Intervista | ‘Kull sena jiġu prodotti mal-160 varjant ġdid ta’ kannabis sintetika f’laboratorji klandestini’

Ilu 16-il sena jiġġieled id-droga fi triqatna flimkien mat-tim tiegħu mill-Iskwarda ta’ Kontra d-Droga fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-Assistent Kummissarju Dennis Theuma u tistaqsih dwar il-ħidma ta’ din l-iskawdra, ir-realtajiet tad-droga f’Malta u l-isfidi li jiffaċċjaw anke għax kif jistqar hu stess kull sena jkun hawn fis-suq droga ġdida żviluppata f’laboratorji klandestini madwar l-Ewropa

Tista’ tgħid li kważi darba f’ġimgħa nisimgħu dwar xi rejd li tkun wettqet l- Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. Minkejja dan, isiru kemm isiru arresti, id-droga tibqa’ tiġri u diversi huma dawk li jaqgħu vittmi ta’ nies bla skrupli u bla prinċipji li l-interess tagħhom huma biss il-flus biex ikunu jistgħu jixtru karozzi lussużi, jilbsu ċ-ċpiepet tad-deheb u jgħixu ħajja ta’ re mingħajr qatt ma jmissu max-xogħol. Dwar dan u aktar, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Assistent Kummissarju Dennis Theuma, il-persuna responsabbli mill-ġlieda tal-Korp tal-Pulizija kontra d-droga u t-traffikar tagħha.

Bdejna nitkellmu dwar ix-xogħol ta’ din l-iskwadra u mill-ewwel, l-Assistent Kummissarju, insista li x-xogħol ewlieni tagħhom huwa li jwaqqfu t-tixrid tad-droga f’Malta. Għalhekk, anke jekk saħaq li ġustizzja trid issir ma’ kulħadd, insista li ssir differenza bejn persuna vittma tad-droga u dawk li jbiegħuha u jittrafikawha.

“Aħna nagħmlu differenza bejn persuna li tispiċċa bil-vizzju tad-droga u persuna li jmexxuha u jkomplu jgħaksu lill-vittmi.”

Fil-fatt, Theuma spjega kif anke jekk il-liġi qiegħda hemm u trid tiġi osservata minn kulħadd, persuna li tinqabad b’ammont żgħir ta’ droga u jkun ċar li din tkun għall-użu personali tagħha, filwaqt li ssir l-investigazzjoni, il-Pulizija tipprova tgħinu wkoll.

“Jekk għandek pussess aggravat jew persuna li tittraffika d-droga, ovvjament il-pieni huma differenti u anke l-approċċ tagħna jkunu differenti għax dawn iridu jagħmlu l-flus minn fuq il-miżerja ta’ ħaddieħor,” saħaq, waqt li insista li jkun hemm minnhom ukoll li jkollhom il-vizzju.

Fil-fatt, il-liġi tipprovdi li persuna li tkun akkużata b’pussess aggravat jew inkella bi traffikar, jekk tikkonvinċi l-Qorti li waslet sa hawn minħabba d-dipendenza serja tagħha fuq id-droga, il-Qorti tikkonverti ruħha f’dik imsejħa “drug court” fejn persuna tista’ ma teħilx sentenza effettiva ta’ ħabs sabiex tingħata l-għajnuna.

“Ovvjament jekk taqbad persuna b’ammont ta’ qratas tad-droga huwa mod u persuna oħra nieżla b’għaxar kilo droga, hemm iċ-ċirkostanzi huma differenti,” insista l-Assistent Kummissarju.

Tkellimna fuq persuni li jinqabdu bil-pussess tad-droga għall-użu personali u spjega kif hawn mhux l-ewwel darba li kemm hu, u anke l-iskwadra tiegħu, jaħdmu biex jgħinu lil din il-persuna tegħleb il-vizzju anke għax ġieli ġenituri stess jitolbu l-għajnuna. Fakkar li fi ħdan il-Korp hemm il-Victim Support Unit li jaħdem ma’ entitajiet oħra bħall-Caritas.

‘Nippreferi nara persuna li toħroġ mill-vizzju’

“Jiena nippreferi nara persuna li tkun ħarġet mill-vizzju. Ngħid ara kellha problema serja u bl-għajnuna tal-entitajiet u l-familja tagħha għelbet il-vizzju. Ovvjament kollox jiddependi mill-persuna,” insista Theuma. “Ilni 16-il sena fl-iskwadra u nifhem li huwa diffiċli li persuna tegħleb il-vizzju.”

