'Il-memorji qatt mhu se nġibuhom lura ... wara l-inċident tlifna l-kuntentizza kollha'

Carmel Pace jixhed fil-Qorti kif martu Miriam Pace kienet ilha żmien tgħix imbeżża' fid-dar tagħha

Hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni kontra l-erbat irġiel akkużati li bi traskuraġni kkawżaw il-mewt ta’ Miriam Pace li sfat mirduma taħt dik li kienet id-dar tagħha, illum xehed Carmel Pace, ir-raġel tal-vittma.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud u quddiem l-akkużati, Carmel Pace spjega kif Miriam kienet ilha mbeżża’ minħabba x-xogħlijiet ta’ skavar li kienu għaddejja biswit ir-residenza tagħhom u spiċċat tgħix l-aħħar jiem ta’ ħajjitha f’ansjetà.

Pace saħaq li martu kienet esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-iżvilupp diversi drabi qabel dan l-inċident tant li kienet marret fuq il-post biex tifhem ix-xogħlijiet li kienu se jsiru biswit id-dar tagħha.

Spjega kif il-problemi bdew fit-18 ta’ Frar, meta ġġarraf ħajt li kien jifred id-dar tagħhom minn mal-ġnien li fih kellu jsir ix-xogħol. Qal li kien infurmat dwar dan l-inċident għall-ħabta tat-3pm meta wasal id-dar mix-xogħol.

Huwa spjega kif kienet saret laqgħa bejn il-ġirien u l-perit tal-proġett. Dan sar fil-garaxx tal-ġar tagħhom fl-24 ta’ Frar. Kemm il-kuntrattur u anke l-perit kienu preżenti.

Pace u l-ġirien jiltaqgħu mal-perit u l-iżviluppatur...

Pace saħaq li waqt din il-laqgħa, il-ġirien kienu esprimew it-tħassib tagħhom dwar ix-xogħlijiet ta’ skavar, bil-ġirien jinsistu li tinżamm id-distanza ta’ żewġ piedi u nofs, skont il-liġi.

Skont Pace, waqt il-laqgħa kemm il-perit u anke l-kuntrattur qalulhom li din il-liġi kienet antika u ma kienx hemm bżonnha.

Iżda mhux hekk biss. Il-ġirien staqsew lill-iżviluppatur u anke lill-perit dwar il-possibbilità li waqt ix-xogħlijiet ta' skavar tintuża sega, fosthom anke biex jonqos l-istorbju u l-impatt.

"Qalulna li dan jiswa' ħafna flus u ma kinux lesti jonfqu daqshekk," kompla jixhed Pace.

Il-familja Pace, kompla jixhed Carmel, kienet qabdet ukoll perit biex jissorvelja x-xogħlijiet.

'Meta wasalt fuq il-post fhimt li miraklu biss seta' jsalva lil Miriam'

Kompla jixhed kif fis-27 ta’ Frar, Pace qal li wara li wasal mix-xogħol, sema ħoss qawwi ħafna mill-istess ġnien.

“L-ewwel li għamilt mort niċċekja l-ħajt minħabba xi konsenturi. Il-ħoss kien qawwi ħafna,” saħaq Pace.

Kompla jixhed dwar ix-xogħlijiet li kienu għaddejja u anke dwar dakinhar meta d-dar tiegħu ġġarfet waqt li martu kienet fiha.

Spjega li kien infurmat dwar l-inċident minn kollega. Prova jċemplilha, kemm fuq il-mowbajl u anke fuq it-telephone u meta baqgħet ma rrisponditx induna li martu kien ġralha xi ħaġa.

“Meta wasalt fuq il-post u rajt id-dar, immedjatament fhimt li miraklu biss seta’ jsalva lil Miriam,” saħaq żewġha.

Qal li minn fost it-tifrik salvaw biss żewġ vettrini li fihom kien iżomm xi kotba.

“L-akbar telfa kienet il-memorji kollha li kellna u li qatt mhu se jġibu lura. Tlifna l-kuntentizza kollha li kellna fil-familja tagħna,” insista Pace mbikkem.

Il-ġimgħa li għaddiet ġie spjegat kif evidenza, fosthom ritratt u anke biċċiet ta’ żebgħa juru kif hydraulic excavator kien qed jintuża biswit id-dar ta' Pace sekondi qabel l-inċident fatali.

Ħaddiem xehed quddiem il-Pulizija li kien ġie mwissi minn wieħed mill-ħaddiema biex ma jitkellimx għax fi kliemu, l-excavator, tressaq fuq in-naħa l-oħra tas-sit wara l-inċident.

Madanakollu, filmati minn kameras tas-CCTV juri li sekondi biss qabel l-inċident fatali, l-excavator kien qed iħaffer taħt id-dar ta’ Pace.

More in Socjali