'Għandi l-mara bil-kanċer, biex nixtrilha l-pirmli jkolli mmur nbigħ il-ħwejjeġ fit-triq'

Il-ħelu tradizzjonali Malti, t-tieni ħelu li ġabu f’Malta l-kavallieri, dak li UNESCO tqis bħala ‘wirt kulturali intanġibbli’, il-qubbajt. Imma x’sar minnhom tal-qubbajt issa li l-festi waqfu? 

Il-Ħadd filgħaxija, dawl jimla it-toroq tar-raħal u l-bandalori jisirqu l-ħars bil-kuluri jixgħelu. Filwaqt li l-banda tkompli bil-briju, taħt id-dawl tal-murtali, it-tfal jiġru wara xulxin b’xi faqqaturi f’idejhom. Imbagħad minn taħt il-għajn tara lil tal-qubbajt, lest biex ibigħ il-ħelu tradizzjonali tal-festi f’kull lewn u għamla. 

Naturalment huma ħafna li jħossu għafsa ta’ qalb meta jiftakru li baqalna biex nerġgħu nesperjenzaw dan kollu. Minkejja dan meta xi ħadd jsemmi lin-nies li sofrew bil-waqfa tal-festi kawża tal-pandemija, ħafna jaħsbu f’tal-kamra tan-nar, f’tal-armar u fil-Knisja stess. Mhux ħafna jiġihom f’moħħhom in-nies li kienu jarmaw it-toroq bl-imwejjed u l-vannijiet lesti biex jimlulna żaqqna bl-ikel. Allura x’ġara minnhom dawk tat-trakkijiet, tal-ħelu u tad-donuts Amerikani mgħerqin fiz-zokkor? Fuq kollox x’ġara minnhom tal-qubbajt? Sfortunatament ir-risposta mhux xi waħda feliċi. 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' manifattur fuq bażi full-time tal-qubbajt, Robert Caruana, kif ukoll ma’ bejjiegħ li kien jarma fil-festi, Ivan Delia. 

“Ħadd ma għinni lili” - Robert Caruana 

Robert Caruana, raġel tal-familja li flimkien ma’ żewġ uliedu, martu u disa’ impjegati oħra kienu jqassmu l-qubbajt kull ġimgħa fi rħula differenti.  

Caruana, magħruf ukoll bħala ‘Iż-Żebbuġi’, beda’ billi spjega li hu kellu jbiddel ix-xogħol u l-kumpanija, Bee-Hive, li ilha fil-familja għal tlett ġenerazzjonijiet kellha tieħu pawża. Minflok hu qiegħed jdur bil-ħwejjeġ fit-toroq filwaqt li jaħdem fuq ħelu ieħor tal-istaġun bħal ma huma l-figolli u l-prinjolata. Spjega wkoll li l-ftit qubbajt li jagħmel jinbiegħ fil-ħwienet għat-turisti iżda l-bejgħ tiegħu huwa ftit. 

Bee-Hive huwa negozju stabbilit fl-1948. Missieru, Carmelo, kien waqqaf dan in-negozju u meta kiber Caruana, beda' jieħu ħsieb n-negozju hu, wara bdew jieħdu ħsieb ukoll uliedu. 

Matul dawn is-snin twal ta' suċċess, il-kumpanija baqgħet impenjata tipprovdi l-ħelu fil-festi u fil-fatt kien dan li wassal lil Caruana biex jixtri tlett kumpaniji oħra tal-qubbajt li kienu jaħdmu fuq bażi part-time.  

 “Hi tal-qsim il-qalb li tkeċċi lill-impjegati tiegħek imma ħafna aktar tal-qsim il-qalb meta tkeċċi lill-uliedek stess.” Hekk wieġeb Caruana meta beda’ jirrakonta dak li ġarrab.  

Il-gazzetta staqsietu jekk pruvax isib għajnuna u b’dispjaċir kbir hu qal li prova minn kollox inkluż li jirċievi l-wage supplement li pprovda l-Gvern f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Caruana qal li l-Malta Enterprise qaltlu biss li hu “każ uniku” iżda li ma tista tagħmel xejn, speċjalment għax diġà keċċa lill-impjegati.  

