Il-Kurja tippubblika d-direttivi dwar il-festi u l-pellegrinaġġi

Il-baned tal-lokal jistgħu jieħdu sehem fil-pellegrinaġġ

Hekk kif l-Awtoritajiet tas-Saħħa u dawk Governattivi taw il-permess biex jistgħu jsiru attivitajiet tal-massa, il-Kurja tal-Arċisqof ħabbret li se tkun qed tagħti permess biex f'jum il-festa jkun jista' jsir pellegrinaġġ ta' talb u ringrazzjament bil-vari titulari u sekondarji.

Dawn jgħoddu ukoll anke għal min il-festa liturġika jew inkella l-Ħadd li fih is-soltu jiċċelebraw il-festa għaddew.

Id-data tal-festa...

Il-festa għanda tiġi ċċelebrata fid-data tal-festa liturġika jew inkella fil-Ħadd li s-soltu tkun iċċelebrata l-festa fix-xhur tas-sajf.

Dawk il-parroċċi, li kemm il-festa liturġika kif ukoll il-ġurnata tal-festa fis-sajf, ġa għaddew, jew fejn ma tistax tiġi ċċelebrata f’dik id-data għandhom isibu ġurnata oħra li fiha jiċċelebraw il-festa. Din il-ġurnata għandu jkollha l-approvazzjoni tal-Vigarju Ġenerali qabel titħabbar.

Kif se jiġu ċċelebrati l-festi?

Din is-sena, il-festa għandha tiġi ċċelebrata fil-jum biss billi jkun hemm quddiesa tal-festa u jsir pellegrinaġġ ta’ talb u ringrazzjament bil-vara meqjuma f’dik il-festa.

Il-pellegrinaġġ jista’ jsir filgħodu jew filgħaxija.

Il-vara meta tista' tinħareġ min-niċċa?

L-istatwa għandha tinħareġ min-niċċa b’mod privat f’ġurnata li jagħżel il-Kappillan, mhux aktar kmieni minn jumejn qabel ma tkun se tiġi ċċelebrata l-festa.

Id-dħul tal-vara lura fin-niċċa għandu jsir b’mod privat sa mhux aktar tard minn jumejn wara l-festa.

Il-quddiesa tal-festa

"Il-Quddiesa Solenni għandha tkun ċelebrata b’mod dinjituż," tisħaq il-Kurja.

Il-kappillan għandu jiddeċiedi liema tip ta’ mużika u kant huwa possibbli u vijabbli biex tkun iċċelebrata l-quddiesa tal-festa fiċ-ċirkostanzi ta’ din is-sena.

F’dan ir-rigward, hu ssuġġerit li jintuża l-kor parrokkjali biex hekk ikun hemm aktar involviment ta’ parruċċani fil-festa. Meta ċ-ċirkustanzi ma jippermettux dan, jistgħu jitqabbdu korijiet/mużiċisti/kantanti oħra.

Il-pellegrinaġġ

"Il-pellegrinaġġ huwa mixja ta’ fidi. Fih l-insara huma mistiedna jagħmlu stqarrija ta’ fidi u jitolbu bl-interċessjoni tal-qaddisin. Il-parroċċa għandha tieħu ħsieb li t-talb tul il-pellegrinaġġ ikun organizzat bl-aħjar mod u b’tali mod li l-poplu jkun jista’ jieħu sehem," tisħaq il-Kurja

  • Fil-pellegrinaġġ jistgħu jieħdu sehem il-fratellanzi.
  • Fil-każ ta’ dan il-pellegrinaġġ jistgħu jinħarġu wkoll iċ-ċensier, l-akkolti, is-salib tal-kleru, eċċ. Tista’ tinħareġ ukoll ir-relikwa. Il-kleru li jkunu qed jakkumpanja jilbes ilbies liturġiku addattat.
  • It-tul u r-rotta tal-pellegrinaġġ jiddeċidihom il-kappillan. Il-pellegrinaġġ ma għandux jdum aktar minn sagħtejn.
  • Fil-każ tal-pellegrinaġġ, fid-dħul tal-vara fil-knisja, tista’ ssir ċelebrazzjoni liturġika li tinkludi l-barka sagramentali.

Jista' jkun hemm baned?

"Din is-sena fil-pellegrinaġġ għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw il-baned lokali kollha marbuta ma’ dik il-festa," tispjega l-Knisja.

Minħabba n-natura tal-pellegrinaġġ, għandhom jindaqqu biss innijiet reliġjużi u innijiet jew marċi proċessjonali marbuta mal-qaddis/a, li jkunu ġew miftiehma minn qabel mal-kappillan. Ma jistgħux jindaqqu marċi brijużi waqt is-servizz li jkun qed jingħata relatat mal-pellegrinaġġ.

Il-Knisja u t-toroq se jiġu armati?

Sa fejn hu possibbli l-artal maġġur għandu jkun armat bl-istess armar li s-soltu jkun armat fil-festa.

Artali ta’ festi sekondarji għandhom ikunu armati bl-istess armar li s-soltu jkunu armati bih fil-festa tagħhom.

Il-kumplament tal-Knisja minn ġewwa jista’ jkun armat ukoll b’mod modest, u b’rispett lejn id-drawwiet tal-post. Ma għandux isir armar aktar milli jsir is-soltu. 

It-tiżjin tal-knisja minn barra u t-toroq jista’ jsir sakemm il-parroċċa ma tidħolx għal spejjeż biex dan isir. 

Id-dettalji kollha ssibhom hawn

More in Socjali