‘Aħna warajk,’ ‘nemmnu fik,’ ‘se tagħmilna kburin,’ ‘ifqa’ sala’ ... Id-dilettanti tal-Eurovision jawguraw lil Destiny

Ftit sigħat biss qabel l-ewwel semifinali li fih Destiny se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest, il-gazzetta ILLUM titkellem mad-dilettanti. X’jaħsbu fuq Je Me Casse? X’jixtiequ jaraw? Jekk nirbħu x’se jagħmlu? X’jixtiequ jgħidu lil Destiny

Destiny serqet qalb kulħadd. Din hija l-ġimgħa tagħha. Id-dilettanti tal-Eurovision żgur li mhux se taqlagħhom minn quddiem it-televiżjoni iżda tista’ tgħid li llejla kulħadd se jkun imwaħħal fuq is-sufan jistenna l-mument ta’ Malta.

Il-Eurovision minn dejjem kien maħbub f’Malta u jiġbed lejh ċertu interess imma aktar u aktar meta jkollok kanzunetta bħal Je Me Casse u kantanta mill-aqwa bħal Destiny li dwarhom ikunu qed jitkellmu d-dilettanti tal-Eurovision madwar l-Ewropa kollha u lilhinn.

Għalhekk, ftit sigħat biss qabel l-ewwel semifinali li Malta se tieħu sehem fih, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi persuni, li kif ngħidu bil-Malti, huma “ffissati’ fil-Eurovision. Staqsejna lil dawn il-persuni erba’ mistoqsijiet:

  1. X’taħseb fuq il-kanzunetta Je Me Casse u fuq Destiny?
  2. X’tixtieq tara fuq il-palk?
  3. Jekk Malta tirbaħ il-Eurovision x’se tagħmel?
  4. X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil Destiny?

Dan huwa dak li qalulna:

‘Destiny diġà rebbieħa għax Malta kollha warajha

Ilni nsegwi dan il-festival sa mill-1991 meta Malta reġgħet bdiet tieħu sehem. Nemmen li l-kanzunetta ta' Destiny hija dik li ilna nistennew biex inkunu qrib l-ewwel rebħa. Vuċi b'saħħitha, melodija mexxejja u tema attwali għalkemm għandha l-istess idea ta' ‘Toy’ li rebħet fl-2018.

Fuq il-palk nixtieq nara spettaklu enerġetiku, li jkolli nammetti ma rajtux fl-ewwel provi li tat Destiny. Nemmen li hemm potenzjal kbir li mhux qed jintuża kollu. L-ingredjent ewlieni bla dubju hija l-vuċi ta’ Destiny, imma l-ispettaklu importanti wkoll.

Jekk nirbħu mhux se noħroġ inpaqpaq imma nifraħ ħafna għax jiena ‘hardcore fan’ tal-Eurovision u nsegwi kull selezzjoni li sseħħ fil-pajjiżi kollha minn Diċembru sa Marzu sakemm jintagħżlu l-kanzunetti kollha. Nieħu gost kieku wara bosta snin nospitaw il-konkors hawn Malta. Imma nżomm saqajja mal-art.

Lil Destiny ngħidilha tieħu gost fuq dak il-palk għax din esperjenza li mhu se tinsa qatt. Hi diġà rebbieħa għax Malta kollha warajha. Nemmen li tista' tikklassika mal-ewwel ħamsa imma jekk dan ma jseħħx xorta nbassar karriera fertili għaliha. Importanti dawk it-tliet minuti biex tirbaħ qalb il-pubbliku. Awguri Destiny u Malta.

‘Ikun xi jkun ir-riżultat, il-Eurovision huwa biss l-ewwel pass għalik’

Bħala kanzunetta mill-ewwel laqtitni u Destiny, bħas-soltu, kif taf tagħmel hi, qaxrita! Destiny hija kantanta unika u ma jkollokx spiss kantanti ta’ vera bħal dawn għaliex hija kompluta. Je Me Casse kienet pinġunta għaliha u tixraqilha ħafna.

