Rekord ġdid hekk kif il-każi ġodda tal-Covid-19 jlaħħqu l-1,300 f'ġurnata waħda biss

Rekord assolut ta' każi ta' Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa - 1,298 każ ġdid u 7,735 każ attiv

Malta rat żieda qawwija ħafna u bla preċedent ta' każi hekk kif f'24 siegħa biss il-każi ġodda tal-Covid-19 telgħu b'1,298 - rekord assolut minn kemm ilha li bdiet il-pandemija lura f'Marzu 2020. Dan filwaqt li kien hemm biss 82 każ ta' persuni li fiequ mill-Covid-19 biex il-każi attivi issa telgħu għal 7,735 każ attiv. 

Dan ifisser illi b'dawn in-numri l-probabbilità hija li dawk li jinsabu fi kwarantina issa jlaħħqu l-eluf kbar u qabżu sew il-5,000 persuna li kienu rrapportati sal-ġimgħa l-oħra, hekk kif apparti dawk li huma pożittivi, jitpoġġew taħt kwarantina nies li jgħixu ma' dawk li jirriżultaw pożittivi u anke kuntatti oħrajn tagħhom. 

Minkejja dawn in-numri rekord, il-każi fl-Isptar baqgħu fl-istess ilmijiet tal-aħħar ġranet, bi 82 persuna l-Isptar u minnhom ħames minn nies biss fl-ITU. Fl-aħħar 24 siegħa ma rriżultat ebda mewt ta' nies li kienu pożittivi għall-Covid-19 u allura n-numru baqa' ta' 476. 

Intant sal-bieraħ kienu b'kollox 198,772 persuna li ħadu d-doża boster. 

Il-ġimgħa l-oħra l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar elenku ta' restrizzjonijiet ġodda - hekk kif irriżultaw l-ewwel każi tal-Omicron f'pajjiżna-  li iżda ħallew l-attivitajiet kollha ppjanati għall-Ewwel tas-sena jsiru, basta dawk li jattendu jkunu kollha bilqiegħda. Minkejja dan numru kbir ta' Djs u organizzaturi privati kkanċellaw l-attivitajiet li kellhom jew fil-każ tal-Aġenzija Kulturali Belt Valletta, dak kollu ppjanat issa se jkun qed jintwera' biss fuq it-televiżjoni. 

Fost il-miżuri kien hemm dik li mis-Sibt li għadda l-ilbies tal-maskra sar obbligatorju barra, kif ukoll li l-istabbilimenti kollha jridu jgħalqu fis-1:00 a.m filwaqt illi mis-17 ta' Jannar li ġej sabiex persuna tkun tista' tidħol f'ristoranti, barijiet, teatri u aktar irid ikollha ċertifikat validu tal-vaċċin, li huwa tliet xhur mit-tieni doża u disa' xhur minn wara d-doża booster. 

Is-sitwazzjoni f'pajjiżna tirrifletti wkoll żidiet fil-każi madwar l-Ewropa kollha u fl-Istati Uniti wkoll, b'restrizzjonijiet ġodda jiddaħlu f'bosta pajjiżi u saħansitra lockdown fl-Awstrija fil-bidu ta' Diċembru u lockdown bħalissa fl-Olanda. Ħafna mill-attivitajiet tal-ewwel tas-sena f'bosta pajjiżi, fosthom il-Ġermanja u Franza ġew ikkanċellati. 

'Il-Gvern għandu jagħti lura flus li ħallsu nies biex jagħmlu testijiet mal-privat għax ma setax isirilhom swab test fil-ħin' - PN

Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal illi Malta kellha tkun aktar preparata minn hekk u sostna li l-kjuwijiet "ta' sigħat sħaħ biex tittieħed it-titqiba tal-booster u dewmien sa erba' ġimgħat biex jittieħed swab test, huma totalment inaċċettabbli."

Il-PN sostna li saret impossibli li taqbad mal-helplines 111 u 145 u qal ukoll li din l-ineffiċjenza tal-Gvern qed tissarraf f’ansjetà u tbatija fil-familji u telf ta’ eluf ta’ dħul fin-negozji, l-ħaddiema u s-self-employed. 

"B’dewmien ta’ ġimgħat biex tieħu swab test wara kuntatt ma’ persuna bil-virus huma bosta li jridu jikkunsidraw li jagħmlu test privat minn buthom li jiġi jiswa sa €140 (PCR)," qal il-PN li temm jgħid illi l-Gvern irid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan u għandu jirrimborsa dawn l-ispejjeż sal-ġurnata fejn jiggarantixxi swab tests fi ftit jiem. 

Minn naħa l-oħra l-PN qal li l-Gvern għandu jikkunsidra kwarantina aktar qasira għal dawk li jirriżultaw fin-negattiv u saħaq li l-Gvern għandu jiffaċilita aktar l-aċċess għal self-testing kits u testing mid-dar li damu ma waslu Malta u għadhom diffiċli li taċċesshom. 

 

More in Socjali