Il-każi ġodda ta' Covid-19 jinżlu għal 35 u r-rata ta' pożittività tinżel ukoll għal 1%

Persuna oħra titlef ħajjitha filwaqt li kienet pożittiva għall-Covid-19 - filwaqt li jfiqu 40 persuna oħra 

Il-każi attivi komplew neżlin għal total ta' 681 hekk kif il-każi l-ġodda niżlu wkoll biex fl-aħħar 24 siegħa rriżultaw 35 każ ġdid minn total ta' 3,440 swab test. Dan ifisser li r-rata ta' pożittività fl-aħħar jum  niżlet għal 1%. 

Fl-istess ħin fiequ 40 persuna. 

Sfortunatament mietet persuna oħra - anzjan ta' 65 sena - li kien pożittiv għall-Covid-19, biex it-total ta' persuni li mietu waqt li kienu pożittivi għall-virus minn Marzu 2020 issa tela' għal 437.

Intant in-numru ta' dożi li ngħataw sal-bieraħ beda riesaq sew lejn it-800,000, b'total ta' 792,173 doża. Sa issa 409,969 persuna ħadu t-tieni doża tal-vaċċin ukoll. 

Dalgħodu id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal illi sa issa 90% tal-poplu Malti huwa vvaċċinat - fost l-ogħla fid-dinja, fil-fatt. Huwa ħabbar ukoll illi mis-6 ta' Settembru attivitajiet bilwieqfa għal 100 persuna se jibdew jitħallew isiru. 

More in Socjali