Nixtieq li Destiny tkun komda b’dak li se jkollha magħha fuq il-palk. Nixtieq li bħala pakkett ikun komplut. Hija kantanta żagħżugħa u bħala viżwal irid jikkumplimenta l-karatteristika, kemm tal-kanzunetta u anke tal-kantanta nnifisha. Dan anke biex joħroġ il-messaġġ tal-kanzunetta.

Mistoqsija ħelwa għalina li nitilgħu kull sena għal dan il-festival. Din is-sena hija dieqa għalina li mhux se nkunu hemm. Kieku nkun hemm lanqas nimmaġina xi tkun ir-reazzjoni. Ma nafx inwerżaqx, nibkix bil-ferħ jew ngħajjatx kemm niflaħ: Viva Malta. Dan il-festival ifisser wisq għaliha u għal sħabi!

Destiny jiena kont rajtek l-ewwel darba tkanta fl-2014 waqt festival tat-tfal u x’ħin rajtek għidt li din it-tifla se nisimgħu ħafna biha. Mort il-Junior Eurovision u erbaħtu. Illum sirt kantanta bravissima u unika f’pajjiżna. Awguri mill-qalb u j’Alla tieħu gost f’dawk it-tliet minuti. Ikun xi jkun ir-riżultat, il-Eurovision huwa biss l-ewwel pass għalih. Dan huwa biss il-bidu tal-karriera tiegħek! Awguri sabiħa! Malta warajk.

‘Ċerta li se tagħti l-100% tiegħek! Jien nemmen ħafna fik’

Bla dubju ta’ xejn, għalija Je Me Casse hija waħda mill-isbaħ kanzunetti li kellha Malta.

Sinċerament jien naħseb li leħen Destiny huwa biżżejjed. Ovvjament id-dwal, l-enerġija taż-żfin u fatturi oħra huma importanti wkoll.

Jiena nitla’ kull sena. Żgur li jekk nirbħu se nibki bikja ta’ vera għax mhux se nkun preżenti fis-sala. L-ewwel ħaġa ngħannaq tgħannieqa kbira lil sħabi li nsegwi l-Eurovision magħhom. Imbagħad carcade kbira u ndoqqu kemm nifilħu. Mhux neskludi lanqas li jtini xi ħass ħażin bl-eċitament li jaqbadni.

Destiny hija tal-ġenn! Ibqa’ kif inti u tinbidel għal Ħadd. Ċerta li se tagħti l-100% tiegħek! Jien nemmen ħafna fik. Nawguralek li ġġib it-trofew lejn Malta. Jekk ma jirnexxilekx, ma jkun ġara xejn għax ċerta li se tkun qed tagħti wirja spettakolari u tagħmilna kburin.

‘Aħna warajk, nemmnu fik u kunfidenti li se tagħmilna kburin’

Naħseb li hija diska kurrenti u li kienet xi ħaġa li ħadd ma stenna minn Destiny, forsi għax konna drajniha tkanta ċertu stil ta’ diski matul X Factor. Togħġobni ħafna u nemmen li se togħġob lil ħafna Ewropej ukoll. Dwar Destiny nista’ ngħid li hi waħda mill-aqwa talenti li għandna f’Malta. It-talent tagħha ħadd ma jista’ jmerih u nemmen li se tħalli impatt kbir fil-Eurovision.

Nixtieq ħafna li nara spettaklu li jixraq artista bħalma hi Destiny u bħalma jixraq lid-diska Je Me Casse. Nixtieq nara prestazzjoni li turi lil Destiny kunfidenti, hi min hi, hi kif inhi. Ċert li tagħmel x’tagħmel se tħalli impatt u se tkun memorabbli għal kull min jaraha.

