​‘Xejn ma jieħu post it-tieġ Malti;’ Sinjali pożittivi għal tat-tiġijiet imma bosta koppji għadhom jibżgħu jibbukjaw kmieni

Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-swali tat-tiġijiet, l-organizzaturi u dawk involuti fil-catering dwar l-andament tax-xogħol hekk kif ir-restrizzjonijiet jonqsu u jaslu l-aktar xhur popolari għat-tiġijiet 

Ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 naqsu u l-ħajja tista’ tgħid li reġgħet irritornat għan-normal. Fost l-aktar avvenimenti li ġew milquta ħażin mill-pandemija kien hemm it-tiġijiet, b’għadd ta’ koppji jkollhom jipposponu għal darba tnejn id-data tal-aktar jum speċjali u importanti għalihom. 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi persuni li huma involuti b’xi mod jew ieħor fit-tiġijiet u staqsiethom kif inhu x-xogħol issa li r-restrizzjonijiet naqsu u waslu l-aktar tliet xhur popolari għat-tiġijiet. 

Anke jekk ix-xogħol qed jiżdied bilmod, jidher li l-affarijiet qed jidhru pożittivi bl-organizzaturi, is-sidien tas-swali u anke dawk fil-catering jisħqu mal-gazzetta ILLUM li x-xogħol qed jiċċaqlaq u l-interess qed jikber.  

Madanakollu jibqa’ l-fatt li ħafna koppji għadhom xettiċi dwar kemm għandhom jippjanaw fit-tul u għalhekk qed jagħżlu li jistennew, ma jissugrawx u jibbukjaw biss ftit xhur qabel. 

‘Mhux talli qed isiru t-tiġijiet, talli qed isiru akbar’ 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Jurgen Briffa, organizzatur tat-tiġijiet (minn The Wedding Organisers by Jurgen Briffa) li insista li mhux talli t-tiġijiet reġgħu bdew, talli saħansitra qed isiru “aktar extravaganti.” 

Saħaq li kien hemm koppji li kienu ilhom mill-2020 jipposponu t-tieġ u f’dawn is-sentejn laħqu fadlu aktar flus u allura ddeċidew li jżidu xi affarijiet. 

“Kien hemm minn f’sentejn għamel ħbieb ġodda u allura, għalkemm kienu ppjanati li se jistiednu 300 ruħ, issa stiednu aktar nies,” kompla jispjega. 

Anke jekk saħaq li kien hemm xi ftit oħra li naqqsu l-affarijiet, forsi għax fl-agħar tal-pandemija naqsilhom id-dħul jew saħanistra laħaq kellhom it-tfal u żdidulhom l-ispejjeż, il-maġġoranza żammew it-tieġ kif kienu ppjanawh jew komplew ikabbruh. 
“Morna aħjar u jidher li ż-żmien li ġej se jkun pożittiv ħafna,” insista Briffa. 

Kompla jispjega wkoll kif issa reġgħu bdew jiżdiedu dawk il-koppji li jċemplu biex jiltaqgħu magħhom u jippjanaw it-tieġ, xi ħaġa li kienet naqqset ħafna fl-aħħar xhur. 

“Innutajt ukoll li fejn qabel koppja kienet taħseb minn sentejn jew tliet snin qabel it-tieġ, issa qed ikun hemm koppji li jċemplulna u jgħidulna li se jiżżewġu tliet xhur oħra. Ikollok tliet xhur li taħseb li se tkun nieqes mix-xogħol u mbagħad f’xahar tfur,” kompla jgħid. 

Mistoqsi jekk innutax xi affarijiet li saru aktar moda miż-żmien ta’ qabel il-pandemija, Jurgen Briffa spjega kif il-koppji qed jagħtu aktar prijorità lid-dekorazzjonijiet. 

Fakkar kif f’Malta s-swali tat-tiġijiet huma limitati u allura ħafna koppji qed jagħmlu użu minn kumpaniji li jieħdu ħsieb jarmawlek u jiddekoraw is-sala biex tingħata dehra kompletament ġdida. 

‘In-nies iridu joħorġu, jiddevertu u jmorru t-tiġijiet’ 

Tkellimna wkoll ma’ Edward D’Alessandro, minn Castello dei Baroni, waħda mis-swali l-aktar popolari għat-tiġijiet. 

Mistoqsi dwar l-andament, D’Alessandro saħaq li x-xogħol għadu ma qabadx daqs iż-żmien ta’ qabel feġġet il-pandemija imma hekk kif issa r-restrizzjonijiet se jispiċċaw kompletament, qed jistennew li x-xogħol jaqbad ritmu tajjeb. 

Fil-fatt, D’Alessandro saħaq li diġà hemm sinjali pożittivi hekk kif koppji reġgħu qed imorru, jistaqsu u anke jitolbu li jżuru s-sala biex jarawha. 

