Intervista | ‘Artist irid ikun osservatur tajjeb ... Ġieli nara wiċċ xi ħadd u jispirani’

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-istatwarju Aaron Camilleri Cauchi u titkellem miegħu dwar is-sengħa li ilha għexieren ta’ snin tgħaddi minn id għall-oħra fil-familja tiegħu

Aaron Camilleri Cauchi
Aaron Camilleri Cauchi

Minkejja ċ-ċokon tagħha, Malta dejjem kellha artisti li ħallew warajhom opri tal-arti mill-isbaħ, partikolarment fil-knejjes. Bla dubju ta’ xejn, il-familja Camilleri Cauchi hija waħda mill-familji l-aktar magħrufa għal dan. Il-knejjes u l-festi tagħna huma miżgħuda bl-arti tagħhom. 

Fl-aħħar jiem, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma’ Aaron Camilleri Cauchi, statwarju li żgur ma għandu bżonn l-ebda introduzzjoni, partikolarment mad-dilettanti tal-festi. Aaron huwa iben il-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi, li llum għandu 77 sena u għadu jpaxxi lil kulħadd bix-xogħol ta’ jdejh.

Aaron jibda jfakkar lill-ILLUM li l-familja tiegħu ilha snin twal f’dan ix-xogħol. “L-ewwel xogħlijiet iddokumentati tan-nannu tiegħi jmorru lura għall-bidu tas-seklu 20,” beda jispjega l-artist. 

Aaron u missieru jiffokaw l-aktar fuq l-arti sagra. L-ILLUM tistaqih kemm għadha apprezzata u kemm għad hawn domanda għaliha, għax ngħiduha kif inhi, il-knejjes huma mimlija bix-xogħlijiet tal-arti.

L-istatwarju saħaq li tant kemm għadha qawwija d-domanda għall-arti sagra fil-knejjes u l-festi li kważi kważi ma tantx iżommu ordnijiet privati għax ma jlaħħqux max-xogħol.

Insista li x-xogħol ivarja ħafna. Spjega kif fejn jidħol ix-xogħol fil-knejjes dan l-aħħar kien hemm qabża. Insemmu biss ix-xogħlijiet li qed isiru għall-Ġimgħa l-Kbira b’mod partikolari s-sett ta’ statwi ġodda u uniku tal-injam għal Ħal Għaxaq, il-mimmi ta’ għajnejn Aaron Camilleri Cauchi.

“Naħseb li dan huwa l-akbar proġett li kellna. Huwa proġett uniku għal Malta. Hawn statwi tal-Ġimgħa l-Kbira tal-injam u imprezzabbli imma ma hawnx sett sħiħ li huwa tal-injam. Bħalissa qed naħdmu fuq il-Vara l-Kbira,” kompla Camilleri Cauchi. “Proġett ambizzjuż ħafna. Hu proċess twil. Meta għandek statwa tal-injam, fuq kull figura għandek bejn wieħed u ieħor sena xogħol. Għandna wkoll xogħol ieħor.”

Fil-fatt, din is-sena, kellha tiżżanżan l-istatwa tal-Veronika. Imma minħabba l-Covid-19 se jkollha tistenna ftit ieħor, anke jekk prattikament hija lesta.

Apparti dawn, hemm ukoll ix-xogħol li jkollhom ordnat għall-festi ta’ barra, li prattikament huma estensjoni ta’ dak li wieħed isib fil-knejjes. 

“Il-festi huma mużew fit-toroq b’xejn għal kulħadd. Ma hemmx aħna l-istatwarji biss. Hemm min jaħdem l-injam, min jaħdem id-drapp, il-pittura, l-isfumar, in-nar.” kompla jispjega.

Abbozz tal-istatwa tas-Sinedriju għal Ħal Qormi
Abbozz tal-istatwa tas-Sinedriju għal Ħal Qormi

Injam jew kartapesta ... x’jippreferi?

Aaron u missieru ħadmu mijiet ta’ statwi tal-kartapesta u tal-injam. L-ILLUM tistaqsi lil Camilleri Cauchi jekk jippreferix jaħdem statwa fil-kartapesta jew inkella jiskolpix waħda fl-injam.

