Mhux se jiġu organizzati pellegrinaġġi u purċissjonijiet fi żmien ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira; Il-Knisja b'direttivi fiż-żmien li ġej

Din se tkun it-tieni sena konsekuttiva li dawn il-manifestazzjonijiet esterni mhux se jkunu qed isiru minħabba l-pandemija tal-Covid-19

Il-Kurja tal-Arċisqof bagħtet ittra lill-Arċiprieti, Kappillani u Retturi tal-Knejjes u li fiha kkonfermat li din is-sena mhux se jsiru pellegrinaġġi u purċissjonijiet matul ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa.

Din se tkun it-tieni sena konsekuttiva li dawn il-manifestazzjonijiet esterni mhux se jkunu qed isiru minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Madanakollu, għall-kuntrarju tas-sena l-oħra, il-knejjes jinsabu miftuħa u fil-fatt l-ittra, li ra s-sit illum.com.mt, tisħaq kif il-Knisja se tkompli tevalwa s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u 'l quddiem se tagħti direttivi dwar kif għandha tiġi ċċelebrata l-Liturġija tat-Tridu tal-Għid.

Is-sit illum.com.mt jinsab infurmat li se jingħata wkoll permess biex fil-knejjes ikunu jistgħu jintramaw xi vari devozzjonali, inkluż ir-Redentur, id-Duluri u anke l-Vara l-Kbira.

"Il-Knisja tħeġġeġ lill-poplu nisrani biex tul dan iż-żmien tar-Randan jisma' l-Kelma ta' Alla, jinġabar fit-talb u jagħmel karità. Il-Knisja timpenja ruħha biex permezz tad-diversi entitajiet tagħha, tipprovdi opportunitajiet biex il-poplu nisrani jkun jista' jagħmel dan," tkompli l-ittra.

Ir-Randan se jibda nhar is-17 ta' Frar. Normalment, minn dakinhar, isiru għadd ta' pellegrinaġġi tul ir-Randan kollu u li jilħqu l-qofol tagħhom bil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u anke bil-manifestazzjonijiet bl-istatwi ta' Kristu Rxoxt.

Fost il-pellegrinaġġi l-aktar magħrufa, hemm dak ta' Ħadd in-Nies f'Ħaż-Żabbar li jsir fl-Ewwel Ħadd tar-Randan u li dan l-aħħar reġa' beda jkun akkumpanjat bix-xbieha devota tal-Madonna tal-Grazzja, il-pellegrinaġġ bir-Redentur tal-Isla (fir-raba' ġimgħa tar-Randan) u dawk tad-Duluri, partikolarment dak fil-Belt Valletta.

More in Socjali