Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni nieda t-tieni sejħa tal-iskema “Irrinova Darek”, li tipprovdi għajnuna finanzjarja sa massimu ta’ €15,000 għal residenti li jixtiequ jirrinovaw jew itejbu l-effiċjenza tal-proprjetà residenzjali tagħhom. Din l-iskema kienet introdotta għall-ewwel darba fl-2022 għar-residenti tar-Reġjun tal-Port, u issa se tkun estiża għar-Reġjun tat-Tramuntana.
Il-Ministru Jonathan Attard, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), il-Perit Roderick Bonnici, ħabbru dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li rat ukoll il-parteċipazzjoni ta’ diversi sindki minn lokalitajiet fejn se tkun applikabbli l-iskema. Il-Ministru qal li l-inizjattiva hija bbażata fuq prinċipji ta’ ġustizzja soċjali u li din l-għajnuna għandha tgħin partikolarment lil dawk bi dħul aktar baxx. Hu spjega li dan huwa pass ieħor favur soċjetà aktar ġusta u proprjetajiet ta’ kwalità u effiċjenza ogħla.
Skont l-iskema, persuni singoli li jaqilgħu inqas minn €35,000 fis-sena u koppji li jaqilgħu inqas minn €50,000 jistgħu jirċievu 90% tal-ispejjeż tar-rinovament, filwaqt li dawk b’dħul ogħla se jingħataw 75% tal-ispiża totali, f’kull każ b’massimu ta’ €15,000. Barra minn hekk, min jagħżel li jinstalla Water Heater Pump jista’ jirċievi €1,000 addizzjonali.
L-għotja hija miftuħa mhux biss għas-sidien ta’ proprjetajiet, iżda wkoll għall-inkwilini u organizzazzjonijiet volontarji, sakemm il-proġett jirriżulta f’titjib fl-Energy Performance Certificate (EPC) tal-binja. L-applikazzjonijiet għall-iskema se jkunu miftuħa bejn it-23 ta’ Lulju u l-31 ta’ Awissu 2025 u jistgħu jsiru biss online fuq is-sit uffiċjali tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni: www.bca.gov.mt.
Din is-sena, l-iskema hija limitata għar-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan, in-Naxxar, il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, l-Imtarfa, San Ġwann u San Pawl il-Baħar. Il-Perit Bonnici spjega li dan huwa biss il-bidu, b’għan ċar li fi żmien ħames snin, din l-iskema tkun estiża madwar il-pajjiż kollu, inkluż Għawdex, sabiex kulħadd ikollu l-opportunità li jgħix f’ambjent aktar sostenibbli u responsabbli.