‘Qum, qum int ukoll, O mara Maltija. Oħroġ mill-istat mudlam tiegħek, għax id-dawl għalik ukoll inħoloq’

Damu 30 sena jiġġieldu għall-vot. Irnexxielhom u ħarġu għall-elezzjoni. Minkejja dan ma sabux nisa biżżejjed. 100 sena wara naraw li qiegħed jiġri l-istess. L-ILLUM tistaqsi, hemm bżonn ta’ bidla?

Ta’ spiss nisimgħu fuq il-karba tal-mara għal aktar vuċi fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Tant hu hekk li fl-aħħar sentejn lkoll smajna bil-liġi elettorali l-ġdida magħrufa aħjar bħala; l-gender quota jew aħjar bħala il-liġi tal-ugwaljanza jew saħansitra il-gender top-up. Sejħilha li trid, iżda ta’ min wieħed jirrimarka li din ma ntlaqgħetx tajjeb minn kulħadd, uħud minn dawn kienu nisa wkoll.

Sa’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, il-maġġoranza tan-nisa Maltin, lanqas kienet tgħaddilhom minn moħħhom li jqajjmu l-kwistjoni ta’ parteċipazzjoni elettorali. L-istorja turina li meta mara Ingliża kienet ressqet it-talba għal voti tan-nisa Maltin, Winston Churchill kien saħaq li jingħataw il-vot, la darba l-mara Maltija tistaqsi għalih.

Madankollu naraw ukoll li wara din il-battalja sħiħa għall-parteċipazzjoni, kienu l-ftit li daħlu għall-politka. Sitwazzjoni simili ta’ dik ta’ llum.

Għalhekk il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Professur Carmen Sammut, fejn staqsiet; għaliex il-mara Maltija damet aktar mill-mara Ingliża biex ingħatat il-vot? Il-Knisja, waħda mill-ogħla istituzzjonijiet dak iż-żmien, xi rwol kellha fuq din il-kwistjoni? U fuq kollox, min kienu n-nisa fil-politika dak iż-żmien?

L-Assemblea Nazzjonali tlaqqgħet. Imma n-nisa fejn huma?

Sammut spjegat li pajjiżna ilu 100 sena minn mindu kellna Parlament awtonomu. Madankollu, ftit qabel is-Sette Giungo, fl-1919, qabel ma’ beda l-Parlament kienet titlaqqa’ l-Assemblea Nazzjonali, li fiha kien ikun hemm baned, soċjetà ċivili, l-oqsma kollha tagħha eċċ.

Sammut tgħid li r-rekords juru li minn dawk il-laqgħat tal-Assemblea, min-numru kbir ta’ rappreżentanti fiha, l-ebda waħda ma kienet mara minkejja li f’dak il-perjodu diġà kien hemm numru ta’ għaqdiet, uħud anke ta’ karità, li kienu magħmula min-nisa.

“Kien hemm għaqdiet li kienu jaħdmu biex inaqqsu l-mortalità fost in-nisa u r-rata’ ta’ mwiet fost it-trabi li dak iż-żmien kienet għolja ħafna. Il-mortalità tal-mara waqt it-twelid kienet għolja wkoll. Kien hemm numru ta’ għaqdiet ta’ karità għar-romol, li dak iż-żmien kien hemm ħafna minnhom li kienu jbatu l-ġuħ,” spjegat Sammut.

Tgħid iżda li l-ebda’ rappreżentanza minn dawn l-għaqdiet ma kienet mistiedna biex tipparteċipa.

Hija spjegat li minkejja li fl-Ingilterra fl-1918, in-nisa ngħataw id-dritt għall-vot, f’Malta waqt id-diskussjoni ta’ Assemblea, din ma ngħatatx importanza.

‘Ma kienx hemm protesti dak iż-żmien’

Fil-25 ta’ Lulju, Leopoldo Vizzari de Sannazaro, “Slimiż li kien isejjaħ lilu nnifsu bħala ‘dottore di scienza politika’ kien bagħat ittra lis-Segretarju tal-Assemblea, dak iż-żmien kien Nerik Mizzi.”

