Intervista | Ħdejn Għar Lapsi għall-ħoss tan-naħal ... In-naħla ta' Malta

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Carmel Zammit, li jrabbi aktar minn 150 kaxxa naħal madwar Malta. Nagħtu ħarsa lejn il-ħajja tan-naħal barra u ġewwa l-kaxxa, l-għodda li jintużaw, il-produzzjoni tal-għasel ta’ Malta u ħafna aktar … 

Immaġinaw din. Xemx taħraq tisreġ,  riħa tas-sagħtar tħuf madwarek, il-baħar iċafċaf il-bogħod u f’daqqa waħda issib ruħek bin-naħal iduru madwarek. Din hi x-xena li sabet ruħha fiha din il-gazzetta meta iltaqgħet ma’ Carmel Zammit fix-xagħri ta’ Għar Lapsi. 

Biex tifhem ix-xogħol li jmur wara t-trobbija tan-naħal, il-gazzetta ILLUM staqsiet diversi mistoqsijiet fosthom; kif jitrabba n-naħal u kif isir l-għasel.

Il-miġbgħa tan-naħal f’Għar Lapsi

Hekk kif ix-xagħri tela’, Carmel Zammit beda’ triqtu għal-miġbgħa tan-naħal (apiary). Qabel il-Maltin kienu jużaw qolla tal-fuħħar biex irabbu n-naħal iżda fil-preżent jintużaw kaxxi tal-injam. 

F’sena tajba, wieħed jaf isib eluf ta’ naħal ġol-kaxxi fosthom in-naħla tal-għasel u l-bagħal tan-naħal iżda reġina tan-naħal dejjem waħda jkun hemm.

Ir-reġina hi mara li tkun żviluppata biżejjed biex tbid il-bajd. Il-bgħula (drones) ikunu irġiel li jeżistu biss biex jgħammru lir-reġina u jiffertilizzaw. Imbgħad hemm n-naħla tal-għasel, naħal nisa li normalment ma jbidux bajd, u minflok jieħdu ħsieb it-trobbija tal-frieħ u l-produzzjoni tal-għasel. L-iktar li jkun hemm fil-kaxxa huma propju n-naħal tal-għasel.

Il-ħajja tad-duqqajs

“In-naħal jibnu ix-xehda, dik tkun magħmula mix-xema',” beda jispjega Zammit. Fi ftit kliem hu qal li x-xehda magħrufa aħjar bħala ‘honeycomb’ tinkludi fiha mijiet ta’ ċelel bħal donnhom toqob żgħar. Hemm minnhom li fihom jitqiegħed il-bajd, u oħrajn jservu bħala maħżen għall-għasel. 

Zammit spjega kif f’dawn iż-żminijiet, tar-rebbiegħa u tas-sajf, r-reġina tibda ddur ċella wara l-oħra u tbid fihom il-bajd. Hemm proċess sħiħ wara l-ħajja tad-duqqajs -dudu tan-naħal- li Zammit ma daħalx fih iżda tajjeb tkun taf li tieħu bejn wieħed u ieħor 21-24 ġurnata sabiex bajda issir naħla. 

Il-ħajja barra u ġewwa l-kaxxa tan-naħal

Fis-silenzju u l-hemda qabel ma’ jibda l-ġenn tas-sajf f’Għar Lapsi, Zammit kompla jgħid kif ix-xogħol jinqasam bejn in-naħal skont l-eta’. 

In-naħal jagħtuna diversi prodotti iżda jieħdu min-natura wkoll fosthom in-nektar u l-għabra tad-dakra (pollen). In-nektar hu meraq li tipproduċi l-fjura apposta biex tiġbed l-insetti lejha. In-naħal jiġbed dan il-meraq li jkun ifuħ u pjuttost ħelu u jieħdu lura ġol-kaxxa imma mhux kollu. Parti minnu jibilgħu biex sintendi jibqa b’saħħtu.

L-għabra tad-dakra nisimgħu ħafna bih speċjalment minħabba l-allerġija ta’ uħud iżda dan hu utli ħafna għan-naħal. In-naħal ma jixorbux l-għabra tad-dakar għax bħal ma’ jissuġerixxi ismu dan hu bħal trab. Hemm żewġ modi ta’ kif tinġabar din l-għabra, jew teħel ma’ ġisem in-naħal jew inkella jiġbruh ġo but li n-naħal għandhom fuq is-saqajn ta’ wara.

Lura fil-kaxxa, kemm in-nektar u anke’ l-għabra tad-dakar, jitħaltu u jingħata lid-dud u n-naħal iż-żgħar. L-għabra ż-żejda tinħażen ġoċ-ċellel u tingħalaq b’dik li Zammit sejjaħ bħala ‘capping’. 

Bil-paċenzja kollha hu kompla jfiehem kif skont il-fjuri u s-siġar, in-naħal jipproduċu għasel differenti. Spjega wkoll li la darba jidra l-post, in-naħal jippreferi jieħu mill-istess tip ta’ siġra jew fjura li togħġbu imma f’ċirkostanzi oħra jispiċċa jlaqqat minn fejn isib. X'inhuma dawn iċ-ċirkustanzi, Zammit spjega aktar tard.

