‘Spjunaġġ, ħabi ta’ priġunieri u saħħa tremenda … il-kontribut tal-mara Maltija fil-Gwerra’

L-ILLUM titkellem ma’ Kim Dalli, riċekatriċi dwar l-irwol tan-nisa fil-Gwerra u kif dan wassal biex fl-1947, ingħataw id-dritt tal-vot 

Kim Dalli – Ritratt meħud minn Melvin Farrugia Bonnet
Kim Dalli – Ritratt meħud minn Melvin Farrugia Bonnet

“Il-mara xogħolha fil-kċina.” Hekk kienu jaħsbuha qabel. Il-ġurnata tal-mara kienet tibda minn sbiħ ix-xemx u l-irwol tagħha kien li tara li wlieda jiġu mħarsa, it-tfarfir isir u li fl-aħħar tal-ġurnata r-raġel ikollu platt sħun fuq il-mejda.  

Madanakollu kważi kollox inqaleb ta’ taħt fuq wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Il-mara ma baqgħetx taħt l-istess lenti tas-soltu u b’xi mod, wara l-Gwerra, il-poplu beda jara li anke l-mara hi kapaċi tagħti s-sehem tagħha fis-soċjetà, lilhinn mill-ħitan ta’ darha.  

“Il-kontribut tan-nisa fil-Gwerra kien enomri tant li essenzjalment, kif kien qal tajjeb ir-riċerkatur Simon Cusens, in-nisa kienu l-magna amministrattiva fuq xiex il-pajjiz kien qiegħed jimxi waqt it-Tieni Gwerra dinjija.” Hekk qalet Kim Dalli lill-gazzetta ILLUM.  Filwaqt li bosta nies jafu lil Dalli bħala attriċi, hija wkoll riċerkatriċi dwar il-Gwerra, b’mod partikolari dwar is-sehem tal-mara Maltija. Dan se jkun il-mira ta’ dokudrama li qed tikteb taħt il-produzzjoni ta’ Sharp Shoot Media Limited. 

Minn xogħol sigriet, għal messaġġi kodiċi … il-mara Maltija kienet tagħmel minn kollox 

Dalli tispjega li l-kontribut tagħhom ma kienx biss mil-lat ta’ kura medika, tant hu hekk li Dalli tispjega li n-nisa kienu f’kull aspett tal-ekonomija Maltija.  

“Kellek ħafna xogħlijiet li normalment kienu jagħmluhom l-irġiel u li ma setgħux ikomplu jagħmluhom. Dan għaliex l-irġiel, fl-1941, kellhom il-lieva. L-irġiel ta’ ċertu età kienu mgħajta biex jagħtu l-kontribut tagħhom b’mod dirett fil-Gwerra. Allura, x-xogħol li ġie vakat, f’daqqa waħda kellu bżonn jimtela. Veru li għandek kundizzjoni ta’ Gwerra iżda l-pajjiż ma jistax jieqaf. Dak il-vojt imtela’ propju minn nisa,” spjegat Dalli.  

Hija qalet li fejn jidħol xogħol li kienu jagħmlu kemm in-nisa Maltin kif ukoll l-irġiel, waqt il-Gwerra, kien hemm id-dipartiment tal-Air Raid Protection (ARP) fejn il-ħaddiema kellhom l-irwol li jigwidaw lin-nies lejn ix-xelter, jaraw li l-linji gwida qed jiġu osservati kif ukoll jgħinu lin-nies li jinqabdu taħt il-ġebel meta jaqa’ xi bini.  

Hija qalet lil din il-gazzetta li, “importanti li wieħed jinnota li, kuntrarju għall-Ingilterra, f’Malta ma kellekx nisa b’irwol bl-uniformi. Barra minn Malta kellek in-nisa impjegati man-navy eċċ. Malta ma kellek xejn. L-unika komunità ta’ nisa bl-uniformi kienu l-infermiera ta’ Queen Alexandra (QA). U ta’ min jinnota li dawn kienu nisa ordinarji bħali u bħalek”.  

