Aktar spejjeż għall-għarajjes u iżjed xogħol għall-operaturi; L-ILLUM titkellem ma’ organizzaturi tat-tiġijiet

L-għarajjes qed jidħlu f’aktar spejjeż minħabba t-tieġ? Qed ikopru l-ispejjeż bir-rigali? X’jiġri meta koppja tipposponi t-tieġ? Kemm hu faċli tinstab alternattiva? X’qed jiġri mid-depożitu? L-ILLUM titkellem mal-organizzaturi u dawk li jippjanaw it-tiġijiet

Fi tmiem il-ġimgħa malli tiftaħ Facebook ħlief ritratti ta’ tiġijiet ma’ ssibx. Wara żmien fejn dawn kienu wieqfa għal kollox, issa t-tiġijiet donnhom qed isiru kollha f’salt. Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ organizzaturi u l-planners tat-tiġijiet, kemm dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-koppji, iżda anke sfidi li għaddew minnhom huma, partikolarment minħabba l-posponimenti tad-dati.

L-operaturi kollha qablu li l-koppji spiċċaw daħlu f’aktar spejjeż, għax apparti li jridu jaddattaw it-tieġ skont iċ-ċirkostanzi, bħal ngħidu aħna jikru l-imwejjed u s-siġġijiet jew aktar wejters, qed idaħħlu inqas flus mir-rigali għax kellhom jillimitaw il-mistiedna.

Għall-organizzaturi u l-planners jidher li x-xogħol żdied mhux ħażin, mhux biss biex jassiguraw li kulħadd iżomm mar-regoli, iżda b’mod partikolari meta koppja tipposponi t-tieġ u jkollhom kważi jerġgħu jippjanaw u jorganizzaw kollox mill-ġdid.

Fil-fatt il-posponiment tad-dati jew saħansitra l-kanċellazzjoni tat-tiġijiet wassal ukoll għal kwistjonijiet dwar id-depożiti, b’uħud mill-każi saħanistra jispiċċaw quddiem l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatu (MCCAA).

X’qalulna l-operaturi?

Jurgen Briffa
Jurgen Briffa

‘Qabel żewġ terzi tat-tieġ kienu jiġbruh mir-rigali ... illum le’

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM l-organizzatur tat-tiġijiet, Jurgen Briffa, saħaq li ma jaħsibx li l-għarajjes daħlu f’aktar spejjeż, iżda spjega kif xorta waħda qed jispiċċaw joħorġu aktar flus, għax minħabba l-limitu fuq l-għadd ta’ mistiedna, ir-rigali qed jonqsu.

“Qabel kont nikkalkula li żewġ terzi tal-ispejjeż, jinġabru mir-rigali. Illum ngħid li l-għarajjes qed joħorġu minn buthom nofs l-ispejjeż,” insista.

‘Nies akbar fl-età jippreferu dan l-istil ... iż-żgħażagħ iridu l-briju’

Mistoqsi dwar l-istil tat-tiġijiet, li f’Malta mhuwiex daqstant komuni, Briffa saħaq li fost koppji li huma xi ftit aktar avvanzati fl-età, l-istil qed jintgħoġob u qed ikun ippreferut. Insista li s-servizz, fosthom il-fatt li għandek wejter li qed iservi anke x-xorb, qed jinżel tajjeb.

“Ħafna qed jippreferu dan l-istil għax forsi aktar pulit. Madanakollu ż-żgħażagħ għadhom qed ifittxu l-briju. Hemm numru żgħir li xorta waħda għadhom qed jipposponu minħabba dan il-fatt,” insista.

Mistoqsi dwar il-posponimenti, Briffa saħaq li dan żied ħafna x-xogħol tal-organizzaturi, għax fi kliemu, kull darba jkunu jridu jgħaddu l-proċess kollu kważi mill-bidu.

“Kien hemm minn ippospona anke ħames darbiet. Mhux faċli. Tkun ilek tippjana tieġ xi tliet snin. Kontinwament tlifna l-flus,” insista. “Hemm min qed jipposponi fl-għama għax ħadd ma jaf kif se nkunu s-sena d-dieħla.”

Kwistjoni dwar id-depożitu: ‘Ħafna mix-xogħol ikun diġà sar’

Fid-dawl ta’ dan Briffa saħaq li ħafna organizzaturi u planners tat-tiġijiet qed ikollhom kwistjonijiet rigward id-depożitu, għax koppji qed jitolbuhom lura, meta x-xogħol, min-naħa tal-operaturi, ikun ilu li sar. Fil-fatt, dan kien ikkonfermat mal-ILLUM minn operaturi oħra wkoll. 

Saħanistra saħaq li hemm każi li spiċċaw quddiem it-Tribunal (aqra aktar ‘il quddiem), bl-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, tobbliga operaturi biex jagħtu d-depożitu lura.

“Ħafna ma jaffordjawx dan għax marru ħafna lura u x-xogħol ikun diġà sar. Tagħti depożitu lura meta t-tiġijiet jistgħu jsiru?” staqsa Briffa. 