“Għadna mhux normali imma mexjin lejn dik id-direzzjoni. Il-koppji reġgħu bdew jorganizzaw it-tiġijiet,” insista. 

Fakkar li ħafna koppji ilhom xhur jipposponu t-tieġ u allura qed jittamaw li issa dawn l-istess koppji jfasslu d-data definittiva. 

“In-nies issa jridu joħorġu, iridu jiddevertu u jridu jmorru t-tiġijiet,” saħaq D’Alessandro. 

Fil-fatt qiegħed jistenna li x-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju, l-aktar xhur popolari għat-tiġijiet, ikunu tajbin ħafna. 

Appella biss biex fl-organizzazzjoni kulħadd ikun responsabbli xorta waħda, mhux biss il-koppji imma anke s-sidien tas-swali u l-organizzaturi. 

‘Ħafna qed jibbukjaw ftit xhur qabel ... għadhom jibżgħu jibbukjaw minn kmieni’ 

Jake Debono minn Villa Arrigo, sala oħra popolari mat-tiġijiet, saħaq mal-gazzetta ILLUM li l-bidu għadu xi ftit jew wisq kwiet anke għax ħafna koppji mhux jippjanaw minn qabel. 

Fil-fatt saħaq li ħafna koppji għadhom xettiċi dwar jekk għandhomx jiffissaw data definittiva. Fi kliemu, bħalissa qed imorru koppji li qed jibbukjaw għal Ottubru u Diċembru li ġej. 

Dakinhar stess li l-ILLUM tkellmet ma’ Debono, koppja kienet għadha kemm ibbukjat tieġ għal 500 ruħ f’Diċembru. 

“Kieku bħal dan iż-żmien diġà nkunu mifqugħa bookings għas-sena d-dieħla. Din id-darba mhux hekk. Il-koppji għadhom xettiċi biex jibbukjaw minn kmieni,” insista. 

Dwar ix-xogħol f’dawn it-tliet xhur li ġejjin, Debono fakkar li hemm ħafna tiġijiet li ġew pospoti u issa qed jaqa’ x-xogħol kollu f’salt. Fil-fatt, insista li anke jekk dawn ix-xhur jidhru impenjattivi, dawn huma tiġijiet li suppost saru fl-aħħar sentejn u ġew posposti u mhux xogħol ġdid. 

Minkejja dan, jidher li ftit ftit l-interess qed jiżdied u diversi koppji reġgħu bdew jitolbu li jmorru jżuru s-sala. 

Madanakollu Debono tenna li hemm koppji li għadhom xettiċi dwar id-deposits, għax għadhom jibżgħu joħorġu flus minn qabel u issa, apparti l-pandemija, qed isemmu wkoll il-gwerra fl-Ukrajna. 

“Sar hemm aktar sfida biex nagħlqu u ninnegozjaw ftehim mal-koppji. Ħafna mhux jissograw,” temm jispjega Debono. 

‘Qed ikollna bejn żewġ u tliet tiġijiet fil-ġimgħa’ 

Id-Direttur Maniġerjali ta’ Dolceria Primavera, Tiziano Cassar ukoll ikkonferma li x-xogħol tagħhom qabad ritmu tajjeb tant li fi kliemu, it-tiġijiet għaddejin qisu qatt ma kien hawn pandemija. 

Insista li tant kemm kien hemm koppji li kellhom jipposponu t-tiġijiet, li issa kollha qed isiru ġo xulxin u dan jikkonfermawh miegħu wkoll anke mużiċisti, organizzaturi u persuni oħra li bħalu qegħdin fis-settur tal-catering. 

Fil-fatt, Cassar saħaq li bħalissa qed ikollhom medja ta’ żewġ jew tliet tiġijiet fil-ġimgħa. Mistoqsi kif jikkumpara maż-żmien ta’ qabel il-pandemija, Cassar saħaq li qabel it-tiġijiet kienu jkunu aktar mifruxa, anke jekk imbagħad kien ikun hemm dawk ix-xahrejn li jkunu aktar impenjattivi. 

Insista li x-xhur li ġejjin mistennija jkunu tajba ħafna u jekk is-soltu l-pik ikun bejn Mejju u Lulju, jidher li din is-sena anke x-xhur ta’ wara, sa Ottubru se jkunu tajba. Qal li Novembru dejjem ikun xi ftit aktar kwiet iżda reġgħu saru moda t-tiġijiet viċin il-Milied. 

“Kellna ħafna tiġijiet b’lura. Ħafna ffissaw id-data għal din is-sena u dawn issa se jsiru. Nittamaw biss li ma jinqala’ xejn u li issa ma tolqotnix xi gwerra,” kompla jisħaq. 