Il-mara Maltija kienet tagħti kontribuzzjoni diretta wkoll f’Lascaris War Rooms. Dan kien il-kwartieri tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dan kien post sigriet immens fejn kellek numru ta’ nisa li kienu qed jagħmlu xogħol partikolari, fosthom ta’ plotters. 

Xogħolhom dawn il-plotters kien li, permezz ta’ mappa kbira, jimmarkaw il-movimenti tal-għadu biex minn hemm jieħdu deċiżjonijiet importanti fejn l-alleati tagħhom għandhom jattakkaw. Apparti minn hekk Dalli spjegat li rwol kruċjali ieħor għal mara kienet ta’ cipherene. 

Fis-snin 40 ma kien hawn midja soċjali jew imejls. Meta kienu jintbagħtu messaġġi permezz ta’ radji-telefoniċi kienu jkunu kollha f’forma ta’ kodiċi, biex jekk jiġi f’idejn l-għadu ma jkunx jista’ jifmhu u jaqrah. La darba dan il-messaġġ jasal, kien jinqara u jiġi interpretat mill-mara. Minn hemm dawn in-nisa kienu jagħmlu messaġġi b’kodiċi u jibagħtuhom lura.  

Ir-riċerkatriċi, b’passjoni kbira kompliet tispjega li, apparti minn hekk, kien hemm nisa jagħmlu xogħol amministrattiv mal-Gvern. Kellek ħafna għalliema, ħafna nisa li bdew jaħdmu bħala infermiera.   

“Kellek ukoll dipartiment imsejjaħ il-Voluntary Aid Detachment (VAD). Kellek nisa qed jaħdmu f’uffiċini u saħansitra fid-dockyard. Rajt ukoll stampa impinġija, mill-artist Alfred Gerada, fejn in-nisa bdew iħaffru x-xelters taħt l-art. In-nisa kienu involuti f’kull aspett tal-ħajja. Apparti minn hekk kellek is-sorijiet li kienu jagħmlu ħafna xogħol filwaqt li kien hemm ħafna għaqdiet volontarji fosthom Help The Homeless Funds.”  

L-ILLUM tistaqsi: “X’ġara min-nisa wara l-Gwerra? Baqgħu jaħdmu? 

Dalli tispjega kif l-agħar żmien tal-gwerra għall-gżejjer Maltin kien bejn l-1940 u l-1942 u l-Maltin ma baqgħux isofru daqstant għax wara li l-Italja ċediet, il-Gwerra mxiet lejn pajjiżi oħra.  Hija kompliet tgħid li għalhekk meta l-irġiel irritornaw lura għax-xogħol, in-nisa Maltin xtaqu li jibqgħu jaħdmu.  

Dalli rrakkontat kif waqt li kienet fl-Arkivji Nazzjonali, sabet dokument ta’ artiklu tal-1945,  fejn id-Direttur tax-Xogħol u Ħarsien Soċjali, waqt konferenza kien qal li hekk kif il-Gwerra waslet fi tmiemha ma kienx hemm biżżejjed xogħol għall-irġiel, “allura huwa ovvju li n-nisa li bħalissa qed jagħmlu ċertu xogħlijiet, li normalment isiru mill-irġiel, għandhom iwarrbu u jagħmlu spazju għalihom.”  

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ‘l-Assoċjazzjoni Nisgħa ta’ Malta’, (Nisgħa għax hekk kienu jikbtuha) li twaqqfet fl-1944 minn Josephine Burns De Bono. Wieħed mill-għanjiet tagħha kien proprju li tiġġieled għad-dritt tal-vot tal-mara Maltija. Fl-Ingilterra, il-kontribut tan-nisa, b’mod partikolari fl-Ewwel Gwerra Dinjija, fil-qasam politiku u amministrattiv għenet biex ingħataw id-dritt għall-vot u saħansitra jikkontestaw għall-elezzjoni. L-argument ta’ din l-assoċjazzjoni u ta’ Burns De Bono kien li, ladarba l-mara kenet fdata bi rwoli daqstant kruċjali waqt il-Gwerra, mela għala m’għandhiex tkun fdata bil-vot? 

