Il-każi jiżdiedu u l-Omicron iċ-ċirasa fuq il-kejk! Xi jmiss issa? Milied ieħor imħarbat? L-ILLUM iddur dawra mal-Ewropa

Il-gazzetta ILLUM iddur dawra madwar l-Ewropa hekk kif ftit ġimgħat biss qabel il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, ħafna pajjiżi kienu kostretti jdaħħlu restrizzjonijiet ġodda minħabba ż-żieda fil-każi. Biex tgħaxxaq issa tfaċċa l-varjant Omicron. Imma dan x’inhu? Inkwetanti ħafna? Se jerġa’ jsakkarna ġewwa?

Kulħadd qed jittama li l-Milied ta’ din is-sena jkun wieħed tajjeb għax dak tas-sena li għaddiet kien mimli restrizzjonijiet minħabba l-Covid-19. Kollox kien sejjer tajjeb, imma f’temp ta’ ftit ġimgħat, il-Covid-19 reġa’ għolla rasu madwar l-Ewropa kollha, inkluż Malta u biex tgħaxxaq kollox issa feġġ dan l-imbierek varjant Omicron.

Minn qabel feġġ dan il-varjant, diversi pajjiżi, b’mod partikolari dawk fejn ir-rata ta’ tilqim mhijiex dik mixtieqa, kienu kostretti jintroduċu restrizzjonijiet ġodda u saħansitra kien hemm min kellu jirrikorri mill-ġdid għal-lockdown.

Kawża ta’ dan, ġew imħassra diversi attivitajiet tal-Milied, inkluż is-swieq tal-Milied li tant huma popolari f’diversi bliet Ewropej.

Kien hemm pajjiżi li mhux talli daħlu restrizzjonijiet, talli marru minn estrem għall-ieħor u issa saħansitra għamlu t-tilqim obbligatorju hekk kif f’salt wieħed, il-proċess tat-tilqim staġna.

Sadanittant, feġġ l-Omicron u diversi pajjiżi Ewropej, ewlenija fosthom Malta u anke pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti, waqqfu l-ivjaġġar kollu lejn l-Afrika ta’ Isfel u diversi pajjiżi oħra ġirien. Oħrajn daħlu restrizzjonijiet ġodda fejn jidħol l-ivjaġġar.

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn dawn is-sitt pajjiżi:

Awstrija: Lockdown totali u vaċċin obbligatorju minn Frar

Ir-rata tat-tilqim fl-Awstrija hija l-agħar waħda fost il-pajjiżi fil-Punent tal-Ewropa. 64% biss tal-popolazzjoni adulta hija mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19.

Hekk kif l-isptarijiet reġgħu bdew jimtlew bil-pazjenti, il-Gvern ma kellux għażla oħra ħlief li jimponi mill-ġdid lockdown nazzjonali, minkejja l-wiegħda tiegħu li għal dawk imlaqqma ma kellu jkun hemm l-ebda żieda fir-restrizzjonijiet.

Id-deċiżjoni ttieħdet ftit jiem biss qabel fetħu s-swieq tal-Milied li l-Awstrija hija  tant magħrufa għalihom.

Il-lockdown huwa fis-seħħ bħalissa u ġie implimentat għal għaxart ijiem u ġġedded sal- 11 ta’ Diċembru, bil-għan li l-Awstrija tiftaħ mill-ġdid, almenu għal min hu mlaqqam, għall-festi tal-Milied.

Iżda forsi l-aktar miżura drastika li ħa l-Gvern Awstrijak hija dik dwar it-tilqim, hekk kif mill-1 ta’ Frar dan se jsir obbligatorju, b’rapporti jgħidu li l-Gvern qed jikkunsidra multa ta’ 7,200 għal min jibqa’ jinsisti li ma jiħux il-vaċċin.

Fl-aħħar jiem l-awtoritajiet qalu li l-lockdown qed jaħdem hekk kif il-każi jidhru li qed jerġgħu jonqsu.

Renju Unit: Test obbligatorju għal kull min jasal minn barra u maskra mill-ġdid obbligatorja

Ir-Renju Unit kien fost l-agħar milquta mill-Covid-19 u tista’ tgħid l-ewwel pajjiż fl-Ewropa fejn il-ħajja irritornat kważi kważi għan-normal.

Ir-rata ta’ tilqim fir-Renju Unit hija dik ta’ kważi 70% iżda fl-aħħar ġimgħat ukoll esperjenza żieda qawwija fil-każi, tant li qed jinstabu madwar 40,000 każ kuljum.

Malli feġġ il-varjant Omicron fir-Renju Unit, il-Prim Ministru Boris Johnson ħabbar li dawk kollha, inkluż it-turisti li jidħlu fir-Renju Unit, iridu jagħmlu PCR test fl-ewwel jumejn minn meta jaslu u jibqgħu fi kwarantina sakemm jirċievu r-riżultat.

