In-nefqa tal-Gvern fuq il-benefiċċji soċjali fl-2021 żdiedet b'€38.3 miljun f'sena

Intant fi żmien sena n-nefqa tal-pensjonijiet żdiedet b'€43.1 miljun

Skont ċifri maħruġin milll-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika (NSO), fl-2021, il-Gvern nefaq €38.3 miljun aktar mis-sena ta' qabel fuq benefiċċji soċjali. Sal-aħħar tas-sena 2021, in-nefqa totali tal-benefiċċji soċjali kienet ta' €1.115 biljun, jiġifieri 3.6% ogħla mis-sena ta' qabel. Ir-raġuni wara din iż-żieda kienet żieda fin-nefqa kontributorja li b'kollox laħqet it-total ta' €914.2 miljun, jiġifieri żieda ta' 4.1% mill-2020. Dawn il-benefiċċji jinkludu pensjonijiet ta' rtirar u għaż-żewġ terzi, pensjonijiet għar-romol u benefiċċji għall-korrimenti industrijali fost oħrajn. 

L-aktar żidiet notevoli fil-benefiċċji kontributorji kienu fil-pensjonijiet tal-irtirar b'żieda ta' €43.1 miljun, segwit mill-pensjoni taż-żewġ terzi. Kien hemm żieda wkoll fil-pensjonijiet tar-romol b'€5.1 miljun u fil-bonus kontributorju b'€2.2 miljun. Minn naħa l-oħra, l-inqas nefqa kienet fuq benefiċċji relatati mal-Covid-19 b'€13.9 miljun, benefiċċji relatati ma' korrimenti industrijali,  ħlas għas-servizz b'nefqa ta' €100,000 u benefiċċji oħra b'nefqa ta' €500,000.

Dwar iż-żieda fil-pensjonijiet, Ii-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, fi stqarrija, qal li ħarsa lura lejn iż-żewġ leġiżlaturi li għaddew turi li f’disa' snin in-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali kibret bi €332 miljun jew b’aktar minn 42%. Huwa fisser li dan it-tkabbir seħħ grazzi għat-titjib qawwi li sar fil-kundizzjonijiet u r-rati ta’ diversi benefiċċji, b’mod partikulari fil-pensjonijiet, u għall-introduzzjoni ta’ benefiċċji ġodda bħal l-In-work Benefit, tat-tapering u tal-bonus għal wild ġdid fil-famija, kif ukoll għar-riformi li saru fil-benefiċċji tal-carers u fl-għajnuniet għal persuni b’diżabilita’.

Minn naħa l-oħra n-nefqa fuq il-benefiċċji mhux kontributorji żdiedu b'1.2% b'nefqa totali ta' €201 miljun. Dawn il-benifiċċji jinkludu children's allowance, allowance ta' pensjonijiet tad-diżabilità, assistenza soċjali, assitenza medika, in-work benefit, child supplementary benefit u bonuses. L-aktar nefqa f'din il-kategorija kienet tal-allowance supplimentari b' €4.2 miljun, fic-children's allowance b'€2.1 miljun, l-In-Work Benefit b'€0.5 miljun u l-Allowance ta' pensjonijiet ta' diżabilità b'€0.4 miljun. 

More in Socjali