Dalli saħqet li l-istorja turina li sa minn qabel l-Ewwel Gwerra Dinija, kien diġà hemm diskussjoni fuq il-possibiltà ta’ vot għall-mara, “però dak iż-żmien kien hemm oppożizzjoni. Kienu jemmnu li l-mara kien postha d-dar u jekk se tagħtiha l-vot mhux se taqdi dmirijietha. L-argument tal-assoċjazzjoni kienet li r-raġel minkejja li kellu d-dritt li jivvota, xorta kien jaħdem eċċ.”  

Punt interessanti li qajmet ir-riċerkatriċi kienet li l-assoċjazzjoni kienet qablet is-sitwazzjoni ta’ Malta ma’ dik tal-Ġermanja u kif kien imexxi Hitler. Huma qalu li s-sistema li kien qed jaddotta Hitler kienet fewdali u antika fejn il-mara kienet taħt oppressjoni. “Għalhekk Josephine kienet staqsiet, ‘aħna rridu nkunu bħal Hitler? Bħall-Ġermanja?’ 

L-Assoċjazzjoni baqgħet topera, u dan kien xokk kulturali kbir għal dak iż-żmien. Dalli madanakollu tgħid li wara x-xokk tremend li ġabet magħha t-Tieni Gwerra Dinjija, “l-affarjiet bil-mod il-mod bdew jinbidlu”.  

Eventwalment naraw li l-mara ngħatat id-dritt għall-vot fl-1947. Persuna influwenti li kienet kruċjali għal dan il-mument storiku kienet Mabel Strickland, politikanta kif ukoll ġurnalista, direttur maniġerjali u editur tat-Times of Malta. Dalli qalet lill-ILLUM li Strickland ta’ spiss kienet tagħmel editorjali dwar il-moviment tas-sufragettes fl-Ingilterra. 

‘Meta tħares lejn il-letteratura tara żbilanċ qawwi’ 

L-ILLUM allura staqsiet: “huma ftit il-Maltin li jafu bil-kontribut enormi tan-nisa. Taħseb li f’dik l-epoka, għal ċertu membri tas-soċjetà, il-kontribut tan-nisa ma kellu ebda valur?” Għal dan Dalli wieġbet li meta wieħed iħares lejn il-letteratura tal-Gwerra, “tara żbilanċ qawwi ħafna. Il-letteratura tiffoka fuq il-lenti maskili milli dik tal-mara … Fil-verità din hija assurda għax nofs il-popolazzjoni Maltija tan-nisa kienu hemm, jaħdmu.” 

Kompliet tgħid li dak iż-żmien, in-normi soċjali u kulturali, kienu jistennew affarijiet differenti mill-mara. Tgħid li r-raġel kellu leħen u allura seta’ jippreserva l-istejjer u l-ħsibijiet. Filwaqt li tan-nisa wieħed irid iħaffer ħafna iżjed.  

Kim Dalli irrakkontat ukoll l-istejjer ta’ tliet nisa oħra Maltin li taw sehem kbir fil-Gwerra: 

Min hi Henrietta Chevalier? 

Henrietta Chevalier, imwielda Xerri, kienet mara miżżewġa, omm ta’ tmint itfal li emigrat mar-raġel tagħha, Thomas, f’Ruma li kien jaħdem mal-kumpanija tal-ivjaġġar Thomas Cook. Madankollu, Thomas kien miet ftit qabel il-gwerra. Għalhekk Henrietta sabet ruħha armla.  

“Kif nafu l-Italja kienet alleat ruħha man-Nazzisti. Meta tneħħa mill-poter Mussolini, fl-1943, in-Nazzisti kienu okkupaw Ruma u dan kien żmien diffiċli mmens. Kellek ħafna priġunier tal-Gwerra maħruba li x’ħin bdew javvanzaw l-alleati, il-priġunieri ħarbu mill-kamp fejn kienu qed jinżammu, iżda imbagħad daħlu n-Nazzisti, u kellhom jaħarbu baxx baxx. Ir-reġim Nazzista kien kiefer ħafna, tant hu hekk li kien għamel regola li, min jinstab jgħin jew iżomm lill-priġunieri kienu jisparawlhom, joqtluhom,” kompliet Kim.  