Min-natura, in-naħal jieħu wkoll iż-żaftura (propolis). Din tweħħel kważi kolla u n-naħal jiġborha mis-siġar. Iż-żaftura tintuża min-naħa biex iweħħlu fejn ikun hemm bżonn forsi xi toqob fiċ-ċellel jew xquq.

Aparti dan kollu, in-naħal jieħu wkoll l-ilma li jużah ukoll għall-għasel.

L-istruttura tal-kaxxa tan-naħal

Carmel Zammit bejn kelma u oħra, kompla għaddej b’xogħlu. Malli wasal maġenb l-ewwel kaxxa, qabad dak li hu sejjaħ bħala il-minfaħ (smoker). Dan il-minfaħ jużah biex id-duħħan tiegħu jikkalma n-naħal u b’hekk ma jattakax lil min irabbih. 

Zammit fetaħ l-għatu tal-kaxxa tal-injam u bil-mod tah daqqa biex in-naħal mweħħel miegħu jaqa’. Bil-kalma kollha spjega li meta tiftaħ il-kaxxa importanti li tagħmel kollox bil-mod biex lin-naħal ma taħsdux. Bin-naħal iddur miegħu, qala' l-għatu tar-reġina ukoll. 

Dan ikun bħal saff ew separatur li jifred ir-reġina minn naħal l-ieħor għal bosta raġunijiet. Zammit ċċara li jekk ir-reġina ssib iċ-ċans tibqa' tbid f’kull ċella li ssib u din hi waħda mir-raġunijiet għaliex jissepara r-reġina mit-tilari l-oħra. 

L-istruttura li jużaw f’dawn iż-żminijiet, tippermetti lil persuna li jrabbi n-naħal biex juża’ dawk msejħa żidiet. Dawn huma kaxxex żejda li jitqegħdu fuq il-kaxxa tad-duqqajs u jimtlew bix-xehed tal-għasel. 

L-ewwel kaxxa li fetaħ Zammit ma kienx fiha x-xehed tal-għasel iżda kien fiha biss ix-xehed bil-bajd u bid-dud tan-naħal. Biex jagħti demostrazzjoni aħjar ta’ kif tidher kaxxa tan-naħal kompluta, hu mexa għal kaxxa oħra. 

Mid-dehra tagħha kienet diġà tidher ferm itwal. Għal darba oħra reġa’ qabad il-minfaħ u beda’ jiftaħ it-tieni kaxxa tan-naħal. Din id-darba Zammit fetaħ l-għatu ta’ fuq u permezz ta’ sikkina beda’ jissepara x-xehed tal-għasel. Hawn li vera taprezza x-xogħol tan-naħal, permezz tal-produzzjoni estensiva tagħhom ix-xehed tal-għasel f’dan it-tilar kienu magħquda qishom ħaġa waħda.

Zammit enfasizza l-importanza li dejjem tibqa’ taħdem bil-mod. Skont hu n-naħal jaf ikun kalm jew aggressivi,  fil-każ ta’ din il-kaxxa n-naħal kien aggressiv.

La darba lesta, Carmel Zammit għalaq kollox. 

F'dan ix-xagħri hu għandu iktar minn kaxxa waħda kemm biż-żidiet u anke’ mingħajr. Filwaqt li x-xemx bdiet tinkih, Zammit irtira għal-kenn taħt siġra u flimkien mal-gazzetta ILLUM kompla jispjega iktar fid-detall in-naħal li hu tant iħobb.

Fil-ħlewwa tal-għasel

Kif stabbilixxejna diġà dan it-tip ta’ naħal ma jittrabix biss għall-għasel. Zammit irrakonta lil gazzetta ILLUM, kif jumejn qabel ħabat subajgħ ma’ kantun u l-uġigħ żammu milli jaħdem. Ma damx jinkwieta għax bis-saħħa tal-propolis fejjaq subajgħ mingħajr ansjetà.

In-naħal jipproduċi dak li hu msejjaħ propolis mix-xama' tagħhom stess. Hu maħsub li dan il-propolis għandu ħafna proprjetajiet antibatteriċi kif ukoll antifungali u anti-infjammatorji. Sfortunatament ir-riċerka xjentifika dwar il-propolis hi pjuttost limitata imma skont Zammit dan il-prodott jagħmel ħafna ġid.

Hemm ukoll ix-xama' tan-naħal magħrufa wkoll bħala x-xama isfar. Din hi sustanza mnissla mill-glandoli tan-naħal li tintuża’ biex jibnu ix-xehda fost oħrajn.

L-għeddewa tan-naħal

Bħalma l-indjani sabu l-cowboys jheddulhom l-abitat primarju tagħhom, in-naħal ukoll isibu bosta speċi jheddu l-eżistenza tagħhom. Bilqegħda għad-dell, fuq is-swaba ta’ idejh, beda’ jgħodd l-għeddewwa tan-naħal malti. 