F’din l-ittra huwa kien appella għal suffraġju universali, jiġifieri vot wieħed għal kulħadd. “Huwa kien iħoss li s-sistema li kienet tippermetti erba’ jew ħames voti f’idejn bniedem wieħed privileġġjat, kienet ‘kamp miftuħ beraħ għall-korruzzjoni’.  Imma l-appell tiegħu spiċċa fix-xejn u dawn baqgħu isostnu l-plural voting.”

Il-plural voting kienet sistema ta’ voti fejn irġiel li kellhom proprjetà, edukazzjoni jew professjonijiet f’xi qasam, seta’ jkollhom ħafna aktar voti minn nies ordinarji.

Vizzari de Sannazzro kien fakkar li kien hemm għexieren ta’ pajjiżi li fih in-nisa kienu qed jivvutaw u kien għalhekk li kien esprima x-xewqa tiegħu għal kostituzzjoni ġdida.

Sammut tispjega li sal-ewwel Gvern awtonomu, in-nisa ma dehru mkien. Minkejja dan, “ma kienx hemm protesti dak iż-żmien. Kien hemm ukoll ix-Xirka tal-Imdawlin ta’ Manwel Dimech, fejn hu kien jitkellem fuq id-dritt tal-mara li kellha tkun ċittadin li jkollha sehem fil-ġlieda anti-kolonjali u fl-iżvilupp tal-pajjiż … Imma nafu x’ġara. Lil Dimech eżiljawh u ħelsu minnu, tant li lanqas meta spiċċat l-Ewwel Gwerra Dinjija ma ħallewh jirritorna, minkejja li kien priġunier tal-Gwerra,” kompliet tispjega.

Fl-1902, Dimech kien diġà appella lin-nisa biex isemmgħu leħinhom. Huwa kien kiteb, “Qum, qum int ukoll, O mara Maltija … oħroġ mill-istat mudlam tiegħek, mara Maltija, għax id-dawl għalik ukoll inħoloq”.

Hija qalet ukoll li kien hemm nies “Dimech-jani” li fis-snin ta’ wara għenu lil nisa fil-politika, fosthom lil Agatha Barbara.

Sammut spjegat kif dak iż-żmien kien ikun skandlu kbir jekk f’għaqda waħda kien ikun hemm preżenti nisa u rġiel flimkien.

Tgħid li, “għaqda oħra li kienet taċċetta lin-nisa kienet fis-Soċjetà tal-mużew ta’ Dun Ġorġ Preca. In-nies kienu kważi jiskandalizaw ruħhom, tant li kienu jilbsu l-għonnella u jgħattu wiċċhom għax ma kinitx aċċettabbli f’Malta. Dik Maltija kienet soċjetà pjuttost segregata u nistgħu nifhmu għalhekk forsi li l-Assemblea Nazzjonali ma talbitx lin-nisa jipparteċipaw.”

In-nisa Ingliżi ġġieldu għan-nisa Maltin ukoll

“Irridu ngħidu li f’Malta ma kienx hemm xi protesti kbar. Fl-Ingilterra kien hemm in-National Union of Women’s Suffrage Societies (NUWSS). Min-naħa l-oħra kellek lil Eva Marian Hubbeck li kienet ħarġet għall-elezzjoni, ġiet eletta u saret Segretarju Parlamentari, fil-Parlament Ingliż,” qalet Sammut.

Hubbeck kienet bagħtet numru ta’ ittri fejn ipprotestat f’isem in-nisa Maltin. L-ewwel waħda kienet lill-Uffiċċju tal-Kolonji, Viskonti Milner. Huwa kien spjegalha li l-kostituzzjoni kienet, ‘letters patent’ jiġifieri ma kinitx approvata u diskussa mill-Parlament iżda ffirmata direttament mir-Re nnifsu.

It-tieni protest tagħha sar lis-Segretarju tal-Kolonji, Winston Churchill. Hija kienet qatlu li jekk Malta kienet se tingħata Kostituzzjoni Awtonoma,

kienu se jintroduċu l-bidla iżda fil-verità għan-nisa din ma solviet xejn.

Il-Professur spjegat lil din il-gazzetta kif Churchill kien weġibha u hi kellmitu lura u hu kien qalilha li f’Malta ma talbuniex għall-vot tan-nisa allura għalfejn għandna nimponuh aħna? Meta naslu għaliha nagħmluha.