Mistoqsi jekk kienx hemm ħafna koppji li ħassru t-tieġ, Cassar insista li mhux kulħadd l-istess. Fi kliemu kien hemm koppji li ċaqilqu d-data tliet darbiet u li fl-aħħar qatgħu qalbhom u ddeċidew li jiżżewġu biss bil-Knisja u ma jagħmlu xejn aktar. Semma, fost oħrajn każ sfortunat ta’ koppja li biddlet id-data tliet darbiet u qatgħu qalbhom kompletament meta fl-aħħar data li fasslu, saret l-elezzjoni. 

Insista li kien hemm oħrajn li baqgħu jipposponu u mbagħad iddeċidew li jagħmlu xi ħaġa fuq skala iżgħar. Oħrajn kellhom inaqqsu n-nies bla ma jridu anke għax meta t-tiġijiet kienu qed isiru bilqiegħda, żdidulhom ħafna l-ispejjeż, għax kien hemm bżonn aktar waiters u anke kellhom jikru l-imwejjed u s-siġġijiet. 

Madanakollu kien hemm ukoll min baqa’ jġedded u issa se jkun qed jagħmel it-tieġ u saħansitra żied in-nies. 

“In-nies qed jiċċaqilqu. Issa reġgħu qed jistaqsu għat-tiġijiet u anke jistaqsu jekk għandnix xi items ġodda,” kompla Cassar. 

Temm jisħaq li xejn ma jieħu post it-tieġ kif jafuh il-Maltin. 

“Xejn ma jieħu post it-tieġ Malti. Il-Malti jrid tieġ bilwieqfa fejn kulħadd jiekol, jixrob u jiżfejn u jiddeverti. Jidher li issa qbadna t-triq lejn in-normalità,” temm jgħid Cassar. 

Jirritornaw ukoll b’saħħithom it-tiġijiet minn koppji barranin 

Iżda mhux it-tiġijiet tal-Maltin biss qed jirritornaw u dan ikkonfermatu mal-gazzetta ILLUM Patricia Falzon minn Perfect Weddings Malta kumpanija li torganizza tiġijiet ta’ ħafna koppji barranin li jagħżlu lil Malta għat-tieġ tagħhom. 

Falzon saħqet li l-affarijiet jidhru pożittivi ħafna wara sentejn diffiċli mmens. Fil-fatt, qabel il-pandemija, Perfect Weddings kienu jorganizzaw u jippjanaw madwar 25 tieġ iżda fl-2020 kellhom biss tieġ wieħed f’Ottubru u fl-2021 kellhom biss tmien tiġijiet. 

Din is-sena, hekk kif ir-restrizzjonijiet komplew jonqsu u issa se jispiċċaw tista’ tgħid għal kollox, għandhom xhur impenjattivi mmens. Sa Ottubru se jkunu organizzaw aktar minn 25 tieġ ta’ barranin li għażlu lil Malta għal din il-ġurnata speċjali u għandhom ukoll oħrajn ikkonfermati għas-sena li għaddiet. 

Falzon spjegat kif f’Mejju għandhom xejn inqas minn ħames tiġijiet ta’ barranin u wieħed minnhom se jkun jinkludi 150 persuna.  

Fil-fatt, Patricia Falzon insistiet li dan huwa settur li għandu jingħata aktar importanza u attenzjoni.  

“Dawn jiġu biex jieħdu gost. Jiġu fuq btala, se joqogħdu fil-lukandi u se jonfqu l-flus,” insistiet Falzon waqt li spjegat li l-koppji jiġu minn kull rokna tad-dinja u mhux mill-Ewropa biss.  

Kompliet tisħaq li jkollhom ħafna talbiet minn koppji Indjani, li jgħixu fir-Renju Unit biex jiżżewġu f’Malta u dawn biss ikunu mqassma fuq tlett ijiem u allura joħolqu ħafna kummerċ. 

Insistiet li jkun hemm koppji oħra barranin li jagħżlu li jorganizzaw iċ-ċelebrazzjonijiet tat-tieġ tagħhom fuq tlett ijiem ukoll 

Apparti minn hekk, dawn it-tiġijiet iservu ta’ riklam għal Malta. Fil-fatt, apparti tiġijiet, Falzon se tkun qed torganizza wkoll ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq is-snin, mifruxa fuq tlett ijiem. Il-klijenta hija mara li xi snin ilu kienet mistiedna tieġ f’Malta u issa għażlet lil Malta biex tiċċelebra għeluq snina. 

Mistoqsija jekk ir-restrizzjonijiet marbuta mal-ivjaġġar telfuhomx, Falzon wieġbet fil-pożittiv. Fil-fatt, saħqet li kellhom tieġ fit-2 ta’ Mejju li kellu jitħassar għax ħafna mill-mistiedna li kienu ġejjin Malta ma kinux ħadu l-vaċċin. 

More in Socjali