Henrietta, b’kuraġġ ta’ barra minn hawn u b’dedikazzjoni inkredibbli kienet aċċettat it-talba ta’ Monsijur Irlandiż, ibbażat il-Vatikan, Hugh O’Flaherty. Hu ħoloq dan in-network sigriet, imsejjaħ ‘The Rome escape line’ fejn kienu jgħinu lil dawn in-nies u jtuhom kenn sakemm jaħarbu minn Ruma.  

Wieħed mill-ewwel nies li kellem, meta beda jara l-influss ta’ nies ġejjin għalih, kienet Henrietta u kienet fil-fatt l-ewwel persuna li laqgħet in-nies fl-appartament żgħir tagħha.  

Henrietta ma kinitx mara sinjura apparti li kellha ħafna minn uliedha magħha. Kienet użat l-appartament tagħha biex taħbi dawn il-priġunieri minkejja r-riskju kbir. 

Tant hu hekk li l-uffiċjali Nazzisti kienu qed jissuspettaw li kien hemm xi ħaġa u kemm-il darba daħlu ġol-appartament tagħha jippruvaw ifittxu fejn kienu dawn in-nies. Fortunatament din kienet dejjem tkun taf ftit minuti qabel ma kienu jmorru d-dar tagħha u dejjem kellha biżżejjed ċans biex tħarrabhom. 

Kim tgħid li, “hemm hafna djarji ta’ suldati li kienu jgħixu magħha u kienu jgħidu, kemm kienet mara inkredibbli. Kien hemm ittra wkoll tagħha li sibt, fejn il-persuni li kienu qed jieħdu ħsieb ‘l-escape line’ kienu jgħaddu l-flus biex jixtru l-ikel għan-nies li qed jieħdu ħsieb il-priġunieri. Għal Henrietta jgħidu li ma kienx hemm bżonn ituha flus għall-ikel għax dejjem kien jirnexxielha titma l-kulħadd.” 

  Kienet tħobbhom daqslikieku kienu uliedha. Kim tgħid li skopriet li Henrietta baqgħet issofri minn effetti ta’ post traumatic stress disorder (PTSD) għall-bqija ta’ ħajjitha. Fil-fatt għamlet il-maġġoranza ta’ ħajjitha ġo sptar mentali.  

“Ħallset prezz għoli ħafna għal minn kien l-iżjed fil-bżonn biex illum il-ġurnata hija minsija. Ħafna nies hemm barra ma jafux min hi u għandhom ikunu jafu.”  

Min hi Ella Attias? 

Ella Attias, imwielda Zammit Cutajar, kienet mara Maltija li żżewġet nobbli Franċiż u marret tgħix it-Tuneżija. Ella volontarjament issieħbet ma’ organizzazzjoni sigrieta u kienet spija u xogħolha kien li tagħti l-informazzjoni lill-intelliġenza Ingliza ġewwa Malta rigward it-truppi u moviment tal-bastiment tat-Tuneżin, tal-għadu.  

Iżda, fil-1941, skoprew min hi, arrestawha u spiċċat il-ħabs. Filwaqt li s-sentenza kienet ta’ tliet snin, għamlet sena u nofs.  Kienu daħlu l-alleati fit-Tunezija u  irnexxielha taħrab mill-ħabs fejn imbagħad kienet ġiet Malta.  

Lura Malta, hija ġiet impjegata mas-Servizzi Sigrieti tal-Ingilterra fejn wara kompliet tagħmel dak ix-xogħol.   

Mary Ellul: il-Maltija b’saħħa tremenda… 

Mara popolari, li kienet toqgħod Ta’ Sliema, jisimha Mary Ellul iżda kienet magħrufa bħala “Mary man” għax kellha saħħa kbira. Mary kienet salvat ħafna nies minn qalb it-tifrik tal-ġebel wara l-air raides. “Kienet taqbad kantun qisha qed taqbad tarbija u ssalva lin-nies. Għamlet xogħol inkredibbli.” 

More in Socjali