Tkellimna dwar il-pieni għal dawk li jittraffikaw id-droga u jekk humiex biżżejjed ta’ deterrent, bl-Assistent Kummissarju jisħaq li Malta għandha fost l-aktar pieni ħorox fl-Ewropa. Traffikanti jistgħu jeħlu bejn sitt xhur għal għaxar snin ħabs.

“Jiena naqbel magħhom. Jiena ma nġibx biss quddiem għajnejja l-vittma iżda anke l-qraba kollha tagħhom, il-ġenituri, in-nisa u t-tfal li jbatu magħhom jekk hux aktar minnhom ukoll,” insista.

Din is-sena kienet nieqsa mill-parties bħal-Lost and Found jew Earth Garden fejn mhux l-ewwel darba li f’party wieħed ġew arrestati għexieren ta’ persuni.

‘Nippruvaw nikkonċentaw fuq il-ħuta l-kbira’

“Jekk waqt dan il-party jkun hemm abbuż, aħna rridu nagħmlu xogħolna. Imma rrid inserraħ ras kulħadd li aħna meta mmorru hemm nippreferu narrestaw il-persuna li qed taqdi milli dik li qed tinqeda. Biss ix-xogħol tagħna rridu nagħmluh. Ma nistgħux nagħlqu għajnejna. Imma kif spjegajt, l-approċċ tagħna huwa differenti skont il-pussess,” insista Theuma. “Kemm jista’ jkun aħna nippruvaw nikkonċentraw fuq il-ħuta l-kbira, jiġifieri min imexxi d-droga u min jitraffikaha.”

Kien hawn li saħaq li dan mhux faċli. “Ġieli jkollok operazzjoni li ddumlek lejl sħiħ jew ġranet. Għandi pulizija li ġieli lanqas imorru jorqdu d-dar biex ma jitilfux ħin. Il-kriminal dejjem jipprova jkun pass qabilna. Ġieli jirnexxilna u ġieli le. Iżda nassigurak li aħna nibqgħu dejjem nistinkaw biex inkunu aktar proattivi,” insista Theuma.

‘Sakemm hemm id-domanda, id-droga se tasal’

Staqsejtu jekk il-fatt li bħalissa l-ajruporti u l-portijiet jinsabu magħluqa għenx biex tonqos id-droga f’Malta u d-domanda għaliha. Vera li ngħalqu dawn ‘il-kurituri’ għad-droga, anke għax Malta peress li hi gżira, id-droga trid tidħol jew mill-ajruport jew inkella mill-portijiet, iżda Theuma fakkar li d-droga tidħol b’mod klandestin u b’xi mod jirnexxielha. Fi kliemu, sakemm ikun hemm id-domanda, se jkun hemm id-droga u ma jidhirx li l-COVID-19 naqqas b’xi mod id-domanda.

“Sakemm hemm min irid id-droga u lest iħallas għaliha se jkun hemm nies bla qalb u bla ruh li lesti jgħixu minn fuq il-miżerja ta’ ħaddieħor,” saħaq Theuma.

‘Ikun hemm min jikxef iżda mhux dejjem’

Ħafna drabi, jinqabdu l-aktar dawk li jkollhom fuqhom ammonti żgħar, anke għax it-traffikant u min ibigħ joqgħod aktar b’seba’ għajnejn għax jafu l-konsegwenzi. Komplejt nistaqsih kemm hu diffiċli li dawn il-vittmi jitkellmu u jikxfu lil min tahom id-droga. 

“Ikun hemm vittmi li lesti jikkoperaw u jikfxu lil min xtraw minn għandhom. Hemm provediment fil-liġi li jisħaq li jekk persuna tikxef informazzjoni dwar traffikant, tibbenefika minn tnaqqis fil-piena tagħha. Il-liġi tipprova tħajjar lill-vittma biex jikkopera. Dejjem nipprovaw imma ma nistgħux nisfurzaw. Ikun hemm min ma jkunx irid jikxef. Mhux faċli li jkun hemm min jikxef. Hemm diversi ċikorstanzi,” spjega.