L-istatwarju saħaq li kemm statwa tal-kartapesta u anke statwa tal-injam fiha s-sabiħ tagħha. 

Spjega kif bil-kartapesta qed joħroġ jew jibni statwa mix-xejn. Ħafna mill-materjali użati huma riċiklati. 

It-teknika tal-kartapesta, ikompli jispjega Camilleri Cauchi, ġiet importata f’Malta minn Sqallija madwar 300 sena ilu. L-istatwi kienu jkunu sempliċiment irjus, idejn u saqajn u jitlibsu bid-drapp. Tant u hekk li l-ewwel statwi f’Malta kienu jitlibbsu, kif fil-fatt għandna nsibu pereżempju fil-Birgu u anke fil-Katidral ta’ Għawdex.

Madanakollu, it-teknika tal-kartapesta f’Malta evolviet b’tali mod li llum tista’ tgħid li hija unika fid-dinja. L-artist spjega li kollox jibda minn anima. Ikollok pedata u zokk imwaħħal magħha. Ma’ dan iz-zokk tibda tibni l-istatwa.

F’ħafna pajjiżi oħra, ikollok sempliċiment trajbu u miegħu jitpoġġa d-drapp u jitqiegħed il-wiċċ, l-idejn u s-saqajn. Jekk wieħed jieħu l-istatwi li waslu minn Lecce, taħt se jsib tiben.

It-teknika Maltija mhijiex hekk. Qabel id-drapp, hemm figura sħiħa u propja, kompla jispjega l-istatwarju. Din il-figura tingħata l-pożizzjoni u titlibbes.

“F’Malta nlibbsu l-figura bid-drapp li jkun irrinforzat bil-kolla u l-ġibs. Lecce jlibbsu bil-karti. Id-drapp tagħhom huwa karti. Aħna nlibsu bid-drapp propja, anke jekk ikun drapp speċjali,” insista. 

Fakkar li llum f’Malta hawn vari li ilhom 200 jew 300 sena u għadhom perfetti, “Jekk l-artist ikun kapaċi, il-prodott finali ma jintgħarafx bejn injam u kartapesta,” saħaq Camilleri Cauchi. Semmejna wħud mill-istatwi titulari li huma tal-kartapesta u li jitqiesu bħala kapolavur, fosthom l-istatwa maestuża tas-Salvatur ta’ Ħal Lija, biex ma nsemmux statwi kapolavur tal-Ġimgħa l-Kbira. 

Statwi tal-Ġimgħa l-Kbira - Ħal Għaxaq
Statwi tal-Ġimgħa l-Kbira - Ħal Għaxaq

‘Qabel nibda statwa nkun diġà rajtha lesta f’moħħi’

Meta qed jaħdem statwa fl-injam, it-teknika hija totalment differenti. Għall-kuntrarju tal-kartapesta, l-artist għandu quddiemu xi ħaġa li hija lesta, l-injam jew inkella z-zokk u fi kliem Camilleri Cauchi, kulma jagħmel l-artist huwa li jqatta’ u jneħħi dak l-injam żejjed biex jikxef dak li għandu f’moħħu. 

Fi kliem sempliċi, artist, qabel ikun beda jnaqqax ikun diġà ra l-istatwa lesta f’dak iz-zokk. Iżda dan jgħodd ukoll għall-istatwi tal-kartapesta. Fi kliemu, qabel jibda, ikun diġà pinġa l-istatwa f’moħħu, anke jekk dejjem ibiddel, itejjeb u jirranġa.

Għall-kuntrarju tal-kartapesta, ikompli jispjega, statwa tal-injam tieħu aktar fit-tul biex tkun lesta.

“Ejja nieħdu s-sajf, għax il-kartapesta trid ħafna nxif. Statwa tal-kartapesta tagħmilha f’xahrejn. Tal-injam għandek madwar sena.. Tal-injam hija teknika, kważi kważi ripetittiva, għax inti dejjem tiskolpi u fl-aħħar ikollok l-irfinar u l-polikromija,” kompla l-istatwarju.

