L-istaġun tal-lampuki wara l-bieb ... isir it-tberik tradizzjonali tad-dgħajjes

F’Malta u Għawdex hawn 122 sajjied irreġistrati għas-sajda tal-lampuki

Hekk kif l-istaġun tal-lampuki jinsab wara l-bieb ilbieraħ saret iċ-ċelebrazzjoni tradizzjonali tat-tberik tad-dgħajjes u l-bastimenti.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni, li ssir kull sena f'Marsaxlokk, attenda ​​l-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, bit-tberik, bħal dejjem, sar mill-Kappillan Xlukkajr, Dun Luke Seguna

Il-gvern provda ’l fuq minn 15,000 werqa tal-palm għas-sajjieda tal-lampuki li ġew imqassma b’xejn fil-ġranet li għaddew bħala għajnuna.

F’Malta u Għawdex hawn 122 sajjied irreġistrati għas-sajda tal-lampuki, fejn għada jkunu jistgħu jitfgħu l-kannizzati tagħhom biex fl-aħħar tal-ġimgħa jmorru jdawwru ċ-ċimi għall-ewwel qabda tas-sena. 

L-istaġun tal-lampuki jibda fil-15 t’Awwissu u jibqa’ għaddej sal-aħħar tas-sena. Preżentament, id-dgħajjes u l-bastimenti huma mgħobbija bil-kannizzati kif ukoll bil-ġebel, palm u ċimi sabiex flimkien joħorġu ’l barra u jsorġu ċ-ċimi skont il-pożizzjonijiet li ġew provduti lilhom mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura.

Il-Ministru Anton Refalo qal li dawn it-tradizzjonijiet huma marbuta mal-kultura u l-identità tagħna. F’dan ix-xahar t’Awwissu, kemm il-familji kif ukoll l-imprendituri tar-ristoranti jkunu qegħdin jistennew biex iduqu u jservu l-lampuki għall-ewwel darba. Il-ħidma tas-sajjied Malti għandha tkun ferm apprezzata, mhux matul dan l-istaġun biss, iżda s-sena kollha.

More in Socjali