Aktar minn 18,800 dar eliġibbli għal ikliet b'xejn f'Settembru tas-sena l-oħra

 F'April tal-istess sena kienu b'kollox 19,771 dar li kienet eliġibbli fl-istess skema

F'Settembru tas-sena l-oħra kien hemm b'kollox 18,854 dar li kienet eliġibbli għal ikel mingħajr ħlas mogħtija mill-Istat, fl-iskema magħrufa bħala State Funded Food distribution (SFFD).  F'April tal-istess sena kienu b'kollox 19,771 dar li kienet eliġibbli fl-istess skema. 

Interessanti illi fl-ebda punt il-kollezzjonijiet ma laħħqu l-100%, jiġifieri li dawk kollha li huma eliġibbli ġabru l-ikel, għalkemm f'April - meta b'kollox kien hemm eliġibbli 19,771 dar - għal din l-iskema inġabru 90%.  Dan ġara hekk kif permezz ta' inizjattiva tal-Gvern l-ikel mingħajr ħlas beda jitqassam minn kumpanija lokali tat-taxis, minħabba l-imxija tal-Covid-19.

F'Settembru imbagħad kienu 79% ta' dawk li kienu eliġibbli illi ġabru l-ikliet mingħajr ħlas mogħtija lilhom. 

Dawk eliġibbli huma persuni u familji vulnerabbli bi qligħ baxx u ħafna minnhom li jkunu qed jgħixu fil-faqar. Ġeneralment dawn huma djar illi fihom jgħixu nies li jirċievu benefiċċji non-kontributroji, dawk li qegħdin fuq benefiċċji ta' qgħad u benefiċċji soċjali, pensjonanti bil-pensjoni non-kontributorja u li jgħixu waħedhom u djar fejn jgħixu persuni b'diżabilità bil-pensjoni tad-diżabilità u li ma għandhomx impjieg. 

Intant fi tliet distribuzzjonijiet oħrajn ta' ikel lil persuni u familji vulnerabbli, fl-2020 kien hemm dejjem aktar minn 3,000 dar eliġibbli fl-iskema FEAD, skema Ewropea li tgħin lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli.  Fi Frar kien hemm 3,166 dar eliġibbli, f'Ġunju 3,178 u f'Novembru 3,176.

More in Socjali