Ottubru jagħmel tajjeb għal Settembru? Bidu ta' Ħarifa aktar sħuna u xotta

F'Sttembru għamlu 18.4 mm ta' xita meta n-norma hija ta' 58mm

Minkejja li bħalissa qed nibdew naraw l-ewwel ġranet inqas sħan, b'arja ħafna iktar friska u ġranet ta' xita u maltemp  - b'ħafna jieħdu ftit tar-ruħ wara nixfa u Sajf kefrin - il-bidu tal-istaġun xorta kien immarkat b'inqas xita u aktar sħana minn norma. Fil-fatt - skont l-Uffiċċju Meteroloġiku - Settembru ġab miegħu tliet maltempati bir-ragħad fl-ewwel għaxart ijiem tax-xahar u anki l-ewwel ħalbiet tax-xita tal-ħarifa meteoroloġika. Madankollu, ix-xita li tkejlet tul Settembru ammontat għal biss 18.4mm u għalhekk ma laħqitx in-norma klimatika għax-xahar ta’ 58.1mm.

Il-bidla fl-istaġun ġabet ukoll sema aktar imsaħħab.

Minkejja kopertura tas-sħab eħfef, Settembru ma kienx xemxi daqskemm mistenni. Is-sigħat xemxin li tkejlu matul ix-xahar ammontaw għal 245.4, jiġifieri 8.7 sigħat taħt in-norma klimatika. Filwaqt li fl-aktar jum xemxi ta’ Settembru tkejlu ftit aktar minn 11-il siegħa xemxin, fl-aktar jum mudlam, ix-xemx xirfet biss għal 30 minuta.

It-temperatura medja tal-arja għal Settembru kienet ta’ 26.3°C, u għaldaqstant sebqet in-norma klimatika b’1.6°C. L-aktar temperatura baxxa tax-xahar ta’ 20°C ġiet irreġistrata fid-disa’ jum, meta ġiet esperjenzata waħda mit-tliet maltempati bir-ragħad għal Settembru. L-ogħla temperatura ta’ 34°C imbagħad intlaħqet 10 ijiem wara.

Tul Settembru l-baħar baqa’ sħun, bit-temperatura medja tal-wiċċ titlef grad Ċelsius meta mqabbla ma’ Awwissu u tilħaq 28°C. Din it-temperatura medja wkoll kienet ogħla min-norma ta’ 25.5°C 

Settembru kien xi ftit aktar mirjieħ milli mistenni, bil-veloċità medja tar-riħ tkun ta’ 7.7 knots minflok in-norma ta’ 7.1 knots. Fis-seba’ u l-ħdax-il jum ta’ Settembru tkejlu buffuri massimi ta’ 26 knots li kienu ġejjin mill-Grigal u l-Majjistral rispettivament.

More in Socjali