‘Ġieli għamilna jiem insegwu persuna u mbagħad ma nsibu xejn ... xogħolna diffiċli’

Fl-aħħat tliet snin, bejn l-2017 u l-2020, l-istatistika turi li kull sena naqsu l-għadd tal-arresti b’rabta mad-droga. Fl-2017 kien hemm 798 arrest, 678 fl-2018 u 501 arrest fl-2019. Sa issa, din is-sena, ġew arrestati 57 persuna, iżda wieħed irid iżomm f’moħħu, kif spjegat, li ma sarux parties li fihom mhux l-ewwel darba li saru għexieren ta’ arresti. Tkellimna wkoll dwar dan.

“Ġieli jkollok party li fih narrestaw mat-30 jew l-40 persuna. Din is-sena ma kellna xejn minn dan. Aħna nippruvaw nikkonċentraw fuq kwalità, jiġifieri nsibu lil dawk b’pussess aggravat, jiġifieri mhux għall-użu esklussiv u traffikar. Dawn l-aktar li jagħmlu ħsara,” tenna l-Assistent Kummissarju. “Imbagħad ix-xogħol tagħna mhux xjenza eżatt. Ġieli mingħalik se tagħmel rejd u se ssib id-droga u ma ssibx. Ġieli tagħmel jiem twal issegwi persuna, bil-paċenzja kollha u mbagħad ma ssib kważi xejn għax ikun spiċċalu x-xogħol. Hemm element ta’ xorti wkoll fix-xogħol tagħna, apparti l-kapaċità u d-dedikazzjoni tat-tim tiegħi.”

‘Ma nafx hux se nirbaħ il-battalja ... imma nibqa’ nittama’

Jiġu kemm jiġu arrestati t-traffikanti, id-domanda hekk se tibqa’ u l-vittmi jkollhom iduru fuq oħrajn li ma nqabdux forsi għax huma aktar makakki u aktar perikolużi. Dan biex ma nsemmux li l-prezz jiżdied. X’jaħseb dwar dan l-Assistent Kummissarju? 

“Ma nafx jekk hux se nirbaħ il-battalja finali. Iżda se nibqa’ nittama u niġġieled. Sakemm ikun għad hawn persuni li jridu jinqerdu, se jibqa’ jkun hemm min ibiegħ id-droga,” insista. “Aħna nippruvaw nillimitaw id-droga fit-toroq.”

Kien hawn li fakkar li l-proċeduri jieħdu ż-żmien ukoll li anke traffikant, bħal kull persuna oħra, għandu dritt għall-ħelsien mill-arrest.  

“Ġeneralment, flok jieħdu tbeżbiża, ikomplu fejn ħallew,” kompla jisħaq, waqt li spjega li n-nies iħossuhom iddiżapuntati. “Imma aħna xogħolna nkunu għamilnih. Dawn huma proċeduri. Hemm proċess sħiħ. Sta għalina li mbagħad nippruvaw nistaduh, nerġgħu narrestawh u nakkużawh li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.”

Fi kliem l-Assistent Kummissarju, anke jekk id-detterenti huma kbar, id-droga trendi l-flus u t-traffikanti dan biss jaraw.

Persuna waħda li toħroġ mill-vizzju ttina l-kuraġġ biex inkomplu niġġieldu d-droga u t-traffikar tagħha’

Għalhekk il-ġlieda trid tkun minn kull naħa. “Jekk se naqta’ d-domanda, se nweġġa’ s-supply. Mhux faċli. Tgħidli wieħed se jagħmel differenza? Jekk neħħejtilhom klijent għalija suċċess.”

Hawn tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni u fi kliemu din mhijiex nieqsa. Apparti x-xogħol li jsir minn diversi entitajiet, l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wkoll għandha tim speċjalizzat ta’ pulizija li jduru l-iskejjel, fost oħrajn u kull sena jagħmlu mijiet ta’ taħdidiet.

“Jitkellmu anke ma’ gruppi ta’ ġenituri biex ikunu jafu x’inhi d-droga biex jekk, pereżempju, isibu xi ħaġa partikolari fil-kamra tat-tifel u t-tifla, jifhmu x’inhi,” saħaq. 

‘Ir-riskju hemm qiegħed ... ħafna drabi mad-droga insibu armi tan-nar’

Kien hawn li l-gazzetta ILLUM staqsiet lil Theuma kif tikkumpara s-sitwazzjoni f’Malta ma’ dik fil-bqija tal-Ewropa u jekk għandhomx biżżejjed riżorsi.