X’kien l-irwol ta’ Mabel Strickland f’dan kollu?

“Perjodu affaxxinanti fil-karriera ta’ Mabel Strickland kien meta kienet għadha żgħira, meta kellha fuq it-30 sena. Missierha, Gerald Strickland, kellu siġġu fil-House of Commons fl-Ingilterra, fejn kien jirrappreżenta ż-żona fejn daru. Għalhekk kien ikun assenti ħafna minn Malta. Dan minn barra li kien qiegħed jinnamra ma’ Margaret Halton, it-tieni mara tiegħu.”

Minkejja li Mabel Strickland kienet tagħmel ħafna xogħol fil-Partit Kostituzzjonali, din ma setgħetx toħroġ mal-Partit. Hi kienet imdejqa b’dan u kien hemm numru kbir ta’ nisa oħra li ddejqu bħalha. Sal-1931 irnexxiela tiġbor petizzjoni b’aktar minn 480 firma li ippreżentathom quddiem il-Kummisjoni Rjali, li kienet intbagħtet Malta, biex jaraw għalxiex Malta kellha kriżi kostituzzjonali.

Ix-xhieda tagħha quddiem il-Kummissjoni, tagħti stampa ċara ħafna tal-qagħda politika tan-nisa fejn Mabel Strickland iddeskriviet kemm sofrew in-nisa fil-Partit Kostituzzjonali. Jidher li għax kienu attivi fil-partit kienu pprojibiti milli jitqarbnu jew jagħmluha ta’ parrini.

L-istrateġija ta’ Reggie Miller għall-vot tan-nisa

“Nafu kemm kien kbir u etensiv l-irwol tan-nisa fil-Gwerra. Wara t-Tieni Gwerra, il-partiti kienu tilfu ħafna mis-saħħa tagħhom, in-Nazzjonalisti svintaw. Sal-1947 Nerik Miżżi kien għadu eżiljat l-Uganda,” spjegat il-Profs. Sammut.

Hija saħqet li mill-1943 ‘l quddiem l-aktar moviment soċjali importanti li kien hemm dak iż-żmien kien il-General Workers Union li kienet titmexxa minn Reggie Miller.

Hija qalet li Reggie Miller kien aġġornat ħafna ma’ dak li kien qiegħed jiġri fl-Ewropa u “kien jitkellem ħafna dwar l-irwol tan-nisa. Fl-1947, meta bdiet titlaqqa’ l-Assemblea Nazzjonali, biex jerġgħu jiddiskutu Kostituzzjoni ġdida wara l-Gwerra,  Reggie Miller, induna x’kien ġej u ma rider li n-nisa jerġgħu jiġu esklużi.”

Mabel Strickland ġabet siġġu fl-Assemblea bħala editur tat-Times. Dan għaliex wara l-Gwerra, l-Assemblea staqsiet lill-edituri tal-gazzetti, biex jibdew jattendu għas-sessjonijiet tagħha.

Reggie Miller kien sab żewġ nisa influwenti f’Malta f’dak iż-żmien. Waħda minnhom kienet, Hélène Buhagiar li kienet ġejja minn familja ta’ negozjanti, tant hu hekk li missierha kien imexxi s-sistema tal-ferrovija f’Malta u kienet attiva ħafna soċjalment fil-qasam tal-arti. Il-persuna l-oħra kienet Josephine Burnes De Bono.

“Reggie Miller kien qalilhom, li ‘jekk ma tridux li l-mara terġa’ tiġi eskluża, fl-Assemblea Nazzjonali, għamlu assoċjazzjoni tan-nisa Maltin’. Applikaw biex ikunu membri tal-Assemblea, ippreżentaw din il-mozzjoni biex in-nisa jkunu preżenti u dik fetħet it-triq biex imbagħd resqet mozzjoni oħra biex in-nisa jibdew jivvutaw u joħorġu għall-elezzjoni. Nerik Mizzi kien għadu imsiefer dak iż-żmien u b’hekk ma setax ikollu sehem.”

