Il-maskri jerġgħu jsiru obbligatorji fuq barra mis-Sibt... imma ebda restrizzjonijiet oħrajn għalissa

Hekk kif l-Ewropa tesperjenza numri kbar ta' każi minħabba l-Omicron, Fearne jgħid li għalkemm qed isiru restrizzjonijiet biex jittardja d-dħul tal-varjant f'Malta dan eventwalment se jseħħ

Il-maskri fuq barra se jerġgħu jsiru obbligatorji minn nhar is-Sibt li ġej, li hija l-ewwel restrizzjoni li se tkun qed tidħol mill-ġdid wara xhur illi matulhom ir-restrizzjonijiet tnaqqsu kif ukoll hekk kif dversi pajjiżi fl-Ewropa qed jaraw in-numru ta' każi tal-Omicron jiżdiedu sew. 

Ara hawn x'inhi s-sitwazzjoni tal-varjant Omicron madwar l-Ewropa bil-Ġermanja saħansitra tirresiġistra madwar 79,000 każ ġdid f'jum wieħed biss u pajjiżi bħall-Awstrija u l-Olanda jmorru għal lockdown, anke jekk fil-każ ta' dan tal-aħħar huwa wieħed parzjali bil-bars u anke r-ristoranti Olandiżi kostretti jagħlqu fil-5:00pm u ma jkunux jistgħu jerġgħu jiftħu qabel il-5am. Fl-Italja mis-6 ta’ Diċembru se jidħol fis-seħħ dak li qed jissejjaħ bħala Super Green Pass. Bażikament se jkunu dawk li huma mlaqqma kompletament biss, jew li fiequ mill-Covid-19, li se jkunu jistgħu jidħlu fir-ristoranti u fil-bars, imorru ċ-ċinema, it-teatru, stabbilimenti tad-divertiment jew inkella jattendu għal attivitajiet sportivi.

Ħabbar din il-miżura - waqt konferenza - id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li iżda sostna illi kif inhuma l-affarijiet sa issa, bin-numri ta' nies fl-Isptarijiet, mhux se jkun hemm il-bżonn li l-Gvern jintroduċi restrizzjonijiet li b'xi mod jaffetwaw il-ħajja soċjali, kulturali jew inkella lin-negozji tal-pajjiż. 

85% ta' dawk fl-età ta' 70 sena jew aktar ħadu l-booster

Fearne ħabbar ukoll li sa issa f'Malta għad ma hawnx każi ta' Omicron bil-varjant Delta jibqa' l-aktar wieħed predominanti. Wissa iżda li mhuwiex realistiku u responsabbli li wieħed jgħid jew jagħti x'jifhem  - speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-Omicron huwa trażmess iktar malajr - li dan mhux se jidħol pajjiżna. Huwa sostna illi minkejja restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar sabiex ikun ittardjat id-dħul tal-Omicron, xorta huwa antiċipat li dan jidħol u jkun il-varjant predominanti kif huwa mistenni li jkun fi żmien qasir fl-Ewropa. 

Huwa esprima sodisfazzjon għall-aħbar iktar kmieni llum li jidher illi d-doża booster hija effettiva jew ssaħħaħ l-immunità tal-ġisem b'mod qawwi biżejjed biex dan ikun jista' jilqa' għal dan il-varjant, li oriġina fl-Afrika ta' Isfel. Minkejja dan ta min wieħed jinnota li l-kumpaniji li qalu dan huma dawk li jipproduċu l-vaċċin. 

Fearne ħabbar illi 85% ta' dawk ta' 70 sena jew aktar ħadu l-booster, liema persentaġġ jinżel għal 65% għal dawk bejn 60 u 70 sena u jerġa' jinżel għa 30% għal dawk bejn 50 u 60 sena, li huma l-etajiet li qed jirċievu l-booster bħalissa. 

Fearne sostna illi minkejja li l-Gvern mhux qed iżid ir-restrizzjonijiet appella biex dawk li qegħdin fis-seħħ, jiġu osservati u fakkar - hekk kif resqin lejn il-festi tal-Milied - illi f'residenza waħda jista' jkun hemm sa massimu ta' membri minn erba' households.

Id-Deputat PM ħabbar ukoll li min-nhar it-Tlieta se jibdew jitlaqqmu wkoll it-tfal li għandhom bejn ħames snin u 11-il sena.

 

More in Politika