Membri tal-Parlament Ewropew semgħu kif kumpaniji tal-energy drinks qed jimmiraw b’mod dirett lit-tfal fir-reklamar tagħhom, minkejja r-riskji għas-saħħa li dawn il-prodotti jġorru magħhom speċjalment fost iż-żgħażagħ. Esperti indirizzaw lill-Kumitat ENVI dwar l-effetti negattivi ta’ dawn ix-xarbiet u dwar kampanji ta’ marketing aggressivi li qed jintużaw biex jattiraw pubbliku vulnerabbli.
Dr Rebekka Siegmann mill-NGO Foodwatch spjegat kif Red Bull u marki oħra qed jisponsorjaw esports u influwencers segwiti mit-tfal, filwaqt li huma preżenti wkoll fid-dinja sportiva permezz ta’ sponsors ta’ klabbs u avvenimenti u billi jagħmlu atleti minuri ambaxxaturi tal-marka. Siegmann talbet lill-MEPs jaħdmu biex jitqiegħdu restrizzjonijiet fuq il-bejgħ tal-energy drinks lil minuri taħt it-18-il sena.
Matul is-seduta ntqal ukoll li l-energy drinks jistgħu jikkawżaw ebusija fl-arterji, pressjoni għolja u palpitazzjonijiet tal-qalb. Fost it-tfal, ġew irrappurtati problemi ta’ konċentrazzjoni fl-iskejjel wara konsum għoli ta’ caffeine, kif ukoll nuqqas ta’ rqad, uġigħ ta’ ras u ansjetà. Dawn l-effetti qed iqajmu tħassib serju dwar il-fatt li l-konsum fost it-tfal u ż-żgħażagħ qiegħed dejjem jiżdied.
L-MEP Malti Peter Agius qal li bħala ġenitur huwa diffiċli ħafna jirregola l-konsum ta’ dawn il-prodotti peress li jinsabu kullimkien fis-suq. Huwa wissa li “qed inrabbu ġenerazzjoni fejn li tkun għajjien m’għadux aċċettabbli,” filwaqt li f’kummenti ulterjuri sostna li l-evidenza xjentifika llum hija ċara: il-konsum ta’ energy drinks jista’ jagħmel ħsara lit-tfal.
Anki f’Malta il-konsum huwa mifrux sew. Studju tal-2023 minn Jekaterina Poluektova sab li 73.9% tal-istudenti tal-Università ta’ Malta jikkunsmaw energy drinks, biż-żgħażagħ jibdew jużawhom f’età medja ta’ 14-il sena, u madwar 20% jikkunsmawhom kuljum. Din ir-realtà lokali tpoġġi pressjoni akbar fuq il-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni.