L-Unjoni Ewropea laħqet ftehim politiku importanti dwar riforma estensiva fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, hekk kif intemmu n-negozjati tat-trilogu fuq id-Direttiva l-Ġdida dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni.
Il-ftehim proviżorju jintroduċi għadd ta’ regoli vinkolanti madwar l-UE kollha, fosthom definizzjonijiet komuni għal reati ta’ korruzzjoni, perjodi minimi ta’ preskrizzjoni u standards konġunti għall-pieni massimi. Din hija l-ewwel darba li l-blokk se jkollu qafas uniformi li jobbliga lill-Istati Membri jadottaw liġijiet infurzabbli kontra l-għoti ta’ tixħim, l-abbuż ta’ uffiċċju, l-użu ħażin ta’ fondi pubbliċi, il-kummerċ fil-influwenza, l-ostakolar tal-ġustizzja u reati relatati oħra.
Id-direttiva se tobbliga wkoll lill-gvernijiet jadottaw strateġiji nazzjonali kontra l-korruzzjoni u jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju f’oqsma speċifiċi. Se jiddaħħlu regoli aktar stretti għall-uffiċjali pubbliċi f’karigi għoljin, kif ukoll miżuri preventivi oħra bħall-aċċess imsaħħaħ għall-informazzjoni ta’ interess pubbliku u sanzjonijiet mhux kriminali kontra persuni u kumpaniji kkundannati għal korruzzjoni.
Fil-livell istituzzjonali, l-Istati Membri jkollhom joħolqu korpi indipendenti u b’riżorsi adegwati biex jipprevjenu u jinvestigaw il-korruzzjoni. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet tal-UE se jsaħħu l-monitoraġġ u l-ġbir tad-data li jgħinu fir-rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt.
Il-qafas il-ġdid għandu l-għan li jagħlaq il-lakuni fl-infurzar li għal snin twal wasslu għal nuqqas ta’ konsistenza fil-prosekuzzjoni tar-reati ta’ korruzzjoni bejn pajjiż u ieħor.
L-MEP Malti David Casa kien in-negozjatur ewlieni tal-Partit Popolari Ewropew fuq il-pakkett. Huwa ddeskriva l-ftehim bħala pass storiku biex tingħeleb il-korruzzjoni fl-Ewropa.
“Din hija l-akbar pakkett ta’ anti-korruzzjoni sal-lum fil-livell tal-UE,” qal Casa. “Id-direttiva tissaħħaħ il-għodda tal-Unjoni u ssaħħaħ l-impenn tal-Istati Membri li jiġġieldu l-korruzzjoni fid-dar u tul il-fruntieri.”
Casa żied li dan il-qafas ġdid jasal fi żmien kruċjali, wara skandli riċenti u talba dejjem tikber għat-trasparenza u l-kontabbiltà.
“Nuqqas ta’ azzjoni jew ritorn lura fuq miżuri kontra l-korruzzjoni mhux aċċettabbli. Din id-direttiva tiżgura li ħadd ma jkun ’il fuq mil-liġi,” sostna l-MEP Malti, filwaqt li enfasizza r-rwol ta’ monitoraġġ tal-UE u l-ħtieġa li l-korpi investigattivi jkunu indipendenti u b’riżorsi adegwati.
Id-direttiva issa se tgħaddi għall-finalizzazzjoni legali qabel ma tiġi ssottomessa għall-vot formali fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Wara l-adozzjoni, l-Istati Membri jkollhom perjodu fiss biex jittrasponu r-regoli ġodda fil-liġi nazzjonali tagħhom.