Alexia Azzopardi
Alexia Azzopardi

‘Kien hemm min kellu jipposponi ħames darbiet ... ix-xogħol għalina l-organizzaturi żdied’

Alexia Azzopardi, minn Wed in Malta, kumpanija li tassisti l-koppji biex jippjanaw it-tiġijiet, qalet li minħabba s-sitwazzjoni u anke r-restrizzjonijiet, l-għarajjes qed jidħlu f’aktar spejjeż meta jiġu biex jorganizzaw it-tieġ tagħhom.

Fakkret kif ħafna mill-operaturi tal-catering f’Malta ma kinux imdorrija b’tiġijiet fejn il-mistiedna jibqgħu bilqiegħda mal-imwejjed u għalhekk ma kinux attrezzati bl-imwejjed u s-siġġijiet. Dawn l-ispejjeż kellhom jidħlu għalihom il-koppji. 

Apparti minn hekk, kompliet tispjega, minħabba l-fatt li l-mistiedna jibqgħu bilqiegħda, irid ikun hemm ukoll aktar wejters, inkluż biex iservu x-xorb u għalhekk, jekk koppja trid li jkollha servizz tajjeb, riedet tinvesti f’aktar riżorsa umana.

Il-fatt li t-tiġijiet issa qed jieħdu forma ta’ ikliet, l-għarajjes iridu jaħsbu wkoll għall-ikel tal-istaff, bħalma huma l-fotografi, li jkunu ilhom ġurnata mal-għarajjes, il-mużiċisti u oħrajn.

“Qabel kien jgħaddi tray u jieħdu mal-mistiedna. Issa trid taħseb għall-ikel tagħhom ukoll,” kompliet tgħid. “Dan apparti l-istaff biex jieħdu t-temperaturi, jieħdu d-dettalji tal-mistiedna, is-sanitisers u oħrajn.”

‘Kien hemm min ippospona ħames darbiet’

Min-naħa tal-operaturi, Azzopardi spjegat kif ix-xogħol għalihom żdied ħafna wkoll. Fi kliemha kien hemm għarajjes li kienu kostretti jipposponu t-tieġ ħames darbiet u kull darba, l-organizzaturi, ikollhom jagħmlu kuntatt mal-operaturi kollha biex jassiguraw li huma disponibbli. 

“Dan mhux faċli, speċjlament issa li qed isiru ħafna tiġijiet f’salt. Apparti minn hekk issa irridu nassiguraw ukoll li jkunu implimentati l-miżuri, li s-siġġijiet u l-imwejjed ikunu bid-distanza, fost oħrajn,” kompliet tisħaq. Fil-każ tagħha, Azzopardi tassisti wkoll koppji barranin li jagħżlu Malta għall-ġurnata speċjali tat-tieġ tagħhom u għalhekk jidħlu wkoll kwistjonijiet marbuta mar-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar.

Kwistjoni depożitu: ‘Mhux ġust għax inkunu ilna snin naħdmu’

Dwar il-kwistjoni tad-depożitu, Azzopardi kkonfermat li qed ikun  hemm xi kwistjonijiet bejn koppji u organizzaturi, anke jekk hi ma kellix minn dawn il-problemi.

“Mhux ġust għax aħna nkunu ilna snin naħdmu fuq tieġ u ħafna mix-xogħol ikun sar. Tieġ bħalissa xorta waħda jista’ jsir,” insistiet.

‘Bajja mimlija n-nies u l-mistiedna ma jistgħux jiċċaqilqu’

Temmet ukoll tisħaq li ma taqbilx lanqas mal-fatt li bħalissa, anke wara l-ikel, il-mużika trid tibqa’ baxxa u ħadd ma jista’ jqum jiżfen.

“Għandna sitwazzjoni fejn il-bajjiet qed ikunu mifqugħha u n-nies fis-sala ma jistgħux jiċċaqilqu minn posthom,” temmet tgħid. 

Ivan Silvio
Ivan Silvio

‘In-natura tat-tiġijiet inbiddlet u għandna ħafna aktar responsabbilità’

Anke Ivan Silvio, minn Pearl Weddings Malta kkonferma mal-gazzetta ILLUM li t-tiġijiet kif qed isiru llum, minħabba l-pandemija qed ifissru aktar spejjeż għall-għarajjes.

Apparti l-ikel, li fi kliem Ivan Silvio, jiswa aktar minn meta qed isservi finger food, minħabba l-limitu u r-restrizzjonijiet, il-koppji qed ikollhom ifittxu swali akbar biex ikunu jistgħu jakkomodaw il-massimu ta’ 300 persuna.

Dan biex ma nsemmux il-bżonn li jkollhom aktar wejters u staff biex ikunu jistgħu jaqdu lill-mistiedna.

‘Ħafna ma kinux imdorrija b’dan l-istil...’

Mistoqsi kif il-pandemija affetwat ix-xogħol tiegħu, Ivan Silvio qal li hu kien ikollu ħafna talbiet minn koppji barranin biex jiżżewġu f’Malta u li dan is-suq għadu kważi wieqaf għal kollox.