Apparti minn hekk, il-maskra reġgħet saret obbligatorja fil-ħwienet u anke fuq it-trasport pubbliku.

Dawn il-miżuri se jkunu riveduti mill-ġdid fi żmien tliet ġimgħat.

Italja: Super Green Pass – Restrizzjonijiet għal min ma ħax il-vaċċin

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi insista li t-Taljani jridu n-normalità u għalhekk ma jistgħux jittieħdu riskji.

Propju għalhekk li mis-6 ta’ Diċembru se jidħol fis-seħħ dak li qed jissejjaħ bħala Super Green Pass. Bażikament se jkunu dawk li huma mlaqqma kompletament biss, jew li fiequ mill-Covid-19, li se jkunu jistgħu jidħlu fir-ristoranti u fil-bars, imorru ċ-ċinema, it-teatru, stabbilimenti tad-divertiment jew inkella jattendu għal attivitajiet sportivi.

Test negattiv tal-Covid-19 biex wieħed iżur dawn il-postijiet mhux se jibqa’ jkun aċċettat.

Dan is-Super Green Pass se jibqa’ fis-seħħ sa nofs Jannar.

Apparti minn hekk, l-Italja għamlet it-tilqim obbligatorju għall-uffiċjali kollha tal-infurzar tal-liġi, il-militar u l-impjegati tal-iskejjel, fost oħrajn.

Olanda: Lockdown parzjali ... curfews u distanza soċjali

Fl-Olanda s-sitwazzjoni mhijiex sabiħa xejn hekk kif il-każi ta’ Covid-19 splodew ‘il fuq. It-tħassib kompla jikber meta fuq żewġ ajruplani li kienu għadhom kemm waslu mill-Afrika ta’ Isfel, instabu 61 persuna pożittivi għall-varjant Omicron.

Fl-aħħar jiem iddaħħlu fis-seħħ diversi restrizzjonijiet ġodda. Il-ħwienet kollha mhux essenzjali, inkluż il-bars u anke r-ristoranti qed ikunu kostretti jagħlqu fil-5:00pm u ma jkunux jistgħu jerġgħu jiftħu qabel il-5am.

Stabbilimenti ta’ ospitalità u anke dawk kulturali, iridu jassiguraw li l-persuni jkunu bilqiegħda 1.5 metru ‘l bogħod minn xulxin. Attivitajiet sportivi mhumiex permessibbli wara l-5:00pm u sports professjonali jista’ jkompli iżda mingħajr udjenza.

Is-supermarkets, l-ispiżjara u anke ħwienet oħra essenzjali jridu jagħlqu bejn it-8:00pm u l-5:00am.

Jekk persuna se tistieden lin-nies id-dar, ma jistax ikollha aktar minn erba’ mistiedna.

Dawn il-miżuri se jkunu riveduti fi żmien tliet ġimgħat. Sadanittant, il-Gvern qed jappella biex min jista’, jitħalla jaħdem mid-dar

Ta’ min isemmi li r-rata ta’ tilqim fl-Olanda mhijiex waħda ħażina. 84% huma mlaqqma kompletament. Minkejja dan, il-każi żdiedu sostanzjalment u hemm nuqqas ta’ sodod għall-kura intensiva fl-isptarijiet.

Ġermanja: 79,000 każ f’ġurnata iżda l-ebda restrizzjoni ġdida

Il-Ġermanja qed tiffaċċja mewġa qawwija ta’ Covid-19, bl-infezzjonijiet ġodda laħqu d-79,000 f’ġurnata waħda. Dan kien rekord minn meta faqqgħet il-pandemija.

Minkejja li bħala pajjiż kien pjuttost kawt fl-immaniġjar tal-pandemija, din id-darba għadu ma daħħal l-ebda restrizzjonijiet ġodda.

Madanakollu, bil-varjant Omicron jiġri mas-saqajn u b’rata ta’ tilqim pjuttost baxxa, l-uffiċjali tas-saħħa qed iħarsu lejn il-possibbilità ta’ lockdown nazzjonali.

Intant, Olaf Sholz, li mistenni jkun il-Kanċillier il-ġdid Ġermaniż, din il-ġimgħa qal li jaqbel mal-vaċċin mandatorju u indika li dan jaf iseħħ fil-Ġermanja wkoll bejn Frar u Marzu.

Insista li din id-deċiżjoni mhux se jeħodha l-Gvern waħdu iżda se jkun il-Parlament li jiddeċiedi.

Belġju: Stabbilimenti tad-divertiment magħluqa u curfews

Il-Belġju wkoll kien kostrett jintroduċi aktar miżuri minħabba żieda fil-każi.