Sammut qalet li fl-ewwel elezzjoni li fiha ivvutaw in-nisa, 55% mill-votanti kollha ta’ Malta kienu nisa. “Bdew jaħsbu li l-mara ma kinitx se tivvota, imma ma kien minnu xejn għax fil-verità n-nisa ivvutaw bi ħġarhom.”

Il-Knisja daħħlet denbha

Hija spejgat li punt ieħor importanti fl-istorja tal-vot tal-mara, huwa li waqt li kienet qed issir diskussjoni fl-Assemblea fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa, fl-1944, il-Knisja ħatret lill-Arċisqof Mikiel Gonzi.

Bħala Isqof kien strumentali biex mill-pulptu jħajjar lin-nisa biex jibdew jagħtu sehmom fl-għelieqi, fl-industrija, eċċ.

Wara l-Gwerra meta bdiet id-diskussjoni fuq il-vot tal-mara, “Gonzi kien attent ħafna, qatt ma ħareġ kontra l-vot. Il-battalja  tal-Knisja fuq il-vot tal-mara saret permezz tal-gazzetti u anke l-pulptu. Fil-gazzetti kien hemm kampanji sħaħ fuq il-Leħen is-Sewwa fejn kellek ħafna kitbiet jirredikolaw il-vot tal-mara jew saħansitra jgħidu li kien perikoluż li tagħti l-vot lin-nisa,” qalet Sammut.

Hija rrakkontat kif l-Arċisqof, “b’mod makakk kemm jista’ jkun ħareġ pastorali u ppreżenta lilu nnifsu bħala missier tal-Maltin  li qed jagħti l-parir lill-Maltin.” Qalet li Gonzi beda jgħid li l-mara kienet ir-reġina tad-dar, il-poter tal-mara qiegħed fid-dar, “għandek is-saħħa li trawwem lil uliedek li żżomm lil żewġek fit-triq it-tajba, u li ġġib it-tfal fid-dinja”.

Kompliet tispjega li wara li għadda l-vot tal-mara, fl-elezzjoni tal-1947, dik ippermettietlu biex il-Knisja, “b’mod sottili tibda’ tiggwida lin-nies kif se jivvutaw”.

Partiti mingħajr nisa

“Il-partiti ma setgħux isibu biżżejjed nisa biex joħorġu għall-elezzjoni”, tgħid Carmen Sammut.

Fl-ewwel elezzjoni kellek lil Agatha Barbara u Hélène Buhagiar, mal-Unjone Politika Maltese, il-partit tal-industrijalisti. Madankollu, Hélène Buhagiar ma telgħetx u Agatha Barbabra telgħet iżda ma ngħatax ministeru.

“Imbagħd fis-snin 50 ingħatat ministeru u għamlet riformi soċjali kbar. Edukazzjoni b’xejn, ix-xjenzi għall-bniet, edukazzjoni obbligatorja għall-ħaddiema eċċ. Kultant ma napprezawx ix-xogħol li għamlet hi. Għamlet riformi li llum iġiegħlu l-politikanti ta’ issa jistħu u din għamlithom f’qasir żmien. Fil-qasam edukattiv u dak tax-xogħol kienet effettiva.”

‘Ir-rappreżentanza tan-nisa baqgħet fejn kienet fis-snin 50’

B’dizappunt, Sammut innotat li r-rappreżentanza tan-nisa fil-poltika baqgħet fejn kienet fis-snin 50.

Il-Professur Carmen Sammut qalet li “għandek sitwazzjoni fejn lllum għadnek rappreżentanza ta’ 13%. Bħalma konna bħal-1950, fejn kellhom rappreżentanza ta’ 10%. Kultant insemmu kemm il-partiti m’hemmx qbil bejniethom, iżda fuq dan il-punt it-tnejn qablu li hemm bżonn ta’ riforma.”

Hija kkonkludiet li jista’ jkun li wasalna għal bidla radikali, “l-aktar li kien hemm tħassib kien minn naħa tal-partiti ż-żgħar, li jħossuhom eklużi mis-sistemi elettorali li għandna. Meta wieħed iqis kollox dan it-tip ta’ tħassib, ilu magħna 30 sena. Fil-każ tan-nisa, dawn ma jistgħux jistennew 30 sena oħra, lanqas ħames snin. Hemm bżonn bidla immedjata.”

More in Socjali