“In-natura tat-tiġijiet inbidlet u trid toqgħod aktar attent biex tara li kulħadd jimxi mar-regoli u li l-mistiedna kollha jkunu servuti bl-aħjar mod,” insista. “Ħafna mill-operaturi tal-catering mhumiex imdorrija b’dawn it-tip ta’ tiġijiet, anke l-wejters u għalhekk, għalina, ir-responsabbilità kibret.”

Depożitu: ‘Ħadd ma kien ippreparat għal ċirkostanzi bħal dawn’

Ikkonferma wkoll dak li qalu l-organizzaturi u l-planners l-oħra, jiġifieri li qed ikun hemm kwistjonijiet minħabba d-depożitu. Semma każi fejn pereżempju l-operatur tal-catering ikun diġà ħa d-depożitu, iżda t-tieġ jiġi pospost u hu ma jkunx jista’ fil-ġurnata l-ġdida.

“Ħadd ma kien ippreparat għal ċirkostanzi bħal dawn,” insista.

‘Il-miżuri qegħdin hemm għal raġuni’

Mistoqsi dwar ir-restrizzjonijiet fuq it-tiġijiet u jekk dawn humiex ġusti, Ivan Silvio qal li jweġġa’ meta jara operaturi oħra, jew negozji jew individwi jiksru r-regoli, iżda fi kliemu, għax persuna tikser ir-regoli, ma jfissirx li kulħadd għandu jagħmel hekk.

“Il-miżuri qegħdin hemm għal raġuni. Fl-aħħar mill-aħħar irridu nimxu magħhom,” temm jisħaq.

  • Ivan Silvio tkellem f'isem il-mara tiegħu Florinda li tmexxi l-kumpanija iżda mhijiex kunfidenti fil-Lingwa Maltija

Abigail Mamo
Abigail Mamo

‘Hemm kumpaniji li jfallu jekk jagħtu lura d-depożitu kollu’

Dwar il-kwistjoni tad-Deposits, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għall-Intrapriżi ż-Żgħar u Medji, Abigail Mamo, li kkonfermat li qed ikun hemm organizzaturi u planners tat-tiġijiet li qed jiffaċjaw din il-problema, minkejja l-iskema tal-Gvern għar-rifużjoni tad-depożitu għal dawk l-għarajjes li kellhom jipposponu t-tieġ.

Mamo fakkrek li l-liġi tal-konsumatur tgħid li jekk xi ħadd mill-partijiet f’kuntratt ma jonorax l-obbligi tiegħu, jew jitlef id-depożitu (f’każ tal-klijent) jew jagħti d-depożitu lura (f’kas tan-negozju).

“Madanakollu din il-liġi tapplika għal żminijiet normali,” insistiet Mamo waqt li saħqet li bħalissa t-tort la qed ikun tal-operatur u lanqas tal-koppji. Għalhekk il-Gvern kien ħareġ din l-iskema.

Fi kliem Mamo, tant kemm dawn l-operaturi marru lura fi żmien il-pandemija, meta s-settur tagħhom kien waqaf għal kollox, illi li kieku kellhom jagħtu d-depożitu kollu lura, kienu jfallu, waqt li fakkret li x-xogħol biex jiġi organizzat tieġ jibda mhux minn xhur, imma minn snin qabel u għalhekk ħafna mill-flus tad-depożitu jkunu ħarġu.

Hawn tidħol l-iskema tar-rifużjoni tad-depożitu. Madanakollu Mamo qalet li ġieli kien hemm każ fejn koppja ħadet ir-rifużjoni permezz tal-iskema tal-Gvern, iżda xorta waħda marret quddiem l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Saħanistra kien hekk koppji li fetħu kawżi kontra l-operaturi quddiem it-Tribunal.

“Li qed jiġri huwa wkoll li l-massimu ta’ €2,000 li qed jagħti l-Gvern ġieli ma jkoprix l-ispejjeż kollha. Hawn għadu qed jinqala’ ftit tal-inkwiet,” saħqet Mamo. “Bi ftit mhux qed ikopri. Ikun hemm operaturi li ma jkunux disponibbli f’data oħra, imma mhux kollha.”

Qalet li wieħed jifhem dak li għaddew minnu l-koppji, imma wieħed irid jifhem ukoll lil dawn l-operaturi li tilfu ħafna mix-xogħol u daħlu wkoll f’ħafna kumplikazzjonijiet minħabba koppji li kellhom jipposponu t-tieġ diversi drabi.

Insistiet li min-naħa tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji qed jgħinu lill-membri biex iħejju lilhom infushom għal dawn iċ-ċirkostanzi, waqt li saħħqet li ħafna mill-operaturi qed jagħmlu minn kollox biex jgħinu lill-koppji, minkejja li tilfu ħafna mix-xogħol tagħhom u daħlu wkoll f’ħafna aktar kumplikazzjonijiet.

More in Socjali