kienet trabbi lilu u lil ħuh, Dale.  

“Qatt ma kont inħossni skomdu nkellimha. Meta kien ikolli xi problema, dejjem konna nsolvuha flimkien. Għadni sa issa niftaħ qalbi magħha u għandna relazzjoni onesta ħafna,” qal il-preżentatur.  

Carina tirrakkonta li meta kien għadu żgħir, Ben li ħafna jafuh bħala preżentatur u attur, kien mistħi ħafna u meta kien ikollu xi kunċert l-iskola kienet tkun sfida kbira għalih. Hija tgħid ukoll li ta’ età żgħira kien diġà jidher li se jaqbad linja ta’ intraprenditur u “kien plejer tal-futbol brillanti”.  

Ma tantx naqblu fuq ħafna affarjiet!’  

It-tnejn qablu li l-aktar ħaġa li jħobbu jagħmlu flimkien huwa li jqattgħu ħafna ħin flimkien. Carina tgħid li l-aktar għal qalbha huwa meta jmorru xi btala flimkien ma’ Dale. Filwaqt li Ben jgħid li l-għena tiegħu jara lil ommu ma’ uliedu Elle u George. “Iħobbuha ħafna!” kompla Camille. 

“Ma tantx naqblu fuq ħafna affarjiet” qal Ben. Huwa kompla jgħid li t-tnejn iħobbu l-isport u li kważi kważi, ommu tħobb il-futbol aktar minnu. Stqarr li l-akbar passjoni li jaqsam ma’ ommu hija l-imħabba għall-arti u l-industrija tad-divertiment.  

Mistoqsija x’inhi l-iktar ħaġa li jammiraw f’xulxin, Ben irrefera għall-fatt li ommu hija mara onesta u realistika u li n-nies jirrispettawha proprju fuq hekk.   

“Mhux dejjem naqbel magħha, speċjalment meta tkun wisq diretta man-nies. Iżda dejjem immur għand ommi meta nkun irrid opinjoni onesta. Kemm jekk tkun fuq xi ħaġa sempliċi fuq id-dehra tiegħi jew inkella fuq xi deċiżjoni importanti fuq negozju,” qal Ben.  

Min-naħa l-oħra Carina tgħid li tammira ħafna lil binha fuq kif jirnexxielu jlaħħaq mal-ħajja miżżewġa, il-karriera u li jqatta’ ħin ma wliedu.  

‘Igdem ilsienek darba kultant’  

Ben jgħid lill-ommu biex tinkwieta inqas u biex tqatta’ aktar ħin man-neputijiet u tgħix ħajjitha bl-aħjar mod possibli “u igdem ilsienek darba kultant”.  

Dan filwaqt li Carina tgħidlu biex jieħu l-ħajja aktar bil-mod u jaħdem ftit inqas. 

Danita ta' età żgħira
Danita ta' età żgħira

‘Ommi taffaċċja kull sitwazzjoni bi tbissima’ 

In-nies iltaqgħu għall-ewwel darba ma’ Danita Camilleri fuq Instagram. Hija ta’ kuljum taqsam ħajjitha mas-segwaċi tagħha li llum ilaħqu madwar 40,000.  

Parti mill-ħajja tagħha tinkludi r-relazzjoni ħelwa li għandha mar-raġel tagħha Andrew, binha Lenny u ommha Anna. Camilleri tgħid li l-aktar ħaġa memorabbli fit-tfulija tagħha hija kemm ommha kienet preżenti u lagħbet magħha, “kienet tilgħab magħna bil-ballun, tiġri magħna bir-rollerblades u anke kuntrunbajsi mal-bieb tal-garaxx tad-dar konna nagħmlu, jien, ommi u ħija”.  

“Sa sentejn ilu kont ngħidlek li l-aktar ħaġa li nieħdu gost nagħmlu flimkien kienet li noħroġu nixorbu u niżfnu xi żifna. Issa li għandna lil Lenny qatt ma morna mkien mingħajru,” qalet Camilleri. Lenny, l-uniku wild ta’ Danita, twieled f’Jannar tal-2020 u seraq ħafna qlub tas-segwaċi ta’ Camilleri bil-karattru ferrieħi tiegħu.  

Hija kompliet tispjega li ommha hija persuna li tara kollox minn lenti pożittiva u li taffaċċja kull sitwazzjoni bi tbissima.  