Qalilna ukoll li prova jġib permessi biex jarma fil-pellegrinaġġi jew f’attivitajiet simli iżda l-permess ma ngħatax għax qalulu li negozju bħal tiegħu jaf jattira wisq nies mal-mejda.  

Caruana bl-ikbar dieqa qal li issa l-mara tiegħu mardet ukoll bil-kanċer. “Il-mara marditli bil-kanċer, irrid nixtrilha l-mediċina. Hemm pirmli minnhom €84 għal 20 pillola. Kelli noħroġ nbiegħ il-ħwejjeġ biex forsi inmantni lill-familja.” 

Iż-Żebbuġi, kif inhu popolarment magħruf, temm jgħid li hu japprezza nies li jipprovaw jgħinu anke billi jiġġieldu għal wirt Malti bħal dan. Fosthom semma lid-Deputat Godfrey Farrugia li prova jtella dan is-suġġett fil-Parlament Malti, "iżda sfortunatament waqa' fuq widnejn torox." 

Il-qubbajt Malti jiġi nnutat minn UNESCO bħala ‘wirt kulturali intanġibbli’ minħabba li skont huma “hu trasmess minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, huwa kostantement maħluq minn rispons ta' komunitajiet u gruppi, u jipprovdilhom sens ta' identità u kontinwità, u b'hekk jippromwovu r-rispett għad-diversità kulturali u l-kreattività umana” 

Robert Caruana jibża li hekk sa sena oħra ma jsibx mod kif jarma għal festi, se jkollu jagħlaq kompletament. 

“Tat-trakkijiet tqabbilhomx magħna, għax dawk b’xi mod baqgħu għaddejjin” - Ivan Delia 

Il-gazzetta ILLUM tkelmet ukoll ma’ eks impjegat ta’ Caruana biex tara kif din is-sitwazzjoni laqtet lilhom ukoll.  

Ivan Delia, spjegalna li huma kien jagħmlu dan ix-xogħol fuq bażi part-time. Il-maġġoranza tal-ħaddiema jaħdmu bħala xufiera matul il-ġurnata, l-aktar xufiera tal-ambulanzi u tat-taxi. 

Delia ma kienx kunfidenti li qatt se jsibu għajnuna għax wisq jibża li l-bejjiegħa tal-qubbajt mhumiex apprezzati biżżejjed. Delia qal li l-iktar li jinkwieta hu propju għal Robert Caruana. “Ma naħsibx li se jiġri xi ħaġa u jekk ma jiġri xejn dik se tkun l-aħħar daqqa għalih” 

Mistoqsi mill-ILLUM x’jaħseb li sar minnhom bejjiegħa oħra tal-ikel hu wieġeb illi “tad-donuts ma nafx. Imma dawk tat-trakkijiet tqabbilhomx magħna, b’xi mod xorta baqgħu għaddejjin” 

Ivan Delia
Ivan Delia

Ftit informazzjoni fuq il-qubbajt 

L-ewwel referenzi rreġistrati għal cobaytaro (bejjiegħ tal-qubbajt) imorru lura għall-Ordni ta’ San Ġwann (1530-1798). Mikiel Anton Vassalli ddeskriva l-ingredjenti ewlenin għal tip ta' qubbajt magħmul fi żmienu bħala, taħlita magħmula minn żerriegħa tal-ġulġlien, lewż, għasel u zokkor. Jidher li l-prattika tradizzjonali li ddawwar il-ħlewwa fuq ċangatura tal-irħam biex tiksaħ qabel ma taqta' f'porzjonijiet iżgħar, tmur lura għal dan il-perjodu wkoll. 

Fis-sajf, Robert Caruana kien iqatta ma’ 12-il siegħa kuljum jipproduċi l-qubbajt, kemm dak tradizzjonali u dak iebes. 

More in Socjali