Forsi jaħdmu sa nofsinhar imma l-ħobż u l-festi għal qalbhom dejjem … Il-Qriema

Toroq dojoq kemm tgħaddi ruħ, riħa ta’ ħobż frisk minn sbieħ filgħodu, San Ġorġ u San Sebastjan … l-ILLUM iżur dan u aktar f’ Città Pinto 

X’hemm aħjar minn kisra ħobż tal-Malti bil-kunserva, melħ, bżar u naqra żejt? U minn fejn se ġġib l-aqwa ħobża tal-Malti? Ħeqq mhux ovvja Casal Fornaro, dar il-furnari. 

Ħal Qurmi jew aħjar Ħal Qormi hu belt fin-nofsinhar ta’ Malta, b’popolazzjoni ta’ ftit inqas minn 17,000 persuna li jagħmlu l-ħames l-akbar belt f’Malta. Din il-belt hi magħrufa bħala Città Pinto wara li ingħatat it-titlu mill-Gran Mastru Manuel Pinto De Fonseca fl-25 ta’ Mejju, 1743. Intant il-Qriema, l-aktar ix-xjuħ, jitkellmu d-djalett tal-post li jagħmel enfasi kbira fuq il-vokali. 

Il-Qriema huma magħrufa li jekk se jagħmlu xi ħaġa mhux talli jipprovaw jagħmluha l-aħjar iżda wkoll l-ikbar. Dan joħroġ ukoll permezz tar-reliġjon. Ħal Qormi, propjament il-parroċċa ta’ San Ġorġ, tospità waħda mill-iktar vari uniċi f’Malta; dik tal-aħħar ċena. B'żewġ parroċċi, waħda ddedikata lil San Ġorġ u oħra lil San Sebastjan diġà tista tgħid li hu raħal reliġjuż. 

Ħal Qormi magħruf ukoll li minnu ħarġu numru ta’ personalitajiet famużi fosthom, mhux President Emeritus wieħed iżda tnejn; George Abela u Marie Louise Coleiro Preca. Ħarġu wkoll politiċi prominenti fosthom eks-Ministru tal-Finanzi Laburista Lino Spiteri u l-eks-ministru Nazzjonalista George Hyzler, missier il-Kummisarju tal-Istandards preżenti. 

Ġurnalista tal-ILLUM sabet ruħa bl-aptit għal biċċa ħobż u niżlet fit-toroq dojoq ta’ Ħal Qormi tfittex furnar. Furnar instab mal-ewwel imma kif jafu ħafna ma tistax tmur Ħal Qormi u ma taqbadx konversazzjoni ma’ xi ħadd. Minn persuna spiċċaw tnejn u l-ILLUM bdiet titkellem ma’ ħafna fosthom il-mexxejja kemm politiċi u dawk reliġjużi ta’ dan ir-raħal. 

L-Arċipriet Mario Mangion - Knisja Kolleġġjata, Arċimatriċi u Arċipretali ta' San Ġorġ Martri 

L-Arċipriet Dun Mario Mangion mill-Knisja Kolleġġjata, Arċimatriċi u Arċipretali ta' San Ġorġ Martri
L-Arċipriet Dun Mario Mangion mill-Knisja Kolleġġjata, Arċimatriċi u Arċipretali ta' San Ġorġ Martri

Dar Alla iżda wkoll dar l-aħħar arti tal-artist Mattia Preti, l-ILLUM żaret il-kolleġġjata ta’ San Ġorġ.  

Tajjeb li niftakru li Ħal Qormi kien wieħed mill-għaxar parroċċi li diġà kienu jeżistu sal-1436 iżda l-knisja preżenti nbniet fl-1584. Iktar tard fis-6 ta ’Mejju 1731, l-istess knisja ġiet ikkonsagrata u fit-30 ta’ Ġunju, 2019 ġiet elevata għal kolleġġjata. 

L-Arċipriet Mario Mangion laqa’ l-gazzetta u wieġeb  bosta mistoqsijiet fosthom x’inhi l-itqal parti minn xogħlu u x’jippreferi, jekk hux jara film jew jaqra ktieb.  

Mistoqsi għaliex daħal għal saċerdot, l-Arċipriet qal li minn dejjem kellu xewqa li jaħdem għal ġid ta’ ħaddieħor. Vera li seta’ għamel xogħlijiet oħra biex jagħmel dan iżda dan l-iktar ‘xogħol’ li ġibdu.  

Hu qal li “tgħin in-nies mingħajr daqq ta’ trombi” hi fattur importanti ta’ xogħlu. L-Arċipriet stqarr ukoll li din is-sena il-festa mhux se tkun l-istess iżda qal li “dak kollu li nistgħu nagħmlu, se nagħmluh.”  

Is-Sindku ta’ Ħal Qormi  Josef Masini Vento  

Josef Masini Vento - Sindku ta' Ħal Qormi
Josef Masini Vento - Sindku ta' Ħal Qormi

Ftit passi ‘l bogħod mill-Knisja ta’ San Ġorġ, bit-tfal fl-iskola jċapċpu u l-għasafar ipespsu jiksru s-skiet, Josef Masini Vento tkellem fuq il-proġetti l-ġodda li se jkunu qegħdin isiru fil-lokalità bħar-restawr tan-niċeċ u l-ikbar sfidi li qed jaffaċjaw il-Qriema. 