Nibdew bin-nemel, dawn jisirqu l-għasel kull meta jsibu ċ-ċans u jigdmu s-sieq u l-ġwienaħ ta’ kull naħla li tipprova twaqqafhom. Din hi r-raġuni għaliex persuni li jrabbu n-naħal ġeneralment jaqtgħu l-kaxxi mill-art. 

Żunżana ddur ddur, fuq il-bejt tal-kaċċatur, iżda jekk tibqa' fuq il-bejt ma tantx jimporta. Iż-żunżan, msejjaħ ukoll bħala qerd in-naħal u ż-żanżun (german wasp) jħobbu jsibu posthom quddiem l-entratura tal-kaxxa tan-naħal li tinsab isfel. 

Lesti biex jattakkaw, huma jistennew lin-naħal jiġu mgħobbija bl-għabra tad-dakar. Kif issibuhom tqal, jaqbżu fuq dahrom, jaqsmuhom u jitilqu jifirħu b’ras u sider il-vittma lura lejn sħabhom. Hawn Zammit spjega li l-entratura importanti tkun żgħira biżżejjed li jidħol in-naħal biss.

Hemm ħafna iktar insetti kif ukoll xi mammiferi bħal ġrieden u firien li jkomplu jheddu ħajjiet in-naħal. Biex ifakkar il-parteċipazzjoni tat-tajr f’dan l-aspett, għasfur tal-bejt dlonk niżel ma’ saqajn Zammit, seraq katavru ta’ naħla u tar b’veloċità liema bħala. 

B’tbissima Zammit qal lil din il-gazzetta li t-terminu ‘qerd in-naħal’ jista' jirreferi wkoll għal tajra. Bħal ma isimha jissuġerixxi din it-tajra teqred bosta naħal flimkien ma’ speċi oħra ta’ tajr bħall-għasfur ta’ San Martin. 

Iżda l-għeddewa tan-naħal imorru lill-hinn minn hekk. L-ikbar għadu għal dawn il-kreatturi jibqa’ l-bniedem. Fil-verità l-għasel suppost jintuża biex in-naħal issotni ruħu, allura meta bniedem jabbuża jaf joqtolhom bil-ġuħ. Apparti minn hekk, l-użu tal-bexx ma jgħinx lanqas.

Hemm modi oħra kif bniedem jagħmel ħsara u saħansitra jhedded l-eżistenza tan-naħla ta’ Malta. L-aħħar waħda li semma Zammit hi dik li f’Malta qed insemmu frekwentament dan l-aħħar, l-iżvilupp. 

Jekk qed issib ruħek tistaqsi kif l-iżvilupp ideffes hawn wkoll, dan ir-raġel spjega bir-reqqa kif. Apparti r-raġunijiet ovvji bħal iktar art żviluppata mela inqas art fejn jitrabba n-naħal, hemm raġunijiet oħra.

Persuna li tiddeċiedi li trid trabbi n-naħal, dejjem huma mħeġġa jsibu post fejn in-naħal ma jtellifx in-nies. Issa immaġina ruħek fiż-żarbun ta’ nies bħal Carmel Zammit li viċin fejn irabbi n-naħal tiegħu f’Għar Lapsi stess ġie propost li jinqeleb bħala sit tal-caravans. 

Apis Mellifera

In-naħal ta’ Malta jagħmel parti minn madwar 20,000 speċi oħra ta' naħal li s’issa ġew skoperti fid-dinja. Hemm kunsinna ta’ raġunijiet għaliex in-naħla ta’ Malta hi speċjali.

‘Apis mellifera’ jew ‘honey bee’ hi l-iktar naħla komuni fid-dinja iżda ġeneralment issibha f’postijiet Ewropej u Afrikani. Dawn in-naħal huma l-iktar famużi għall-għasel, x-xama' u l-pollinazzjoni.

‘Apis mellifera ruttneri’ hi speċi ta’ naħal li oriġinat minn Malta. Dan l-ispeċi mhux biss jagħtina l-għasel imma x’aktarx ikkontribwixxa għall-isem tal-gżejjer tagħna. Dan għaliex il-Griegi tal-qedem laqmu l-Malta Μελίτη (Melitē) li tfisser "ħelu għasel".

In-naħal ta’ Malta hu iktar skur u jadatta tajjeb għal sjuf niexfa u xtiewi friski. Bħalna l-Maltin, dawn in-naħal huma fost l-uniċi naħal li ma jħobbux joqgħodu fis-solitudni u minflok jgħixu ġol-miġbgħa. Huma pjuttost razza difensiva u taf tkun aggressiva anke' skont dawk li jrabbuhom.

Zammit fakkar li dan l-ispeċi qiegħed jiġi estint imma t-Taqsima tal-Apikultura tad-Direttorat għad-Diversifikazzjoni u l-Kompetittività qed taħdem biex tnissel din ir-razza u tassigura il-livell ta’ purità

More in Socjali