Mużika Mużika: Mal-100,000 telespettatur jsegwu, ikantaw u jfaħħru r-ritorn tal-lingwa Maltija fl-ispettaklu

Il-Ħamis u aktar u aktar ilbieraħ eluf kbar ta' nies kienu mwaħħlin mat-televiżjoni jkantaw u jgawdu spattakklu mill-aqwa li ma setax ġie fi żmien aħjar ...

Franklin u Mary Spiteri jgħalqu s-serata bi Tfajjel Ċkejken
Franklin u Mary Spiteri jgħalqu s-serata bi Tfajjel Ċkejken

Il-Kanzunetta bil-Malti reġgħet lura fuq l-iscreens tat-televiżjoni bil-kbir. Wara snin ta' nuqqas il-kanzunetta Maltija u bil-Malti reġgħet lura fuq il-palk u fis-salott ta' eluf kbar ta' nies li kienu qed isegwu Mużika Mużika b'dak illi jidher li hemm qbil wiesa' dwaru fuq il-midja soċjali:  Kwalità organizzattiva tajba ħafna li tħabbatha mal-aqwa produzzjonijiet li kellha Malta fl-aħħar snin u anke ma' produzzjonijiet barra mill-pajjiż. 

Kienu bosta li faħħru l-viżwali tal-palk, l-ilbies, il-kuluri u anke l-kwalità għalkemm ir-rokna komika tal-bieraħ kienet fil-mira ta' kritiċi li ma sabuhiex daqstant komika.  Insomma l-umoriżmu huwa suġġettiv, bħal kull ħaġa oħra. 

Sorsi li kellmu lil dan is-sit qalu illi huwa stmat li nhar il-Ħamis segwew is-serata mad-90,000 persuna filwaqt li l-udjenza tal-bieraħ jidher illi telgħet għal madwar 100,000 telespettatur, jekk mhux aktar ukoll. 

Minkejja li s-serata tal-Ħamis filgħaxija intlaqgħet b'mod pożittiv ħafna b'kummenti varji dwar id-diski, l-aktar ir-ritorn tal-lingwa Maltija fl-ispettakklu, is-serata tal-bieraħ jidher li kienet segwita aktar u ntlaqgħet b'mod aktar pożittiv hekk kif eluf irħewlha jkantaw ma' diski popolari, wħud li kienu marru għall-Eurovision - imma dejjem bil-Malti.  Minn William Mangion, sal-Greenfields, Maryrose Mallia, Catherine Vigar, Renato u Mary Spiteri li għalqet is-serata bil-kbir bl-interpretazzjoni ta' tfajjel ċkejken ma' Franklin. Tfajjel ċkejken, jew Little Child kif interpretata bl-Ingliż, kienet ġiet fit-tieni post fil-Eurovision tal-1992, f'Malmo l-Iżvezja.  Dan kien l-aqwa riżultat li qatt kisbet Malta, sakemm ġiet fit-tieni post ukoll Ira Losco, bid-diska Seventh Wonder.

Mużika Mużika ma setax ġie fi żmien aħjar ukoll.  Spettaklu li għolla ftit il-moral hekk kif Malta bħalissa tinsab għaddejja minn kważi lockdown minħabba l-Covid-19.  Aljenazzjoni sabiħa ta' kant, kuluri u għaqda 'l bogħod minn negattiviżmu u moral baxx li kkaraterizzaw l-aħħar jiem. 

L-ispettakklu jiġi fi tmiemu llejla bil-finali, meta jintagħżel rebbieħ mit-12-il kanzunetta finalista. 

More in Socjali