Malta kif qed tiġġieled l-obeżità? ... L-ILLUM tistaqsi

 

‘Hawn ħafna esperti li huma mħarrġa iżda importanti li l-għarfien ikomplu jiżviluppawh'

L-ILLUM tkellmet man-nutrizzjonista, Antonella Grima, u staqsiet jekk pajjiżna hux imħarreġ biżżejjed biex niġġieldu l-obeżità. Għal dan Grima wieġbet li, “bħala pajjiż hawn ħafna esperti li huma mħarrġa, speċifikament fil-qasam tal-obeżità. Madankollu huwa importanti li dak li jkun, l-għarfien tiegħu jkompli jiżviluppah. Hu importanti li l-Gvern ikompli jinvesti u jkun hemm taħriġ lil dawk in-nies li jaħdmu direttament ma’ persuni li għandhom problema ta’ obeżità.”

Hija qalet hekk f’dawl mistoqsija parlamentari riċenti li saret mid-Deputat Ivan Bartolo lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Bartolo staqsa x’inhi l-politka tal-Gvern fir-rigward tal-obeżità morbida u x’servizzi joffri l-Isptar Mater Dei f’dan il-qasam. Kien għalhekk li l-Ministru tas-Saħħa wieġeb li dan is-servizz, li jieħu proċess twil, jinvolvi ħafna elementi. Dan jinkludi sapport ta’ nutrizzjonist, sapport psikoloġiku kif ukoll professjonisti li jagħmlu operazzjonijiet. Madankollu huwa spjega li bħalissa qed isiru l-arranġamenti neċessarji biex jingħata aktar taħriġ u esperjenza, minn ċentru speċjalizzat minn barra minn Malta.

Kura għal persuni obeżi, lil hinn minn nutrizzjoni 

Grima kompliet tgħid li aktar milli niffukaw fuq pazjenti li jitilfu l-piż biss, il-professjonisti għandhom joħolqu sistemi ta’ kif persuni obeżi jistgħu jtejbu l-ħajja ta’ kuljum permezz ta’ modifiki żgħar, li jistgħu jħallu impatt kbir. 

“Nistgħu ngħinuhom saħansitra mil-lat ta’ infrastruttura. Eżempju, inwessgħu l-bankini u postijiet pubbliċi, fejn dak li jkun jista’ jaċċessa postijiet speċifiċi permezz ta’ mixi. Kif ukoll ikunu aktar aċċessibbli għal persuni obeżi li jkollhom problema ta’ mobiltà,” spjegat Grima. In-nutrizzjonista saħansitra ssuġġeriet titjib fl-effiċjenza tat-trasport pubbliku biex dak li jkun ma jaqtax qalbu jagħmel użu minnu. Għaldaqstant tgħid li permezz tat-trasport pubbliku, persuna tkun qiegħda tiċċaqlaq u timxi aktar. 

Grima kompliet tgħid li hu importanti li dak li jkun ikollu esperjenza teknika u jkun imħarreġ u aġġornat, “għax bħal kull settur ieħor il-kamp tal-obeżità, dejjem nitgħallmu affarjiet ġodda”. Qalet ukoll li wieħed irid iqis li l-obeżità hi marda kronika u sfortunatament ikun hemm possibilità li jerġgħu jaqgħu għat-tentazzjoni. 

Fl-aħħar temmet tgħid li huwa kruċjali li dawk kollha li jaħdmu ma’ persuni obeżi għandhom juru empatija lejhom u jitrattaw l-obeżità bħal mard ieħor, mingħajr ma jiġġudikaw lill-pazjent.

Minn fejn ġejja l-problema ta’ obeżità?

“Kif nafu, il-problema ta’ obeżità f’Malta, hija waħda kbira”, hekk qal il-personal trainer Kurt Camilleri mal-ILLUM. Dan filwaqt li saħaq li għandna bżonn li niġġieldu l-obeżità b’mod ħolistiku. 

Huwa spjega li apparti l-fatt li rridu nieħdu ħsieb in-nutrizzjoni irridu naraw l-aspett pskiloġiku ta’ kif niġġieldu din il-marda. Huwa sal li rridu naraw li jkollna stil ta’ ħajja aktar sostenibbli u nkun aktar attivi fiżikament.

“Jiena nemmen li qed ngħixu f’soċjetà fejn niġu bbumbardjati mill-midja, speċjalment minn riklami, li l-ħin kollu jippromwovu l-ikel. Ovvjament meta tkun daqstant ibbumbardjat minn dawn ir-riklami, għandek aktar ċans li jaqbdek l-aptit biex tipprova dan l-ikel,” qal Camilleri. 

Huwa qal lil din il-gazzetta li numru sostanziali ta’ nies iduru għall-ikel bien iħossuhom aħjar meta jkollhom ħafna stress u ansjetà. “Ħafna nies jiżvugaw fl-ikel biex iħossuhom tajjeb. Ovvjament tħossok tajjeb f’dak il-mument u aktar tard tħossok agħar,” temm jgħid Camilleri. 

More in Socjali