Skont Masini Vento, l-akbar sfidi li qed jaffaċjaw huma relatati l-iktar mal-ambjent. Dan l-aħħar il-Kunsill Lokali diġà oġġezzjona publikkament għal bosta proġetti ta’ żvilupp, bl-aktar wieħed kontroversjali jibqa’ l-flyover tal-Imrieħel u l-iżvilupp fiż-żona tal-Ħandaq. Is-sindku enfasizza li diversi proġetti se jkunu qed jaffetwaw l-kwalità tal-ħajja u l-arja.  

In-nutar Josef Masini Vento ilu inqas minn sena sindku tal-Belt Pinto u minn meta laħaq għadu ma sabx mument kwiet, bix-xogħol dejjem jiżdied. 

Mistoqsi xi jdejqu l-aktar f’xogħlu, b’daħka wieġeb li jkun frustrat meta l-affarijiet ma jsirux bl-għaġġla li jkun ħasibhom hu iżda imbgħad l-ikbar sodisafazzjon jieħdu meta l-proġetti jitlestew. 

Is-Sindku jiddeskrivi lill-Qriema bħala nies b’qalbhom kbira u tajba u fakkarhom li hu aċċesibbli aktar milli jaħsbu u lest biex jgħinhom dejjem. 

Minority Leader  Jerome Caruana Cilia 

Jerome Caruana Cilia - Kunsillier u Minority Leader f'Ħal Qormi
Jerome Caruana Cilia - Kunsillier u Minority Leader f'Ħal Qormi

Il-gazzetta qabdet triqitha għall-Vitorja (żona bejn il-Paroċċa ta’ san Ġorġ u ta’ San Sebastjan). iżda mhux qabel ma għaddiet minn Ta’ Farsina fejn hemm tkelmet mal-Kunsillier u Minority Leader tal-PN Jerome Caruana Cilia. 

Caruana Cilia hu persuna li jħobb isir jaf nies ġodda, ikellimhom u jagħmel ħbieb. Apparti minn hekk hu jemmen li Ħal Qormi għandu potenzjal kbir li jkun post turistiku. Għal din ir-raġuni hu ġie mistoqsi fejn jieħu turist kieku jiġi f’Ħal Qormi. 

Hu wieġeb billi qal li ma jiħdux f’attrazzjoni waħda anzi joffrilu mawra mal-belt. “Nibda min-naħa magħrufa bħala tal-Bonċ,” beda’ jispjega. F’din iż-żona hemm ‘picnic area’ żgħira li mhux ħafna jafu biha.  

Hu kompla jgħid “wara nibqa sejjer sal-Knisja ta’ San Ġorġ u minn hemm nieħdu għal pjazza ta’ San Franġisk, nibqa tiela għaż-żona tal-Vitorja u imbgħad ninżel għal Knisja ta’ San Sebastjan u finalment nispiċċa fejn it-tribuna ta’ Pinto.” 

U hekk għamlet ukoll din il-gazzetta fi triqitha għall-Knisja Arċipretali ta' San Sebastjan Martri.  

L-Arċipriet Ewkarist Zammit - Knisja Arċipretali ta' San Sebastjan Martri 

L-Arċipriet Ewkarist Zammit mill-Knisja Arċipretali ta' San Sebastjan
L-Arċipriet Ewkarist Zammit mill-Knisja Arċipretali ta' San Sebastjan

Biex inżommu l-paċi dejjem, il-gazzetta ILLUM żaret ukoll il-paroċċa ta’ San Sebastjan. Filwaqt li l-arloġġ tax-xemx li jinsab mal-ġenb ta’ din il-knisja daħak għar-raġġi jaħarqu, l-Arċipriet fetaħ il-bieb u bit-tbissima ġenwina wieġeb hu wkoll xi mistoqsijiet. 

Għal kuntrarju tas-soltu, il-Knisja Arċipretali ta' San Sebastjan Martri kienet mudlama u vojta tant li leħen Dun Ewkarist Zammit irbombja. Dan il-fatt qajjem il-mistoqsija, “fil-ġurnata dedikata għal San Sebastjan Martri din is-sena, se jkun hawn l-istess hemda, dlam u kwiet?”  

Għal din hu wieġeb li għalissa “għadna qed nistennew kif se nipproċedu iżda jidher li fejn jikkonċernaw festi ta’ ġewwa, ix-xewqa u l-ħsieb jibqa’ li għandhom isiru.” 

L-istorja wara t-twaqqif ta’ din il-paroċċa taf tinstema’ familjari maż-żminijiet kurrenti. Dan għaliex l-ewwel knisja f’Ħal Qormi ddedikata lil San Sebastjan kienet nbniet propju biex dan il-qaddis jipproteġi lill-Qriema mill-pesta. Din il-knisja għadha teżisti iżda maż-żmien ma setgħatx takkomoda n-numru ta’ familji li żdiedu fil-paroċċa u allura inbniet il-Knisja l-kbira. 

More in Socjali