Mis-6 ta' Settembru, attivitajiet ta' 100 ruħ bilwieqfa se jkunu permessi

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jgħid li 90% tan-nies kollha li għandhom iktar minn 12-il sena ġew imlaqqma kompletament kontra COVID-19

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mis-6 ta' Settembru li ġej se jkunu jistgħu jibdew isiru attivitajiet b'massimu ta' 100 ruħ bilwieqfa basta jkunu mlaqqma kompletament.

F'konferenza tal-aħbarijiet, Fearne spjega li dan qiegħed isir wara li saret konsultazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Arti u tal-Industrija tad-Divertiment, l-MEIA, fid-dawl tal-aħħar kisba li għamlet Malta fejn tidħol is-sitwazzjoni tal-pandemija.

Fil-fatt hu spjega kif Malta issa għandha 90% tan-nies kollha li għandhom iktar minn 12-il sena mlaqqma kompletament kontra COVID-19. Hu ddeskriva dan bħala 'rekord assolut' iżda semma wkoll li għad hemm persuni fl-isptar li qed jiġu rikoverati għall-Covid-19, bil-maġġoranza tagħhom mhux imlaqqma. 

Minn barra dan, Fearne ħabbar li mit-13 ta’ Settembru li ġej, il-Gvern se joffri l-booster tat-tilqima tal-COVID għal dawk in-nies li s-sistema immunitarja tagħhom hija dgħajfa, fosthom persuni li qegħdin jieħdu trattament kontra l-marda tal-kanċer kif ukoll ir-residenti li jgħixu f'dar tal-anzjani.

Huwa żvela li 60,000 persuna li huma mlaqqma, għamlu dan permezz tal-walk-in clinics, rigward iċ-ċertifkat tal-vaċċin hu qal li s'issa tniżżlu sa' 320,000 ċertifikat.

Dawk li se jieħdu it-tielet vaċċin, xorta se jkunu jistgħu jniżżlu ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Hu temm jgħid li bħalissa għaddej ukoll studju biex jiġi stabbilit jekk għandhomx jitlaqqmu wkoll l-anzjani kollha ta’ ‘l fuq minn 70 sena li jgħixu fil-komunità.

More in Politika