Mill-1 ta’ Diċembru, reġgħu ngħalqu l-istabbilimenti tad-divertiment  u ddaħħal l-obbligu biex kull min jista’ jaħdem mid-dar.

Il-bars u r-ristoranti qed jagħlqu fil-11pm. Attivijiet fuq ġewwa jistgħu jsiru għal udjenza bilqiegħda biss u laqgħat privati, ħlief għat-tiġijiet u l-funerali, ma jistgħux jsiru.

Kemm hu inkwetanti l-varjant Omicron?

Għax konna se noqogħdu kwieti, tfaċċa dan l-imbierek varjant Omicron li qajjem tħassib fost bosta u wassal biex pajjiżi jerġgħu jintroduċu ċertu restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar.

L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa ddeskrivietu bħala “varjant ta’ tħassib,” fost oħrajn għax kellu numru ta’ mutazzjonijiet. Tant hu hekk li kien hemm xjentisti li ddeskrivewh bħala l-agħar varjant li qatt raw.

It-tħassib kompla jiżdied hekk kif pajjiż wara l-ieħor fl-Ewropa bdew ukoll jidentifikaw każi ta’ dan il-varjant.

L-ewwel u qabel kollox irridu nżommu f’moħħna li kwalunkwe virus jinbidel kontinwament b’dak il-proċess naturali li jissejjaħ mutazzjoni, fejn ikollok bidla fl-istruttura tal-ġene. Xi drabi, dawn il-varjanti jisparixxu waħedhom iżda oħrajn jippersistu u jsiru dominanti. Għalhekk ma kinitx sorpriża li anke l-Covid-19 jiżviluppa dawn il-varjanti.

Ħafna minn dawn il-varjanti ma jbiddlu kważi xejn mill-virus iżda oħrajn jistgħu jkunu aktar b’saħħithom u jinxterdu aktar malajr.

Qed isiru ħafna mistoqsijiet dwar dan il-varjant, fosthom jekk il-vaċċin jaħdimx kontrih. Ftit nafu fuqu u f’dan l-artiklu, l-ILLUM se tipprova tispjega l-fatti.

Minn fejn oriġina dan il-varjant?

Kienu l-awtoritajiet fl-Afrika ta’ Isfel li rrapportaw għall-ewwel darba l-varjant u dan wara li nnutaw żieda sostanzjali fil-każi fil-provinċja ta’ Gauteng.

Skont l-informazzjoni mogħtija lill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, il-varjant Omicron kien identifikat minn kampjun li ttieħed fid-9 ta’ Novembru, iżda minn dakinhar, il-varjant kompla jinfirex.

Immedjata kienet ir-risposta ta’ Malta u wara ta’ pajjiżi oħra Ewropej u anke tal-Istati Uniti li waqqfu l-ivjaġġar minn u lejn l-Afrika ta’ Isfel u pajjiżi oħra ġirien.

Għadda minn ħafna mutazzjonijiet

Dan il-varjant għadda minn ħafna mutazzjonijiet u għalhekk huwa differenti ħafna mill-Covid-19 u l-varjanti tiegħu, inkluż il-varjant Delta li huwa l-aktar wieħed dominanti bħalissa. Propju għalhekk li qed iħasseb ħafna lill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa u lix-xjentisti.

“Dan il-varjant issorprendina. Hemm qabża kbira fl-evoluzzjoni tiegħu u ħafna aktar mutazzjonijiet milli stennejna,” saħaq il-Professur Tulio de Oliviera, li huwa d-Direttur taċ-Ċentru għar-Rispons tal-Epidemiji u l-Evoluzzjoni fl-Afrika ta’ Isfel.

De Oliveira qal li l-varjant għadda minn 50 mutazzjoni u 30 minnhom huma mutazzjonijiet f’dik li tissejjaħ bħala ‘spike protein.’ Fi kliem sempliċi, din hija dik ix-xewka li jkun hemm fil-virus u li ‘taqbad’ maċ-ċelloli umani. Fil-fatt il-mira tal-vaċċin huwa propju din ix-xewka.

Allura dan ifisser li l-vaċċin ma jaħdimx kontra l-Omicron?

Il-mistoqsija li qed jagħmlu ħafna hija jekk il-vaċċin jaħdimx kontra l-Omicron peress li fih ħafna mutazzjonijiet, iżda ta’ min wieħed isemmi mill-ewwel li ħafna mutazzjonijiet, ma jfissrux awtomatikament li l-vaċċin mhux se jaħdem jew li l-varjant se joħloq problema.

Madanakollu, fil-każ tal-Omicron, l-aktar li qed jinkwieta lix-xjentisti huwa l-għadd ta’ mutazzjonijiet fl-ispike protein, li kif spjegajna qabel, hija dik iċ-ċavetta li l-virus u l-varjanti tiegħu jużaw biex jaqbdu maċ-ċelloli umani.