“Is-smigħ tagħha dejjem sejjer lura. Li kieku nista’ ntiha parir ikun li trid taħseb għall-futur. Jiena dejjem ngħidilha biex immorru nitgħallmu l-lingwa tas-sinjali għax ma tafx fiex tista’ tiġi bżonn iżda hi dejjem tgħidli “issa naraw.” Imbagħad ikun tard wisq,” qalet Camilleri.  

Intant Dimech tgħid li hija kemmxejn differenti minn bintha hekk kif hi “kelma tgħidilek” iżda hi tgħid li f’ħajjitha dejjem żammet fiha nnifisha għax hija mistħija ħafna. Tant hu hekk li tgħid li ġieli jkollhom xi jgħidu fuq hekk.   

‘Kburija ħafna biha’ 

Dimech qalet li bintha għandha karattru sinċier, “ħobbha jew għobodha, hekk hi.”  Kompliet tgħid li hi ma tipprova tinħabb ma’ ħadd u li waslet fejn waslet frott tal-karattru simpatiku tagħha u li hi kburija ħafna biha. 

Fl-aħħar l-omm tgħid li kieku jkollha tagħti parir lil bintha, hi li tkompli trabbi lil binha kif qiegħda tagħmel issa, “u tagħmel ieħor u ma ddumx.”  

Christine ta' età żgħira
Christine ta' età żgħira

‘Naqblu f’kollox u ma naqblu f’xejn’  

Wieħed jista’ jgħid li Eileen Montesin hija ikona Maltija u llum il-ġurnata nanna ta’ żewġt ibniet, Nina u Stella. L-istess bintha Christine Haber li matul is-snin rajnihom flimkien f’xi programm jew sensiela fuq it-televiżjoni.  

L-ILLUM tkellmet ma’ Haber u qalet li waħda mill-aktar affarjiet li se tibqa’ tiftakar hija li ommha dejjem ħaditha magħha kull fejn tmur. Hija tgħid li minkejja li ommha ta’ spiss kienet tkun impenjata, qatt ma ċaħditha minn xejn. Hija rrimarkat li r-relazzjoni tagħhom tmur lil hinn minn dik ta’ omm u bint iżda huma l-aqwa ħbieb “u għalhekk inħobbu nagħmlu ħafna affarjiet flimkien. Sew jekk nippjanaw xi ħaġa tax-xogħol jew naraw xi film jew nippjanaw xi btala.”  

Montesin ukoll aċċennat għall-avventuri tagħhom waqt xi btala u qalet li waħda mill-aktar affarjiet li tammira f’bintha hi li dejjem kienet tkun b’xi ktieb f’idejha jew inkella tistudja, “anke jekk inkunu qegħdin filming jew fuq xi ajruplan sejrin fuq btala.”  

L-ILLUM staqsiethom ukoll fuq xiex jaqblu l-aktar. Hawn Haber qalet li hi u ommha jaqblu fuq kollox u fl-istess ħin ma jaqblu fuq xejn. Tgħid iżda li fl-aħħar minn l-aħħar dejjem sabu kompromess biex kulħadd ikun kuntent.  

Min-naħa l-oħra, Montesin qalet li “normalment anke jekk ma naqblux fuq xi ħaġa, nibqa’ sakemm inġibha taqbel miegħi.”  

‘Minkejja li ilha fix-xandir dejjem baqgħet saqajha mal-art’ 

Haber tapprezza s-sagrifiċċji kollha li tagħmel ommha biex tagħmel lil kulħadd kuntent u tammira wkoll l-fatt li jirnexxiela tlaħħaq ma’ kollox, minkejja l-impenji kollha tagħha.  

Hija tirrimarka li minkejja li Montesin ilha żmien twil fix-xandir, “dejjem baqgħet saqajha mal-art. Ma, int l-aqwa u tħalli l-ħadd jikkonvinċik mod ieħor.”  

Montesin tiddeskrivi lil bintha bħala mara determinata għall-aħħar u li hija persistenti ħafna u taħdem ħafna għal dak li tkun tixtieq. Hija temmet tgħid li lil bintha tgħidilha li “l-ħajja qasira, tinkwetax ħafna.”  

Intant, it-tim kollu tal-gazzetta ILLUM jieħu din l-okkażjoni biex jawgura lilkom l-ommijiet kollha jum mill-isbaħ. 

More in Socjali