'Fil-lokalità tagħna m'hemmx ghettoes ... imma iva hemm żoni li jirrikjedu aktar attenzjoni u infurzar'

Is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar Alfred Grima - voċiferu dwar l-immigrazzjoni - qal illi filwaqt li huwa minnu li hemm żoni fil-lokalità li jetħieġu aktar attenzjoni u preżenza tal-pulizija, dan bl-ebda mod ma jfisser li jistgħu jissejħu ghettoes.  Jappella kontra politiċi li jeseġeraw għall-gwadann politiku ...

Alfred Grima, Sindku ta' San Pawl il-Baħar
Alfred Grima, Sindku ta' San Pawl il-Baħar

"Naħseb li l-kelma 'ghetto' mhix f'lokha u fl-opinjoni tiegħi fil-lokalità tagħna ma hemmx ghettoes.  Hemm żoni li jeħtieġu aktar attenzjoni biex tkun segwita l-liġi?  Iva, mela. Imma mhux ghettoes."

Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar (li tinkorpora lil Buġibba u l-Qawra fost oħrajn) Alfred Grima dwar kummenti li għadda l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li residenti qed jibżgħu għax żoni f'lokalitajiet - skont hu - saru ghettoes.  Grima jispjega kif fil-lokalità apparti li jgħixu eluf ta' Maltin, hemm komuntajiet kbar ta' Sirjani, Serbi u qal illi qed jiżdiedu l-komunitajiet ta' nies mill-Filipppini, l-Indja u pajjiżi oħrajn Ażjatiċi.

Huwa qal illi hemm ukoll ħafna persuni li ddeċidew li jiġu jirtiraw pajjiżna, fil-lokalità.  Hu jgħid iżda illi dawn qegħdin jonqsu.  "Irridu naraw għalfejn bħala pajjiż dawn qed jonqsu.  Huwa jindika li raġuni waħda għal dan jistgħu jkunu l-kirjiet li fl-aħħar snin - speċjalment dawk ta' qabel il-pandemija - raw żieda kbira ħafna.  "Kull progress fih ukoll ir-rigress," jgħid Grima ma' din il-gazzetta. 

Alfred Grima qal li hemm bżonn jiġu determinati x'inhuma dawk l-affarijiet li huma tajbin, imma wkoll dawk li qed jitfgħu lill-pajjiż lura u li qed iwasslu biex dawn it-tip ta' residenti jitilqu minn Malta. 

 Minkejja dan, is-Sindku tal-akbar lokalità f'Malta jisħaq illi l-kelma 'ghetto' ma tirrapreżentax s-sitwazzjoni fil-lokalità.  "Imma hemm problemi mela, ta' xorb fit-toroq per eżempju.  Il-problema hija illi jkollok żoni illi fihom kontinwament tinkiser il-liġi.  Issa li tixrob fit-toroq sa issa mhix illegali."

Hawnhekk is-Sindku Laburista jgħid illi l-Kunsill Lokali għadda Bye-Law illi permezz tagħha persuni ma jkunux jistgħu jixrobu fit-toroq, imma biss f'żona ta' stabbiliment.  

Jiġifieri qed jgħid li xorb (u forsi sokor) fit-toroq kienet problema f'din il-lokalità?

"Iva din kienet u għadha problema.  Jiena favur in-negozju sakemm dak in-negozju jsir kif suppost u fejn suppost.  Jiena ma naċċetta qatt, per eżempju, li confectionery jsir bar.  Din mhix serjetà" qal Grima mal-ILLUM. 

"Ikollok nies li ma jifilħux jixorbu u dawn joħolqu problemi għar-residenti.  Din hija inaċċettabli."
Grima qal illi l-Gvern laqa' s-suġġeriment ta' bye-law u qal li issa jippretendi li l-Parlament jgħaddiha għall-ġid tar-residenti. 