Kemm il-vaċċin ta’ Pfizer/BioNTech, ta’ Moderna, tal-AstraZeneca u ta’ Johnson & Johnson jużaw biss parti żgħira mis-sekwenza ġenetika tal-virus (mhux il-virus kollu hemm hu) u kollha kemm huma jużaw ukoll biċċiet mill-ispike protein biex joħolqu l-immunità.

Għalhekk, aktar ma jkun hemm bidla f’din ix-xewka, aktar hemm ċans li s-sistema immunitarja, mibnija bis-saħħa tal-vaċċin, ma tagħrafx il-virus u għalhekk ma tiġġilidx kontrih biżżejjed.

Propju għalhekk li esperti qed jgħidu li l-vaċċin jista’ jkun inqas effettiv kontra l-Omicron għax ikun kapaċi jevadi l-protezzjoni.

Kemm Pfizer u anke Moderna qalu li jeħtieġu aktar informazzjoni biex jiddeterminaw kemm hu effettiv il-vaċċin tagħhom kontra l-Omicron.

Madanakollu, l-istess esperti jisħqu li l-kumpaniji li jipproduċu l-vaċċin jistgħu jieħdu biss ftit ġimgħat jew inkella xhur biex jimmodifikaw il-vaċċin b’tali mod li jkun jista’ jilqa’ aktar kontra dan il-varjant.

L-Omicron jinxtered aktar malajr?

Anke biex inwieġbu din il-mistoqsija ftit għad hemm fatti. Madanakollu, kollox qed jindika li dan jinxetered aktar malajr mill-varjanti l-oħra.

Fost oħrajn, il-varjant jinkludi mutazzjoni li tissejjaħ N501Y, l-istess mutazzjoni li tat lill-varjanti Alpha u Gamma aktar saħħa biex jinxterdu.

Bħad-Delta, l-Omicron għandu mutazzjoni li tissejjaħ D614G li tgħin lill-virus jaqbad aktar maċ-ċelloli li jinfetta.

X’inhuma s-sintomi u dan il-virus jinxtered aktar malajr?

Għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid biċ-ċert jekk dan il-varjant jikkawżax sintomi aktar severi jew le.

Madanakollu, tabiba li ħadmet ma’ pazjenti fl-Afrika ta’ Isfel li ġew infettati b’dan il-varjant, qalet ma’ Reuters li s-sintomi kienu ħfief.

L-aktar sintomu predominanti, skont din it-tabiba, hija għejja kbira li ddum madwar ġurnata jew tnejn u li tkun akkumpanjata minn uġigħ ta’ ras u anke uġigħ fil-ġisem.

It-tobba fl-Afrika ta’ Isfel qed jaqblu li l-vaċċin, anke jekk jista’ jkun inqas effettiv, xorta waħda jista’ joffri livell tajjeb ta’ protezzjoni u fil-fatt qed iħeġġu aktar nies biex jitlaqqmu.

Fl-Afrika ta’ Isfel, 24% biss tal-popolazzjoni adulta ħadet imqar tilqima waħda u 35% biss huma mlaqqma kompletament. Ta’ min isemmi wkoll li fl-Afrika ta’ Isfel hemm rata għolja ta’ persuni li huma morda bl-HIV, liema kundizzjoni tbaxxi s-sistema immunitarja.

Dawn kollha huma fatturi li setgħu waslu biex fl-Afrika ta’ Isfel dan il-varjant jinxtered ħafna.

Apparti minn hekk, ir-rata’ ta’ pazjenti li qed ikollhom bżonn kura fl-isptar fl-Afrika ta’ Isfel qed jiżdied. Madanakollu, il-WHO qalet li dan mhux bilfors huwa assoċjat mal-Omicron imma jista’ jkun riżultat ta’ żieda ġenerali fil-każi.

Ta’ min ifakkar ukoll li madwar 6% tal-popolazzjoni fl-Afrika ta’ Isfel għandhom aktar minn 65 sena u għalhekk lanqas ma huwa ċar jekk dan il-varjant jistax jikkawża sintomi aktar severi f’dawk li huma l-aktar vulnerabbli.

X’nafu b’ċertezza?

Filwaqt li ħafna studji għadhom għaddejja, ħaġa waħda hija ċerta.

L-aktar miżuri bażiċi ta’ mitigazzjoni, fosthom l-iġjene tal-idejn, l-ilbies tal-maskri u d-distanza soċjali jiġġieldu wkoll lill-varjanti tal-Covid-19 u jibqgħu għodda importanti, flimkien mat-tilqima, biex wieħed jippreveni infezzjoni.

More in Politika