Illum aktar milli zokk sħiħ, saru jiskolpixxu injam li jkun imwaħħal flimkien, madanakollu ħadmu wkoll statwi minn zokk sħiħ, fosthom l-Irxoxt tal-Bażilika ta’ San Ġorġ ta’ Għawdex u anke l-istatwa titulari ta’ Kristu Re ta’ Raħal Ġdid.

“Bdejna nsibu ftit problemi, kemm minħabba ħela ta’ materjal għax mhux faċli tnaqqax minn zokk sħiħ u anke sfidi marbuta mal-importazzjoni għax ftit għadek issib zkuk ta’ dak id-daqs,” spjega l-artist.

Apparti minn hekk, il-fatt li jużaw injam imwaħħal flimkien milli zokk sħiħ, inaqqas ukoll l-isfidi marbuta maċ-ċaqliq fl-injam, anke jekk dan qatt mhu se jieqaf.

“L-injama hija ħajja. Il-kartapesta mhijiex. Jekk ma jkollokx ċaqliq, hemm ċans li l-injama tkun mardet,” kompla l-artist.

Santa Marija - Rabat (Għawdex)
Santa Marija - Rabat (Għawdex)

‘Kważi kważi, statwa tal-injam nippreferi nħalliha hekk’

Tkellimna wkoll fuq il-wirjiet li ġieli tellgħu fl-istudios tagħhom anke biex wieħed japprezza l-statwa qabel tingħata ż-żebgħa.

“Kważi kważi, l-istatwi tal-injam, nippreferi nħallihom fuq l-injama. Wieħed jista’ japprezza aktar ix-xogħol,” spjega Camilleri Cauchi.

L-ewwel statwa li taw l-opportunità lill-pubbliku biex jaraha fl-istat oriġinali tagħha kien il-Marbut ta’ Ħal Għaxaq. Aaron Camilleri Cauchi spjega kif qabel din il-vara, l-aħħar statwa tal-injam għall-Ġimgħa l-Kbira kienet dik tar-Redentur ta’ Bormla, maħduma 152 sena qabel.

“Għalhekk il-ġenerazzjonijiet tagħna u anke ta’ qabilna, qatt ma kienu raw statwa tal-injam fl-istat orġinali. Meta lestejna din l-istatwa, lill-missieri għidtlu ħasra li ħadd mhu se jkun raha fl-istat oriġinali tagħha u minn hemm ġiet l-idea li nibdew nesebixxu l-istatwi tal-injam qabel nagħtuhom iż-żebgħa u ssirilhom il-polikromija,” spjega. “Kif għidtlek qabel, il-prodott finali, bejn statwa tal-kartapesta u tal-injam huwa kważi kważi identiku. Almenu wara sena xogħol, ix-xogħol tal-iskultur ikun jista’ jiġi apprezzat.”

L-Irxoxt tan-Naxxar
L-Irxoxt tan-Naxxar

Ħadem xi statwa li baqgħet wisq għal qalbu?

L-ILLUM staqsiet lil Aaron Camilleri Cauchi jekk hemmx xi statwa partikolari li ħadem u li tibqa’ għal qalbu ħafna, forsi aktar minn oħrajn. Sabha diffiċli biex jagħżel waħda biss.

Għal qalbu huma l-istatwa ta’ Santa Marija li tittella’ fuq pedistall quddiem is-Sede tal-Banda Leone tar-Rabat Għawdex u l-proġett sħiħ tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira għal Ħal Għaxaq.

L-ILLUM innutat li kontinwament Aaron Camilleri Cauchi beda jsemmi l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Tistaqsih kemm hu għal qalbu dan iż-żmien u x-xogħol marbut miegħu.

“Il-Ġimgħa l-Kbira personalment inħobbha ħafna. Apparti minn hekk, forsi tinstema’ stramba, imma nħobb is-suġġett tat-tbatija,” saħaq. “Fl-arti, is-suġġett tat-tbatija huwa interessanti ħafna biex tesprimih.”

Imbagħad hemm vari oħra li jibqgħu għal qalbu u qalb missieru, b’mod partikolari Kristu Re ta’ Raħal Ġdid. “Għall-missieri huwa l-mimmi ta’ għajnejh,” insista.