“Jekk ngħidlek li għandi biżżejjed riżorsi nkun qed nigdeb. Qatt ma għandek biżżejjed u dan jgħodd għall-kwalunkwe aġenzija tal-infurzar tal-liġi, kemm Malta u kemm barra, mill-aktar waħda avvanzata,” insista Theuma. “Aħna nsegwu l-liġi. Mill-banda l-oħra, kontra min qed niġġieldu huma nies bla prinċipju u għalhekk ir-riżorsi tagħhom huma aktar avvanzati. Ma jfissirx li naqtgħu qalbna.”

Fi kliemu, barra minn Malta għandhom l-istess problemi, iżda Malta peress li hija żgħira u kulħadd jaf lil kulħadd, dan joħloq sfida. “Barra minn Malta tista’ taqbad pulizija, tibagħtu f’villaġġ ieħor undercover biex jinfiltra f’xi organizzazzjoni kriminali, anke jekk dan huwa riskju kbir. Malta ma nistgħux.

Ma jfissirx li f’Malta l-Pulizija ma tirriskjax. Fakkar li diversi drabi, apparti d-droga, waqt xi rejd isibu wkoll armi tan-nar u dawn ma jkunux hemm biex iżejnu iżda sinjal li hawn persuni li jġorruhom magħhom. “Hemm riskju, iżda għandi nies dedikati.”

Droga ġdida: ‘Iridu nassiguraw li ma nħallux toqob fil-passatur’

Id-droga, bħat-teknoloġija tinbidel u dejjem nisimgħu dwar xi droga jew tendenza ġdida. Kif toħloq sfida lill-Pulizija? L-Assistent Kummissarju insista li t-traffikanti dejjem jaraw kif se joħorġu b’sustanzi ġodda, bħad-droga sintetika biex iżidu l-qligħ tagħhom.

“It-traffikant irid jonfoq l-inqas flus iżda mbagħad idaħħal aktar,” insista Theuma. “Iva, jidħlu sustanzi oħra bħal kannabis sintetika ... Uħud minnhom mediċina perikoluża. Kull sena jiġu prodotti mal-160 varjant kull sena, f’laboratorju klandestini madwar l-Ewropa.”

Għalhekk importanti, kompla jisħaq, li jkun hemm l-emendi kollha fil-liġi biex kwalunkwe sustanza tkun inkluża biex ma jiġux f’pożizzjoni li jarrestaw persuna u ma jkunux jistgħu jieħdu passi kontriha għax is-sustanza ma tkunx skedata. “Ma nistgħux inħallu toqob fil-passatur.”

Għaliex aktar jiġu arrestati żgħażagħ? Possibbli huma biss il-problema?

Id-droga tolqot nies ta’ kull età u minn kull klassi, iżda x’aktarx nisimgħu ħafna aktar biż-żgħażagħ. X’jaħseb dwar dan Theuma?

“Domanda diffiċli. Hemm ħafna fatturi. Tkun għadek żgħir tkun għadek tesperimenta. Il-peer pressure hija xi ħaġa perikoluża. Żgħażagħ ma jkunux iridu jħossuhom ermaġinati. Tkun ma’ grupp li jabbuża minn xi sustanzi, biex tidher ‘cool’ tibda ftit ftit tabbuża inti wkoll biex tħossok inkluż. Kelli diversi każi hekk fil-karriera tiegħi,” saħaq Theuma. 

Madanakollu qal li dan ma jfissirx li ma jkunx hemm persuni ta’ etajiet akbar. Forsi jkun hemm min hu akbar fl-età u jkun għadda minn ċirkostanza partikolari li ġabitu f’sensih, iżda mhux kulħadd l-istess. “Ġieli arrestajt persuni, darbtejn, tlieta u li mhux żgħar li ma jkollhomx is-saħħa jegħlbu l-vizzju.”

Temm jgħid li ħadd ma jista’ jgħid li ma jafx bil-konsegwenzi ħżiena tad-droga, iżda sfortunatament mhux kulħadd l-istess. “Hija deċiżjoni li wieħed jieħu minħabba diversi fatturi. Diffiċli toħroġ mill-vizzju iżda lanqas ma hu impossibbli.”

More in Socjali