Jekk nirbħu l-Eurovision se niċċelebra bħal kull Malti naħseb! Għalkemm hawn Maltin li jgħidu li l-Eurovision jarawh bla skop, nemmen li dakinhar kulħadd se jkun qed jistennih. Ir-rebħ tal-Eurovision ilna nistennewh wisq. Minjaf! Forsi jkun din is-sena. Nirbħuh jew le, xorta nemmen li Destiny se taqta’ figura tajba għal pajjiżna.

Destiny, aħna warajk, nemmnu fik u kunfidenti li se tagħmilna kburin b’dak li toffri int fuq il-palk f’Rotterdam.

Destiny żomm saqajk mal-art u ibqa’ emmen fik innifsek

Il-kanzunetta Je Me Casse, naħseb jien, għandha messaġġ qawwi ħafna dwar kif persuna għandha tkun libera u tirreaġixxi kif tħossha hi mingħajr ma tweġġa’ lil persuni ta’ madwarha. Destiny għandha vuċi impekkabbli u ta’ barra minn hawn, li diffiċli ssib fi tfajla tal-età tagħha.

Destiny għandha kanzunetta li ggagħlek tiċċaqlaq u allura nixtieq li hija tiddomina l-palk biex bil-kanzunetta tagħha tużah kollu. Nixtieq li jkollha backdrop u staging ħaj għax nemmen li bil-kanzunetta pop tista’ toħloq spettaklu għall-udjenza tas-sala u anke għal kull min ikun qed isegwi mid-dar.

Din is-sena hija pjuttost differenti għalija għax minħabba l-pandemija ma stajtx nitla’ Rotterdam u nagħti l-appoġġ lill-kantanta li se tirrappreżentana ġewwa l-Olanda. Is-soltu nitla’ kull sena ma’ fans oħra Maltin li niffurmaw il-klabb lokali tal-Eurovision OGAE Malta. Imma jekk tirbaħ xorta waħda se nkun kuntent u naħseb li se noħroġ indoqq fit-toroq.

Destiny żomm saqajk mal-art u ibqa’ emmen fik innifsek. Tirbħu jew ma tirbħux, mhux se taqa’ d-dinja. Għadek żgħira u nemmen li se jkollok futur mimli esperjenzi sbieħ fix-xena mużikali, kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

‘Nawguralek minn qalbi! Itla’ fuq il-palk, oħroġ b’saħħtek u ifqa’ sala’

Aħna mdorrija ħafna naraw lil Destiny tkanta ballati (balads). Għalija li ħadu riskju u marru għal xi ħaġa li hija aktar fuq tagħha, aktar ħajja u li tirrappreżenta aktar il-karattru u l-età tagħha, kienet xi ħaġa tal-ġenn. Naħseb li dan kien riskju li ħadna u li niżel tajjeb ħafna man-nies. Minkejja dan, xorta naħseb li lil Destiny, tagħtiha x’tagħtiha, se tidħol għaliha, se toħroġ b’saħħitha u se tagħmel ħoss.

Fejn jidħol l-ispettaklu fuq il-palk, qed nittama li dak li rajna fil-vidjow ta’ Je Me Casse, narawh issa fuq il-palk f’Rotterdam. Il-vidjow kien tajjeb u ntlaqa’ tajjeb ħafna min-nies u għalhekk nittama li l-ispettaklu fuq il-palk ikun tajjeb daqsu. 

Jekk tirbaħ Malta ħasra waħda! Ma nistgħux imorru niltaqgħu magħha l-Ajruport, kif kieku żgur li nagħmlu. Imma nimmaġina li tkun xi ħaġa fenomenali. Probabbilment noħroġ ftit indoqq bil-karozza, kif jagħmlu meta jirbħu xi Inter jew hekk!

Nawguralha minn qalbi! Sejra tajjeb ħafna. Anke fl-intervisti kollha li qed ikollha, qed toħroġ b’saħħitha mmens. Nawguralek Destiny! Għamel dak kollu li taf! Oħroġ b’saħtek u ifqa’ sala!

More in Socjali