Iżda din mhijiex l-uniku vara titulari li ħadmu. Riċentament ħadmu l-vara titulari ta’ San Ġorġ Preca tas-Swatar u anke l-vara ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta, li sal-lum għadha qed titgawda fl-istat orġinali tagħha.

“Dettall żgħir u ħelu,” kompla jgħidilna l-artist, “huwa fl-anġlu li għandu miegħu Santu Wistin. Wiċċu kont ħdimtu fuq wiċċ it-tifel tiegħi. Ħafna artisti jagħmluha. Missieri kien għamel lili u lil ommi f’waħda mill-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira Ħal Qormi.”

Restawr San Pietru Birżebbuġa
Restawr San Pietru Birżebbuġa

‘Dejjem ninsisti li nitħalla fil-libertà

Ovvjament hemm ċertu simboliżmi li ma jistax iħalli barra meta qed jaħdem statwa ta’ qaddis. Madanakollu, l-ILLUM tistaqsih kemm jitħalla fil-libertà meta persuna jew għaqda tmur għandu u tordna statwa.

Camilleri Cauchi insista li hu mill-ewwel jesprimi x-xewqa li jitħalla fil-libertà.

“Kull artist għandu l-istil tiegħu u għalhekk min jiġi għandek sinjal li għax ikun jogħġbu l-istil tiegħek,” spjega. “Nesiġi ħafna fuq il-libertà. Hemm simboliżmi li tkun marbut bihom, imma bħala pożizzjoni u moviment inkun irrid il-libertà. Hekk taħdem aktar għal qalbek.”

Insista li ġieli kien hemm drabi fejn ma aċċettax biċċa xogħol għax min ikkummissjona l-istatwa rrestrinġieh ħafna. “Meta ma tkunx komdu tagħmel xi ħaġa, ma tkunx qed tagħmilha għal qalbek. Jien dejjem ngħid li jekk ma nkunx kuntent bi statwa jien, mhux se jkunu n-nies.”

Santu Wistin tal-Belt Valletta
Santu Wistin tal-Belt Valletta

‘Artist irid ikun osservatur tajjeb’

L-ILLUM tistaqsih fuq il-muża. Ġieli jbati biex jibda jaħdem fuq statwa? Beda jwieġeb li mingħajr muża ma tagħmel xejn.

“Jiġi perjodu fejn tinxef mill-ideat. L-artist għandu l-ħajja personali tiegħu. Kulħadd ikollu l-problemi tiegħu. Ġieli jkollok statwa tagħmel sigħat tħares lejha u ma tkunx tista’ taħdem għax ma jkollokx ideat. Ġieli jkollok xogħol dejjem tipposponih. Imbagħad ġieli tkun qed toħlom u tiġik idea jew tkun xi mkien u tara wiċċ xi ħadd li jispirak,” kompla jispjega.

Fil-fatt, Camilleri Cauchi insista li artist irid ikun osservatur tajjeb u fi kliemu din hija l-ewwel ħaġa bażika li għandu jitgħallem artist. 

“Il-ħin kollu tosserva. Anke l-espressjoni fl-uċuh ta’ nies. Qabel trid tkun kreattiv trid tkun kapaċi tosserva. Nitakar f’persuna li ma għadux magħna, li kellu wiċċu espressiv wisq anke d-daqna tiegħu. Kważi kważi kif tarah kont nimmaġinah statwa ta’ xi appostlu, xi Sant’Andrija,” kompla l-artist.

Aaron ma' missieru Alfred Camilleri Cauchi
Aaron ma' missieru Alfred Camilleri Cauchi

Missieru jagħtih pariri?

Aaron Camilleri Cauchi ħa s-sengħa minn missieru. L-ILLUM tistaqsih jekk jitolbux parir fuq statwa li jkun qed jaħdem.

“Anke jekk ma nitolbux parir jagħtihuli,” qalilna bid-daħka. “Jien nitolbu dejjem parir. Taf kemm taf, dejjem tibqa’ titgħallem. Hu jħallini nimrah fl-istil tiegħi. Għandu esperjenza kbira.”

