Eluf kbar ta' nies ċemplu l-179 jew 1772 fl-2020 minħabba sfidi ta' saħħa mentali u dipressjoni

Madwar 27,000 telefonata fl-2020 fuq linji apposta għall-għajnuna lil dawk li kellhom problemi ta' saħħa mentali, inkluż problemi minħabba l-pandemija ...

Sal-aħħar tas-sena l-oħra huwa stmat li fuq is-Supportline 179 kif ukoll il-linja 1772 saru 27,000 telefonata.  Din l-informazzjoni ingħatat lil din il-gazzetta mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Benesseri Soċjali (FSWS) u tkopri żewġ linji li persuni jċemplu biex jitkellmu ma' xi ħadd minħabba problemi diversi. 

L-FSWS tkakkar li kemm fuq Supportline 179 u kif ukoll fuq 1772 iċemplu persuni li għaddejjin minn dipressjoni u problemi ta' saħħa mentali. 

"Ikun hemm dawk li diġa' jkunu qed jieħdu għajnuna minn xi professjonisti oħra u jkun hemm dawk li jkunu għadhom qatt ma resqu għall-għajnuna u għalhekk dawn il-linji jservu bhala l-ewwel pass sabiex inkunu nistgħu nirreferuhom qabel ikun tard wisq," jispjega l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti.

Saħansitra Grixti jispjega kif matul dawn ix-xhur kien hemm persuni li waqt it-telefonati wrew ħsibijiet li jneħħu ħajjithom b'idejhom.  "Huwa essenzjali li f'dawn iċ-ċirkostanzi nintervjenu immedjatament sabiex nipprovdu l-għajnuna neċessarja lil dawn il-persuni u nikkollaboraw ma' professjonisti oħrajn biex inkunu nistgħu nagħtu l-aħjar servizz possibbli lil dawk li jċemplu," temm jgħid Grixti. 

Intant fl-ewwel sitt xhur tas-sena tal-2020 saru b'kollox 9,454 telefonata fuq il-179 u l-FSWS qed tistma' li sal-aħħar tas-sena kienu saru madwar 19,000 telefonata fuq din il-linja.  Interessanti illi l-maġġoranza assoluta ta' dawk li ċemplu fuq din il-linja, jiġifieri 59%, kienu nisa u 0.6% biss kienu tfal. 

Alfred Grixti
Alfred Grixti

Intant fuq il-1772, li hija linja li nbdiet f'Marzu li għadda u li fuqha, fost oħrajn, iċemplu nies li qed ikollhom problemi ta' solitudni  - speċjalment dawk li kellhom jibqgħu ġewwa waħedhom - saru 5,330 telefonata fl-ewwel erba' xhur biss (Marzu - Lulju).  Huwa stmat li sal-aħħar tas-sena se jkunu saru 8,000 telefonata fuq din il-linja. 

Grixti jgħid li apparti każi ta' solitudni kien hemm ukoll każi ta' nies li ċemplu minħabba illi l-fatt li kienu ġewwa biddel id-dinamika tal-familja, kif ukoll ġenituri li kellhom diffikultà jieħdu ħsieb lil uliedhom li għal ġranet sħaħ kienu d-dar minħabba li l-iskejjel kien magħluqin. 

Skont rapport tal-Fondazzjoni għas-Saħħa Mentali tar-Renju Unit ippubblikat lejn l-aħħar ta' Novembru 2020 dawn kienu xi fatti u figuri relatati mas-saħħa mentali u l-pandemija. 

  • Iż-żgħażagħ qalu li qed iħossu li qed jimmaniġġjaw mentalment inqas fit-tieni mewġa (49%) milli kienu qed jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni fl-ewwel mewġa (64%)
  • 17% mhumiex jimmaniġġjaw mentalment u minn dawn 37% diġa' għandhom problemi ta' saħħa mentali
  • 26% qalu li huma inkwetati li jħossu li ma jistgħux jimmaniġġjaw l-iżolament
  • Dawk li kellhom ħsibijiet suwiċidali kienu żdiedu minn 10% għal 13% fil-ġimagħtejn ta' qabel ma sar dan is-sondaġġ.
  • 56% tal-popolazzjoni tar-Renju Unit iħossu li mixjiet għinuhom biex iħossuhom aħjar, psikoloġikament
  • 42% ħassew illi l-fatt li żaru spazji għinhom iħossuhom aħjar 

More in Socjali