Aġġornata | Ħaddiem xtaq jikxef x'ġara eżatt meta ġġarfet id-dar ta' Miriam Pace basta jkun protett

Evidenza, fosthom ritratti u anke frammenti ta' żebgħa juru kif hydraulic excavator kien qed jintuża biswit id-dar ta' Pace sekondi qabel l-inċident fatali

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta' erba' persuni li qed ikunu akkużati li kkaġunaw il-mewt ta' Miriam Pace, il-mara li kienet spiċċat mirduma taħt it-terrapien tad-dar tagħha.

L-akkużati huma erba' fosthom żewġ periti, kuntrattur u ħaddiem. L-erba' li huma qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

L-Ispettur Robert Vella, li qed imexxi l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, saħaq li waqt l-investigazzjonijiet, wieħed mill-ħaddiema saħaq li lest jgħid il-verità dwar l-inċident bil-patt li jkun protett.

Qed ikun allegat li l-inġenju li wassal biex iġġarfet id-dar ta' Pace kien tmexxa 'l bogħod miż-żona fejn kien qed isir ix-xogħol ftit ħin wara li waqgħet id-dar.

Skont l-Ispettur, ix-xhud qed jisħaq li wieħed mill-akkużati li kien qed iħaddem il-hydraulic excavator, qallu biex iżomm ħalqu magħluq dwar dak li seħħ verament inkella se jidħol fi problemi kbar.

Fil-fatt, fil-Qorti, l-Ispettur Vella wera ritratti li juru l-makkinarju, li kien għadu ġdid, li tressaq fuq in-naħa l-oħra tas-sit, jiġifieri 'l bogħod minn fejn waqgħet id-dar.

Madanakollu, filmati tas-CCTV, juru l-excavator jintuża biswit id-dar ta' Pace, 22 sekonda biss qabel waqa' l-bini.

Fil-Qorti ntqal ukoll kif minn fuq il-makkinarju ġew elevati biċċiet biż-żebgħa mix-showroom biswit id-dar ta' Pace, vetturi li kienu fl-istess showroom u anke żebgħa mill-kuritur tad-dar tal-familja.

Mistoqsi mill-Avukat tad-Difiża, Arthur Azzopardi, l-Ispettur Vella saħaq li skont l-evidenza, il-hammer head tal-makkinkarju kien għadu ġdid u twaħħal dakinhar stess filgħodu.

Intant, il-Maġistrat Joe Mifsud laqa' t-talba tal-prosekuzzjoni biex ikun eżaminat il-mowbajl tal-akkużat, li allegatament hedded lill-kollega tiegħu, biex ikun stabbilit x'kommunikazzjoni saret kemm qabel u anke wara l-inċident.

Il-kumpilazzjoni tkompli nhar it-Tnejn.

More in Qrati u Pulizija