'Ħażin li politiku jkabbar l-affarijiet għall-gwadann politiku'

Grima jgħid illi minkejja dan u fl-opinjoni tiegħu "huwa ħażin li jkollok politiku - hu min hu - li jkabbar l-affarijiet għall-gwadann politiku.  In-nies dan ma tridux.  Trid tirrikonoxxi fejn hemm problemi imma mhux negattività.  U trid toqgħod attent ukoll," qal Grima.  "Meta tkabbar l-affarijiet iktar milli huma tkun qed tagħmel ħsara lir-residenti stess u l-investiment li jkunu għamlu fil-proprjetà tagħhom fil-lokalità," sostna Grima. 

Hu għadda botta politika u fakkar illi minkejja li qed jitkellem dwar ghettoes Delia kien wieħed minn dak id-69 avukat li meta l-Gvern Laburista ta' Joseph  Muscat kien hedded b'pushback iffirma protest ġudizzjarju biex dan il-pushback ma jsirx. "Mhux se nidħol fil-mertu tal-każ.  Pero dak li ffirma u dak li qal jikkontradixxu lil xulxin.  Jiena dak li nemmen ngħidu għax nemmnu u għax inħoss il-polz tar-residenti li niltaqa' magħhom," sostna Grima. 

Is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar mhuwiex nieqes mill-kontroversja fuq is-suġġett tal-barranin u l-immigrazzjoni, fil-fatt ma' din il-gazzetta stess nhar is-7 ta' Ottubru 2019, qal hekk: 

“Ma nħobbx nidentifika problema ma’ sezzjoni jew oħra. Imma li ndaħħlu l-barranin u qisna free for all ... jiena dejjem għidt li aħna għandna nkunu barra t-Trattat ta’ Shengen. Il-bieb tad-dar qiegħed hemm biex niddeċiedi jiena min jidħol u joħroġ, mhux ħadd ma jaf min dieħel u x’inhu dieħel.” 

F'din l-intervista Grima kien ammetta illi jaf li l-Partit Laburista li hu jirrappreżenta ma jaqbilx mal-opinjoni tiegħu, imma baqa’ jinsisti.
Mistoqsi ċar u tond jekk jħossx li l-integrazzjoni f'San Pawl il-Baħar - kieku kellna nieħduha bħala test case - ħadmitx jew le, hu kien ċar: 

"Onestament ma naħsibx li rnexxiet. Nemmen li meta barrani jmur f’pajjiż ieħor jeħtieġ jsegwi l-liġijiet. Meta mort barra jiena hekk għamilt.”  
Din id-darba Grima jerġa' jfakkar illi l-pajjiż għandu obbligi internazzjonali u umanitarji x'josserva u dan wieħed ma jistax jinsieh.  "Irridu ngħinu lil min qed jaħrab mill-gwerer.  Anzi għandna obbligu li ngħinu.  Iżda rridu nħarsu l-interessi tar-residenti wkoll."

Huwa jgħid li meta mar pajjiżi  bħal Singapore ried jimla' karti biex il-Gvern tal-pajjiż jaċċerta li jekk tikser il-liġi b'mod flagranti titkeċċa u jistaqsi għaliex pajjiżna ma jistax jagħmel l-istess.

'Diżilluż li l-Community Policing ma ddaħalx f'San Pawl il-Baħar' 

Finalment is-Sindku Grima jisħaq illi jinsab diżilluż illi l-lokalità li jmexxi ma kinitx inkluża fl-iskema tal-Community Policing. Din l-iskema twaqqfet għal aktar pulizija fit-toroq Maltin primarjament għall-infurzar, speċjalment f'żoni fejn hemm aktar kriminalità. 

"Ma nistax nifhem kif lokalità b'popolazzjoni ta' madwar 50,000 persuna u ma konniex parti minn din l-inizzjattiva u lokalità ta' ftit għexieren ta' nies ingħatat dan is-servizz," ilmenta Grima.

"Jekk il-pulizija tħoss li hemm raġuni għalfejn din ma tiddaħħalx fil-lokalità tagħna napprezza jkunu aktar ċari miegħi.  Anke r-residenti jinsabu ddispjaċuti li din l-inizjattiva ma ddaħlitx f'San Pawl il-Baħar."

Huwa temm jirringrazzja lill-kollegi Kunsilliera tiegħu għall-ħidma li qed iwettqu flimkien.                                                           

 

More in Socjali