Ġieli ma jaqblux? “Il-ħin kollu. Anke meta nkunu qed naħdmu flimkien fuq l-istess proġett.” kompla jgħidilna jidħaq. “Dan hu s-sabiħ. Għandek żewġ persuni, bl-ideat u l-kreattività tagħhom u qed jaħdmu flimkien. Mhux faċli li żewġ artisti jaħdmu flimkien. Naslu għax missier u iben. Fl-aħħar mill-aħħar dejjem inkunu rridu aħjar minn dak li nkunu qed nagħmlu. Qatt ma nistgħu nilħqu l-perfezzjoni imma sabiħ li tipprova tilħaqha.”

San Ġorġ - Kazin Ghaqda Muzikali San Gorg Martri Qormi
San Ġorġ - Kazin Ghaqda Muzikali San Gorg Martri Qormi

X’fatturi jieħu inkonsiderazzjoni qabel jaħdem statwa?

Tkellimna wkoll miegħu dwar l-istili differenti u anke l-aspetti li jrid jieħu inkonsiderazzjoni meta qed jaħdem statwa. Hemm ħafna fatturi li bħala statwarju jieħu inkonsiderazzjoni.

“Dejjem trid taddatta kemm għall-post u anke għall-użu li statwa se jkollha. Jekk hijiex vara ta’ devozzjoni, bħal vara tal-Ġimgħa l-Kbira, jekk hux se tkun fuq pedistall fit-toroq jew hijiex statwa ta’ marċ li trid tkun aktar allegruża,” saħaq l-istatwarju.

Hemm ħafna fatturi oħra. Meta statwa se tkun fuq pedistall jew inkella f’niċċa li hija baxxa, irid jieħu inkonsiderazzjoni wkoll il-qisien biex jara kemm se jagħmel il-wiċċ iħares ‘l isfel.

“Jekk għandek pedistall għoli, idealment tagħmilha tħares aktar ‘l isfel biex il-ħarsa tagħha tiltaqa’ ma’ dik tan-nies,” spjega l-artist. “Jekk se tintuża għall-purċissjoni, apparti l-pedistall hemm l-għoli tal-ispalla tar-reffiegħa u għalhekk ukoll trid tikkalkula l-ħarsa.”

Hemm ukoll id-devozzjoni. Erġajna dorna għas-suġġett tat-tbatija marbut mal-Ġimgħa l-Kbira. Spjega kif permezz tal-vara, bħala statwarju jrid iwassal u jgħin lil min qed iħares lejn l-istatwa biex jifhem dak li l-Mulej għadda minnu. “Aħna ma rridux nieqfu biss mal-istatwa.”

“Għandek l-att artistiku, reliġjuż u sagru flimkien. L-arti sagra, kważi kważi tgħabbi lill-artist b’aktar responsabbilità,” kompla jispjega. “Il-poplu statwa jagħmilha tiegħu. Inħossu li hija tagħna. Hija parti mill-kultura, mill-identità u l-ħajja tagħna.”

San Ġorġ Preca - Swatar
San Ġorġ Preca - Swatar

‘Nippreferi nistaħba f’kantuniera ta’ knisja u nisma’ n-nies jikkummentaw fuq xogħli’

Fl-aħħar nett l-ILLUM tistaqsih kemm hu apprezzat ix-xogħol tagħhom. Beda jfakkar li l-istorja dejjem tirrepeti ruħha u l-artist, jagħmel x’jagħmel, huwa apprezzat dejjem aktar wara mewtu milli f’ħajtu.

Madanakollu insista li n-nies japprezzaw u dan jinnutah anke meta jdur festi u n-nies iwaqqfuh u jkellmuh fuq xogħlu.

“Jiena mistħi ħafna. Nippreferi nistaħba f’kantuniera fi knisja u nara n-nies japprezzaw ix-xogħol tiegħi. Mhux l-ewwel darba li nagħmilha. Nitħallat man-nies, għax ma jkunux jafuni u nieħu gost nismagħhom jitkellmu fuq xogħli, anke jekk qed jagħmlu kritika kostruttiva,” temm jgħid l-artist.

More in Socjali