F’dokument li ppubblika bħala reazzjoni għall-iskritt diskussjoni pubblika mnedija mill-Gvern dwar il-possibbiltà li tiddaħħal forma ta’ ewtanasja assistita f’Malta, il-Moviment Nisrani esprima t-tħassib profond tiegħu dwar x’influwenza jista’ jkollha din id-deċiżjoni fuq is-soċjetà Maltija, speċjalment fuq l-aktar persuni vulnerabbli.
“Dak li qed jiġi propost mhuwiex sinjal ta’ progress jew ta’ ċiviltà, iżda l-oppost — ritorn għal żminijiet meta min kien dgħajjef kien meqjus bħala piż,” qal il-Moviment.
Kultura tal-ħajja kontra kultura tal-mewt
Il-Moviment argumenta li s-suwiċidju assistit, anke jekk ippreżentat bħala att ta’ ħniena, hu realment rifless ta’ sfiduċja fis-soċjetà fil-valur tal-ħajja umana — speċjalment meta dik il-ħajja tkun imċekken bit-tbatija, mard jew diżabilità.
Filwaqt li rrikonoxxa li t-tbatija hija reali u qawwija, il-Moviment sostna li għandha tiġi affrontata b’kura u solidarjetà, mhux permezz tat-tmiem intenzjonat tal-ħajja. Huma saħqu li l-introduzzjoni tas-suwiċidju assistit tinħoloq kultura fejn il-mewt issir “għażla prattika” għal min ibati, u l-ħajja titlef il-valur intrinsiku tagħha.
“Huwa sinjal ta’ soċjetà li ma temminx aktar fil-valur tal-persuna meta tkun l-aktar fil-bżonn tagħha,” jargumenta d-dokument.
L-importanza tal-kura palljattiva
Il-Moviment ta’ Kana għamel referenza għall-ħidma ta’ Cicely Saunders, il-fundatriċi tal-moviment modern tal-kura palljattiva, bħala l-mudell li Malta għandha ssegwi. Huma qalu li l-kura palljattiva, li toffri appoġġ fiżiku, emozzjonali, soċjali u spiritwali, tirrispetta d-dinjità tal-persuna sal-aħħar nifs tagħha.
L-organizzazzjoni Nisranija qalet li hija r-responsabbiltà tas-soċjetà li tagħmel l-investiment meħtieġ fil-kura palljattiva u tappoġġja lill-familji tal-morda, mhux toffri t-tmiem tal-ħajja bħala għażla ‘orħos’ u ‘aktar konvenjenti’.
“Il-persuna vulnerabbli teħtieġ mħabba, mhux abbandun”
Il-Moviment enfasizza li ħafna drabi, min jinsab f’mumenti ta’ tbatija qawwija jista’ jiġi mbuttat lejn għażliet irriversibbli minħabba nuqqas ta’ tama u appoġġ. Huma qalu li l-vera test tas-soċjetà hu jekk hix kapaċi tħaddan u tappoġġja lill-persuni meta jkunu l-aktar vulnerabbli — mhux tgħidilhom li ħajjithom m’għadhiex ta’ siwi.
Il-konklużjoni tad-dokument tiddeskrivi s-suwiċidju assistit bħala “kontradizzjoni għall-missjoni ta’ mħabba u għożża tal-ħajja li Ġesù wriena”, u sejjaħ lill-pajjiż jikkonferma l-impenji tiegħu lejn kultura tal-ħajja, mhux tal-mewt.