Fl-aħħar jiem ħafna marru jagħtu d-demm ... appelli biex aktar nies jagħtu aktar fil-jiem li ġejjin

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jgħid li s-sena se tispiċċa tajjeb grazzi għall-ġenerożitá tal-Maltin u tħeġġeġ biex aktar nies jagħtu d-demm

"Il-maratona tal-Istrina li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet b’risq dawk li għandhom bżonn għajnuna minħabba ċirkostanzi ta’ mard reġgħet uriet il-qalb ġeneruża tal-Maltin u l-Għawdxin. Mil-lat ta’ għoti ta’ demm wieħed jista’ jgħid ukoll li fil-jiem li għaddew id-donazzjonijiet tad-demm ma kinux nieqsa."  Hekk sostna fi stqarrija Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm li fakkar illi dan ser iwassal biex minkejja l-ħafna diffikultajiet u sfidi, "din is-sena se nispiċċawha b’togħma tajba."

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjon tad-Demm għalhekk - filwaqt li awgura s-Sena t-Tajba lil kulħadd - reġa' ħeġġeġ lill-pubbliku biex jagħti demm bħala Strina lil tant morda li f’dawn il-jiem ta’ festi qed jiġu rikoverati fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex.

Għaldaqstant l-għoti tad-demm bħala Strina, fil-jiem li ġejjin jista’ jsir:

1 - Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum - inkluż festi pubbliċi u jiem ta’ vaganzi - mit-8:00am sas-6:00pm.  

*b’eċċezzjoni, jekk ir-riserva tad-demm tkun tippermetti, nhar l-Ewwel tas-Sena, Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa jagħlaq fis-1:00pm minflok fis-6:00pm.

2 - Fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 3 ta’ Jannar mit-8:30am sas-1:00pm ser ikun fil-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa. 

 3 - Fil-Berġa tax-Xewkija li nhar Il-Ħadd 3 ta’ Jannar ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Tinsewx illi biex tagħtu d-demm jeħtieġ li tieħdu l-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti.

N.B: Kulmin se jagħmel is-swab test tal-coronavirus jew qed jistenna r-riżultat tiegħu ma jkunx jista’ jagħti demm sakemm joħroġ r-riżultat li hu negattiv għall-virus. 

 

 

 

More in Socjali